ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 37
GĦANJA 114 “Kunu paċenzjużi”
X’Tistaʼ Tagħmel Dwar l-Inġustizzja
“Hu baqaʼ jittama għall-ġustizzja imma kien hemm l-inġustizzja.”—ISA. 5:7.
DAK LI SE NITGĦALLMU
X’għamel Ġesù meta ra lil oħrajn jiġu trattati b’mod inġust, u kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu.
1-2. Ħafna nies x’jagħmlu meta huma jew oħrajn jiġu trattati b’mod inġust, u x’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?
FID-DINJA hawn ħafna inġustizzji. Ħafna nies jiġu trattati ħażin minħabba li huma foqra, minn fejn huma, jew kif jidhru. Oħrajn ibatu minħabba negozjanti jew mexxejja fil-politika li jkun moħħhom biex jaqilgħu l-flus. Dawn l-inġustizzji u oħrajn jaf jaffettwaw lilna jew lil xi ħadd li nafu.
2 Illum ħafna huma rrabjati jew għax ġew trattati ħażin jew għax qed jaraw lil oħrajn jiġu trattati ħażin. Aħna kollha nixtiequ li niġu trattati sew u ngħixu fil-paċi. Xi wħud jipprovaw isolvu l-problemi li jaraw fid-dinja u fil-pajjiż tagħhom billi jiffirmaw petizzjonijiet, jipprotestaw, jew jivvotaw għal mexxejja politiċi li jwiegħdu li se jsolvu dawn il-problemi. Però, bħala Kristjani, aħna mgħallmin biex ma nkunux “parti mid-dinja” u biex nistennew għas-Saltna t’Alla, għax hi se tneħħi l-inġustizzji kollha. (Ġw. 17:16) Minkejja dan, xorta jiddispjaċina jew ġieli nirrabjaw meta naraw lil xi ħadd jiġi trattat ħażin. Jistaʼ jkun nibdew naħsbu: ‘X’nistaʼ nagħmel meta dan jiġri? U x’nistaʼ nagħmel minn issa dwar l-inġustizzja?ʼ Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, l-ewwel ejja naraw kif Ġeħova u Ġesù jħossuhom dwar l-inġustizzja.
ĠEĦOVA U ĠESÙ JOBOGĦDU L-INĠUSTIZZJA
3. Għala hu normali li ġieli nħossuna rrabjati minħabba l-inġustizzja? (Isaija 5:7)
3 Il-Bibbja tagħti r-raġuni għala ma niħdux pjaċir meta aħna jew oħrajn jgħaddu minn inġustizzja. Tispjega li Ġeħova ħalaqna fuq xbieha tiegħu u li hu jħobb is-sewwa u l-ġustizzja. (Slm. 33:5; Ġen. 1:26) Hu qatt ma jittratta ħażin lil xi ħadd u ma jridx li n-nies jittrattaw ħażin lil xulxin. (Dewt. 32:3, 4; Mik. 6:8; Żak. 7:9) Pereżempju, fi żmien Isaija, Ġeħova semaʼ l-“biki” taʼ ħafna Iżraelin li kienu qed jiġu trattati ħażin minn Iżraelin oħra. (Aqra Isaija 5:7.) Ġeħova ħa azzjoni billi kkastiga lil dawk li m’obdewx il-Liġi tiegħu u kienu qed jittrattaw ħażin lil oħrajn.—Isa. 5:5, 13.
4. Ġesù kif iħossu meta xi ħadd jiġi trattat b’mod inġust? (Ara wkoll l-istampa.)
4 Bħal Ġeħova, Ġesù jħobb il-ġustizzja u jobgħod l-inġustizzja. Darba waħda meta kien fuq l-art, hu ra raġel b’idu pparalizzata. Ġesù tant tħassru li fejqu, imma meta l-mexxejja reliġjużi raw dan irrabjaw ħafna. Huma qalu li Ġesù kien kiser il-liġi tas-Sabat. Ma kienx jimpurtahom li r-raġel ma kienx għadu qed ibati. Ġesù kif ħassu meta ra r-reazzjoni tagħhom? Hu kien “imweġġaʼ ħafna minħabba li kienu bla qalb.”—Mrk. 3:1-6.
Il-mexxejja reliġjużi fi żmien Ġesù kienu jittrattaw ħażin lin-nies imma Ġesù kien iħobbhom u jgħinhom (Ara paragrafu 4)
5. Għala ma rridux nibqgħu rrabjati meta naraw l-inġustizzja?
5 La Ġeħova u Ġesù jirrabjaw meta jaraw l-inġustizzja, allura għandna raġun li aħna wkoll inħossuna rrabjati. (Efes. 4:26) Però, irridu niftakru li kwalunkwe rabja li nħossu, anki jekk tkun ġusta, mhux se ssolvi l-inġustizzja. Fil-fatt, jekk nibqgħu rrabjati għal żmien twil nistgħu nimirdu jew nispiċċaw dipressi ħafna. (Slm. 37:1, 8; Ġak. 1:20) Allura, x’għandna nagħmlu meta aħna jew oħrajn jiġu trattati b’mod inġust? L-eżempju taʼ Ġesù jistaʼ jgħallimna.
X’GĦAMEL ĠESÙ META RA LIL OĦRAJN JIĠU TRATTATI B’MOD INĠUST
6. Liema inġustizzji kienu komuni meta Ġesù kien fuq l-art? (Ara wkoll l-istampa.)
6 Ġesù ra ħafna inġustizzja meta kien fuq l-art. Hu ra kif il-mexxejja reliġjużi żiedu iktar regoli li bihom għamlu l-ħajja tan-nies iktar diffiċli. (Mat. 23:2-4) Hu kien jaf ukoll li l-mexxejja Rumani kienu qed jittrattaw lin-nies ħażin ħafna. Ħafna Lhud xtaqu li jinħelsu mir-Rumani, fil-fatt xi wħud anki ffurmaw gruppi li jiġġieldu kontrihom. Minkejja dan, Ġesù qatt ma involva ruħu maʼ xi grupp minnhom biex ibiddel il-gvern. Meta sar jaf li xi nies riedu jagħmluh re, hu telaq.—Ġw. 6:15.
Meta n-nies riedu jagħmlu lil Ġesù re, hu telaq ’l hemm (Ara paragrafu 6)
7-8. Ġesù għala ma provax isolvi l-inġustizzji meta kien fuq l-art? (Ġwanni 18:36)
7 Ġesù ma involviex ruħu fil-politika biex jipprova jsolvi l-problemi li ra. Għala le? Għax hu kien jaf li l-ebda bniedem m’għandu d-dritt jew l-abbiltà li jmexxi fuq bniedem ieħor. (Slm. 146:3; Ġer. 10:23) In-nies ma jistgħux ineħħu l-wieħed li qed jikkaġuna l-inġustizzji, Satana x-Xitan. Hu qed imexxi din is-sistema, hu kattiv, u ħafna nies fid-dinja spiss jimitawh. (Ġw. 8:44; Efes. 2:2) U anki nies bl-iktar intenzjoni tajba ġieli jkunu inġusti peress li huma imperfetti. Allura ma jistgħux isolvu l-problemi.—Ekk. 7:20.
8 Ġesù kien jaf li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ tneħħi l-kaġun prinċipali tal-inġustizzja. Kien għalhekk li hu qattaʼ l-ħin u l-enerġija biex “jipprietka u jxandar l-aħbar tajba tas-Saltna.” (Luqa 8:1) Hu aċċerta lil “dawk li jixtiequ ħafna li ssir ġustizzja” li l-affarijiet kollha li kienu qed iġegħluhom ibatu u l-ħażen kienu se jispiċċaw darba għal dejjem. (Mat. 5:6; Luqa 18:7, 8) L-ebda gvern uman ma jistaʼ jagħmel dawn il-bidliet, is-Saltna t’Alla biss tistaʼ, u din mhijiex “parti minn din id-dinja.”—Aqra Ġwanni 18:36.
IMITA LIL ĠESÙ META TARA L-INĠUSTIZZJA
9. X’jikkonvinċik li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ tneħħi l-inġustizzji kollha?
9 Aħna ngħixu “fl-aħħar jiem” taʼ din is-sistema, allura hawn ħafna iktar tbatija fid-dinja milli kien hawn fi żmien Ġesù. Bħal fi żmien Ġesù, dawk li jikkaġunaw l-inġustizzji huma Satana u n-nies li jimitawh. (2 Tim. 3:1-5, 13; Riv. 12:12) Bħal Ġesù, aħna nafu li s-Saltna t’Alla biss se teqred lil Satana u tneħħi l-ħażen kollu. Peress li nippritkaw dwar is-Saltna, aħna ma nipprotestawx jew nissapportjaw lil xi gvern. Ikkunsidra l-esperjenza taʼ oħt jisimha Stacy.a Qabel tgħallmet il-verità, spiss kienet tipprotesta kontra l-inġustizzji. Imma wara xi żmien beda jkollha d-dubji jekk kinitx se tgħin lin-nies u ssolvi l-problemi b’dak li kienet qed tagħmel. Hi tgħid: “Meta kont inkun fi protesta, ġieli kont naħseb jekk hux qiegħda fuq in-naħa t-tajba. Issa li nissapportja s-Saltna t’Alla, ċerta li qiegħda fuq in-naħa t-tajba, għax is-Saltna t’Alla biss se ssolvi l-problemi kollha. Jien naf li Ġeħova se jiġġieled għal kull vittma taʼ inġustizzja ħafna aħjar minn kemm qatt nistaʼ niġġieled jien.”—Slm. 72:1, 4.
10. Skont Mattew 5:43-48, aħna għala ma nipprovawx inbiddlu l-liġijiet jew il-gvernijiet? (Ara wkoll l-istampa.)
10 Ħafna nies illum jingħaqdu maʼ gruppi biex ibiddlu l-gvern jew liġijiet li jkun għamel. Però ħafna nies tant ikunu rrabjati li jispiċċaw jiksru l-liġi u jweġġgħu lil oħrajn. Dan mhux dak li għallimna nagħmlu Ġesù. (Efes. 4:31) Ħu jismu Jeffrey jgħid: “Meta n-nies jibdew jipprotestaw, ġieli tant ikunu rrabjati li jibdew ikissru u jisirqu, u anki jweġġgħu lil xulxin.” Però, Ġesù għallimna biex nittrattaw lil kulħadd bi mħabba, anki jekk ma jaqblux magħna jew jippersegwitawna. (Aqra Mattew 5:43-48.) Bħala Kristjani, aħna nipprovaw nimitaw lil Ġesù.
Irridu nkunu kuraġġużi biex ma nkunux parti mid-dinja (Ara paragrafu 10)
11. Xi kultant għala jistaʼ jkun diffiċli biex nimitaw lil Ġesù?
11 Għalkemm nafu li s-Saltna t’Alla se ssolvi l-problemi kollha li jġibu l-inġustizzja, meta niġu trattati ħażin jaf insibuha diffiċli nimitaw lil Ġesù. Ara xi ġralha oħt li jisimha Janice, meta xi nies trattawha ħażin minħabba l-kulur tal-ġilda. Hi tammetti: “Vera kont irrabjata u ħassejtni mweġġgħa, u ridt li dawn in-nies jiġu kkastigati. Imbagħad ħsibt biex nieħu sehem fi protesti kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni. Ħassejt li jekk nagħmel dan kien se jgħinni nħossni aħjar.” Imma maż-żmien, Janice ndunat li kellha tbiddel il-mod kif bdiet taħseb. Hi tgħid: “Kont qed inħalli lin-nies jinfluwenzaw il-mod kif kont qed naħseb u kont qed nafda fihom minflok f’Ġeħova. Allura ddeċidejt li ma nibqax nagħmilha maʼ dawn il-gruppi u ma niħux sehem fl-affarijiet li jagħmlu huma.” Għalkemm jaf inħossuna rrabjati meta aħna jew oħrajn jiġu trattati ħażin, irridu noqogħdu attenti biex nikkontrollaw ir-rabja tagħna u fl-ebda ħin ma nkunu parti minn din id-dinja.—Ġw. 15:19.
12. Għala rridu noqogħdu attenti x’naqraw, x’naraw, u x’nisimgħu?
12 X’jistaʼ jgħinna nikkontrollaw ir-rabja tagħna meta nħossu li aħna jew oħrajn ġejna trattati ħażin? Ħafna sabu t’għajnuna li joqogħdu attenti x’jaraw, x’jaqraw, u x’jisimgħu. Xi stejjer fuq l-internet huma ddisinjati biex jixxokkjaw lin-nies u biex iġegħluhom igergru fuq il-gvernijiet. Spiss, tal-aħbarijiet jaf jgħidu l-opinjoni tagħhom mhux dak li ġara verament. Anki jekk nisimgħu informazzjoni korretta, billi noqogħdu naqraw dwarha mhu se nsolvu xejn. Jekk il-ħin kollu noqogħdu nisimgħu jew naqraw aħbarijiet bħal dawn, se nsiru iktar ansjużi, imdejqin, u rrabjati. (Prov. 24:10) Agħar minn hekk, nistgħu nibdew ninsew li s-Saltna t’Alla se ssolvi l-problemi kollha.
13. Li naqraw il-Bibbja kuljum, kif jgħinna meta naraw lin-nies jiġu trattati ħażin?
13 Jekk kuljum naqraw il-Bibbja u nimmeditaw dwar dak li nkunu qrajna, se nkunu nafu x’inhi l-aħjar ħaġa li nagħmlu meta aħna jew oħrajn jiġu trattati ħażin. Oħt jisimha Alia kienet vera inkwetata meta rat kif xi nies bdew jittrattaw ħażin lil oħrajn. Kien qisu dawk li bdew jagħmlu l-ħażin ma kinux qed jieħdu dak li ħaqqhom, u dan irrabjaha. Hi tgħid: “Kelli bżonn noqgħod bilqiegħda u nsaqsi lili nnifsi, ‘Vera nemmen li Ġeħova se jirranġa dawn il-problemi?’ F’dak iż-żmien qrajt Ġob 34:22-29. Minn dawn il-versi fhimt li ħadd ma jistaʼ jinħeba minn Ġeħova. Hu biss jaf x’inhu ġust u hu biss se jsolvi l-problemi taʼ kulħadd.” Imma x’nistgħu nagħmlu waqt li qed nistennew is-Saltna t’Alla biex tiġi u ġġib ġustizzja?
X’NISTGĦU NAGĦMLU BĦALISSA
14. X’inhi ħaġa waħda li nistgħu nagħmlu minn issa? (Kolossin 3:10, 11)
14 Vera li aħna ma nistgħux nikkontrollaw kif in-nies jittrattaw lil oħrajn, imma nistgħu nikkontrollaw dak li nagħmlu aħna. Bħalma diġà tgħallimna, aħna nimitaw lil Ġesù billi nuru l-imħabba. Din l-imħabba ġġegħelna nittrattaw lil kulħadd b’qalb tajba, anki lil dawk li jippersegwitawna. (Mat. 7:12; Rum. 12:17) Ġeħova jieħu pjaċir meta jarana nittrattaw lil oħrajn b’qalb tajba u b’mod ġust.—Aqra Kolossin 3:10, 11.
15. Kif inkunu qed ngħinu lin-nies meta ngħidulhom dak li tgħallem il-Bibbja?
15 L-aqwa mod kif nistgħu ngħinu lin-nies hu billi ngħallmuhom dwar Ġeħova. Għala ngħidu dan? Għax l-“għarfien dwar Ġeħova” jistaʼ jbiddel persuna li qabel kienet aggressiva u vjolenti f’waħda qalbha tajba u li turi mħabba. (Isa. 11:6, 7, 9) Qabel tgħallem il-verità, raġel jismu Jemal ingħaqad maʼ grupp ribelli biex jiġġieled kontra l-gvern fil-pajjiż tiegħu għax ħass li kien ħażin. Hu jgħid: “Bil-ġlied mhux se tbiddel in-nies. Imma jekk tgħallimhom il-veritajiet tal-Bibbja, huma jistgħu jinbidlu. Jien hekk inbdilt.” Dak li tgħallem Jemal ġiegħlu jieqaf jiġġieled. Iktar ma ngħallmu lin-nies il-verità mill-Bibbja, iktar se ngħinuhom jitgħallmu jieqfu jagħmlu ħsara lil oħrajn.
16. Għala tixtieq tgħid lin-nies dwar x’se tagħmel is-Saltna t’Alla?
16 Bħal Ġesù, aħna nixtiequ ngħidu lil kemm jistaʼ jkun nies li s-Saltna t’Alla toffri l-unika soluzzjoni biex tispiċċa t-tbatija darba għal dejjem. Din it-tama tistaʼ tgħin lil uħud li ġew trattati ħażin. (Ġer. 29:11) Stacy, li ssemmiet qabel, tispjega: “Peress li naf li Alla se jneħħi t-tbatija meta jien jew oħrajn jiġu trattati ħażin, nibqaʼ kalma. Ġeħova qed juża l-messaġġ li hemm fil-Bibbja biex jagħtina kuraġġ.” Biex inkunu lesti ħalli naqsmu l-messaġġ tal-Bibbja m’oħrajn, irridu nkunu preparati. Iktar ma nkunu konvinti mill-veritajiet li rajna f’dan l-artiklu, iktar se nkunu lesti li nitkellmu m’oħrajn l-iskola jew fuq ix-xogħol dwarhom b’rispett.b
17. Ġeħova kif jgħinna meta niġu trattati b’mod inġust?
17 Sfortunatament, peress li Satana hu l-mexxej tad-dinja, se nkomplu nbatu. Imma aħna nħarsu ’l quddiem għal żmien aħjar għax Ġeħova wegħedna li se jgħinna issa u li se jneħħi lil Satana u l-ħażen kollu. (Ġw. 12:31) Permezz tal-Iskrittura, Ġeħova qalilna mhux biss għala hawn ħafna inġustizzja imma kif iħossu hu dwar uħud li jbatu. (Slm. 34:17-19) Permezz t’Ibnu, Ġeħova għallimna x’għandna nagħmlu meta niġu trattati ħażin u kif dalwaqt is-Saltna tiegħu se teqred l-inġustizzja darba għal dejjem. (2 Pt. 3:13) Jalla nkomplu nippritkaw l-aħbar tajba b’żelu u nħarsu ’l quddiem għal meta l-art se tkun mimlija bil-“ġustizzja u s-sewwa.”—Isa. 9:7.
GĦANJA 158 “Mhux Se Jkun Tard!”
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Ara appendiċi A punti 24-27 fil-browxer L-Imħabba Tgħinek Tagħmel Dixxipli.