LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Diċembru pp. 26-30
  • Aħwa Kbar fl-Età​—⁠Intom Tiswew Ħafna għall-Kongregazzjoni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aħwa Kbar fl-Età​—⁠Intom Tiswew Ħafna għall-Kongregazzjoni
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA X’JIXTIEQEK TAGĦMEL?
  • AQSAM DAK LI TGĦALLIMT FIL-ĦAJJA M’OĦRAJN
  • ĠEĦOVA JAPPREZZA DAK KOLLU LI TAGĦMEL GĦALIH
  • AGĦMEL DAK KOLLU LI TISTAʼ BIEX TGĦIN LIL OĦRAJN
  • Hu Ra t-Twettieq tax-Xewqa taʼ Qalbu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Ġeħova Jieħu Ħsieb b’Mod Teneru l-Qaddejja Tiegħu Mdaħħlin fiż-Żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Int Tistaʼ Tkun Ferħan Meta Tagħmel l-Aħjar Tiegħek għal Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Apprezza lill-Aħwa Kbar fl-Età
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Diċembru pp. 26-30
Grupp taʼ stampi: Aħwa kbar fl-età jieħdu pjaċir jaqdu lil Ġeħova. 1. Ħu jitbissem waqt li qed iħares ’il quddiem għall-futur. 2. Oħt fil-wheelchair toffri fuljett lil carer. 3. Oħt qed tikkummenta fil-laqgħa. 4. Oħt iżżomm maʼ ħu huma u jaħdmu flimkien fuq is-service. 5. Ħu qed jitkellem maʼ żewġt itfal u m’ommhom fis-Sala tas-Saltna.

Aħwa Kbar fl-Età—Intom Tiswew Ħafna għall-Kongregazzjoni

“Nistagħġeb meta naħseb dwar l-affarijiet kollha li kont nagħmel meta kont iżgħar. Issa li kbirt ma nistax nagħmel daqskemm kont nagħmel qabel.”—Connie, li għandha 83 sena.

Forsi int ukoll ma tistax tagħmel daqskemm kont tagħmel qabel. Avolja ilek taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin, meta tqabbel dak li kont tagħmel mal-lum tħossok skuraġġit. Jekk tħossok hekk, x’tistaʼ tagħmel biex tkun ferħan?

ĠEĦOVA X’JIXTIEQEK TAGĦMEL?

Saqsi lilek innifsek, ‘Ġeħova x’jixtieqni nagħmel?’ Il-kliem taʼ Dewteronomju 6:5 jistaʼ jinkuraġġik. Dan jgħid: “Għandek tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha.”

Skont dan il-vers, Ġeħova jridek taqdih b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha. Dan se jgħinek biex ma tqabbilx dak li qed tagħmel bħalissa maʼ dak li kont tagħmel meta kont iżgħar jew maʼ dak li jagħmel ħaddieħor.

Aħseb dwar dan: Meta kont iżgħar, wisq probabbli kont qed taqdi lil Ġeħova bl-aħjar mod li stajt skont iċ-ċirkustanzi tiegħek f’dak iż-żmien. X’inhu l-aħjar li tistaʼ ttih bħalissa? Wisq probabbli għadek taqdih bl-aħjar mod li tistaʼ. Jekk taħseb b’dan il-mod, se tinduna li lil Ġeħova għadek qed taqdih kif kont fil-passat. Meta kont iżgħar kont qed ittih l-aħjar tiegħek, u l-istess qed tagħmel illum.

Grupp taʼ stampi: Oħt li ilha taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin. 1. Ħafna snin ilu l-oħt meta kienet żagħżugħa titkellem maʼ mara minn bieb għal bieb. 2. L-oħt li issa hi kbira fl-età qed tagħti xhieda bit-telefown maʼ oħt żagħżugħa.

Meta kont iżgħar kont qed ittih l-aħjar tiegħek lil Ġeħova, u llum li kbirt xorta għadek qed ittih l-aħjar

AQSAM DAK LI TGĦALLIMT FIL-ĦAJJA M’OĦRAJN

Aħseb dwar xi ħaġa oħra: Minflok ma tħares lejn l-età tiegħek bħala xi ħaġa li tillimitak, użaha bħala opportunità biex tgħin lil oħrajn. Issa li kbirt, tistaʼ tagħmel affarijiet li ma stajtx tagħmilhom meta kont iżgħar. Pereżempju, int tistaʼ:

Taqsam dak li tgħallimt f’ħajtek m’oħrajn. Ara x’qalu xi wħud fil-Bibbja:

Ir-Re David: “Jien kont żagħżugħ, u issa xjaħt, imma qatt ma rajt lil xi ħadd ġust jiġi abbandunat, jew lit-tfal tiegħu jittallbu għall-ħobż.”—Slm. 37:25.

Ġożwè: “Issa ara, jien wasalt biex immut, u intom tafu sew b’qalbkom u b’ruħkom kollha li ma kienx hemm wegħda li ma seħħitx mill-wegħdi tajbin kollha li Ġeħova l-Alla tagħkom qalilkom. Kollha saru għalikom. Ma kienx hemm kelma waħda minnhom li baqgħet ma seħħitx.”—Ġoż. 23:14.

Jistaʼ jkun li int ġieli għedt xi ħaġa bħalma qalu David u Ġożwè biex tinkuraġġixxi lil oħrajn. David u Ġożwè qdew lil Ġeħova għal ħafna snin u għaddew minn ħafna affarijiet. Allura peress li dak li qalu kien mill-esperjenza tagħhom, setaʼ jħalli effett ikbar.

Jekk ilek taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin, int ukoll tistaʼ titkellem mill-esperjenza tiegħek dwar kif għen lilek u lil oħrajn. Għandek xi memorja sabiħa li fiha rajt lil Ġeħova jbierek lill-poplu tiegħu? Tiddejjaqx tgħid lil oħrajn dwarha! Meta titkellem dwar esperjenzi sbieħ li kellek fil-passat, se tħossok ferħan int u se tinkuraġġixxi lil oħrajn.—Rum. 1:​11, 12.

Mod ieħor kif tinkuraġġixxi lil oħrajn hu billi kemm jistaʼ jkun tmur il-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Hemmhekk int u l-aħwa se tinkuraġġixxu lil xulxin. Connie, li ssemmiet qabel, tgħid: “Il-laqgħat fis-Sala tas-Saltna jgħinuni biex ma nħossnix skuraġġita. Kif nistaʼ nħossni mdejqa bl-imħabba li juruni l-aħwa fis-Sala tas-Saltna? Jien nipprova nuri kemm napprezza lill-aħwa billi ntihom rigal żgħir. U nipprova nagħmel li nistaʼ f’affarijiet spiritwali biex bħalma jinkuraġġuni huma, ninkuraġġihom jien.”

ĠEĦOVA JAPPREZZA DAK KOLLU LI TAGĦMEL GĦALIH

Fil-Bibbja hemm ħafna eżempji taʼ nies li ma setgħux jaqdu lil Ġeħova kemm jixtiequ imma hu xorta kien iħobbhom. Aħseb dwar Simegħon. Hu kien Iżraeli kbir fl-età li kien jgħix meta twieled Ġesù. Meta kien imur fit-tempju, forsi kien jara rġiel żgħażagħ jagħmlu xogħol importanti hemmhekk. Imma Simegħon x’kien jagħmel? Jistaʼ jkun ħaseb li għal Ġeħova hu mhuwiex bżonjuż għax ma setax jaqdih bħall-irġiel żgħażagħ. Imma Ġeħova kien jara l-affarijiet b’mod differenti. Għalih Simegħon kien “raġel sewwa u devot lejn Alla” u tah il-privileġġ li jara lil Ġesù bħala tarbija. Ġeħova użah ukoll biex jgħid profezija dwar Ġesù li kien se jkun il-Messija! (Luqa 2:​25-35) Nistgħu naraw b’mod ċar li Ġeħova ma ffokax fuq is-saħħa fiżika taʼ Simegħon, imma ra raġel b’fidi soda u “ggwidat mill-ispirtu qaddis.”

Ġużeppi u Marija ferħanin li qed juru lil Simegħon lil Ġesù tarbija.

Ġeħova bierek lil Simegħon billi tah il-privileġġ li jara lil Ġesù bħala tarbija u biex jgħid profezija li kien se jkun il-Messija

Anki int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova japprezza l-lealtà tiegħek u kif taqdih avolja ma tistax tagħmel kemm tixtieq minħabba l-età. Bħala sagrifiċċju Ġeħova jieħu gost “li persuna tagħti dak li tistaʼ, u mhux dak li ma tistax.”—2 Kor. 8:12.

Mela ffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel. Pereżempju, aħseb liema tip taʼ service tistaʼ tagħmel, anki jekk għal ftit ħin. Tistaʼ taħseb ukoll jekk tistax tinkuraġġixxi lill-aħwa billi ċċemplilhom jew tiktbilhom kard. Dawn huma affarijiet sempliċi imma għalihom jistgħu jfissru ħafna, speċjalment peress li jiġu mingħand xi ħadd li ilu jaqdi lil Ġeħova għal snin sħaħ.

Minkejja l-limitazzjonijiet tiegħek xorta tistaʼ tagħti lil Ġeħova l-aħjar tiegħek u tieħu pjaċir tipprietka. Ara l-esperjenza mill-Afrika fil-kaxxa “Salvatilha Ħajjitha.”

Ftakar li peress li ilek taqdi lil Ġeħova lealment għal ħafna snin u għadek taqdih, int tistaʼ tinkuraġġixxi ħafna lil oħrajn. Int eżempju taʼ xi ħadd li ssaporta, u tistaʼ tkun ċert li Alla ‘mhux se jinsa dak li għamilt u l-imħabba li wrejt għal ismu, billi qdejt lill-qaddisin u għadek taqdihom.’—Lhud 6:10.

AGĦMEL DAK KOLLU LI TISTAʼ BIEX TGĦIN LIL OĦRAJN

Xi studji juru li ħafna rġiel u nisa kbar fl-età li jgħinu lil oħrajn għandhom saħħa aħjar, moħħhom jibqaʼ iktar tajjeb, u jgħixu ħajja itwal.

Ovvjament, li ngħinu lil oħrajn mhux se jwaqqafna milli nikbru fl-età. Is-Saltna t’Alla biss tistaʼ tneħħi x-xjuħija u l-mewt billi tneħħi l-effetti tad-dnub li writna minn Adam.—Rum. 5:12.

Imma bħalissa, jekk tagħmel dak li jixtieq Ġeħova, inkluż li tgħin lil oħrajn isiru jafuh, se jgħin biex iżżomm it-tama tiegħek b’saħħitha u anki jagħmillek tajjeb għal saħħtek. Aħwa kbar fl-età, jekk jogħġobkom kunu ċerti li Ġeħova japprezza ħafna l-isforzi li tagħmlu biex taqduh u l-aħwa tal-kongregazzjoni jħobbukom ħafna minħabba l-eżempju taʼ fidi tagħkom.

Oħt kbira fl-età tieħu sehem fis-service bit-trolley. Hi qed turi skrittura lil tfajla li għandha d-dmugħ nieżel maʼ wiċċha.

Salvatilha Ħajjitha

Mara li għadha żgħira kienet għaddejja minn fejn it-trolley. L-oħt kbira fl-età li kienet mat-trolley sellmitilha u saqsietha tistax taqralha skrittura inkuraġġanti. Hi qratilha Ġeremija 29:​11, li tgħid li Ġeħova jixtieq li jkollna l-paċi u mhux l-inkwiet. L-oħt saqsietha, “X’futur jixtieq Alla għalik?”

Il-mara dehret li l-vers laqatha. Hi bdiet tibki u qalet: “Hu jrid li jkolli futur mimli paċi u tama. Grazzi ħafna li qrajtli dan il-vers. Naħseb li Alla wieġeb it-talba tiegħi. Dan l-aħħar għaddejt minn ħafna problemi, waħda wara l-oħra. Ħajti tant saret diffiċli li kont qed naħseb biex nagħmel suwiċidju. Dalgħodu tlabt lil Alla biex jurini li għadu jimpurtah minni, imbagħad int, avolja ma tafnix, kellimtni u wrejtni eżatt x’jaħseb Alla dwari. Din żgur li mhux b’kumbinazzjoni.”

L-oħt urietha diversi artikli minn jw.org li jistgħu jgħinuha tuża l-Bibbja biex tkampa mal-ħsibijiet taʼ suwiċidju. Imbagħad urietha kif isir studju tal-Bibbja u stidnitha għal-laqgħat. Il-ġimgħa taʼ wara, il-mara marret il-laqgħa tal-weekend u bdiet tistudja l-browxer Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!

Għandek kemm għandek età, int ukoll tistaʼ tieħu sehem fl-ippritkar permezz tat-trolley.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja