IBQAʼ ATTENT!
Il-Politika Għala Tifred lin-Nies?—X’Tgħid il-Bibbja?
Madwar id-dinja, ħafna pajjiżi huma maqsumin minħabba l-politika. Skont studju li sar fl-2022 minn Pew Research Center, “iktar minn 65% tal-adulti f’19-il pajjiż jgħidu li hemm nuqqas taʼ qbil kbir fil-pajjiż tagħhom bejn in-nies li jżommu maʼ partiti politiċi differenti.”
Innotajt li f’pajjiżek qed ikun hemm iktar firda minħabba l-politika? Għala taħseb hekk? Hemm soluzzjoni? Ara x’tgħid il-Bibbja.
Attitudnijiet li jġibu l-firda
Il-Bibbja qalet minn qabel li fi żmienna, li tirreferi għalih bħala “l-aħħar jiem,” ħafna nies kien se jkollhom attitudnijiet li jagħmluha diffiċli ħafna biex in-nies ikunu magħqudin.
“Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, . . . ma jkunux iridu jiftiehmu.”—2 Timotju 3:1-3.
Minkejja li ħafna nies qed jagħmlu li jistgħu biex il-gvernijiet jirnexxu, xorta mhux qed jirnexxilhom. Nies b’opinjonijiet differenti jsibuha diffiċli, jew anki impossibbli, biex jaħdmu flimkien ħalli jsolvu l-problemi. Dak li naraw illum, jaqbel maʼ dak li l-Bibbja qalet ħafna żmien ilu.
“Il-bniedem iddomina lill-bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.
Imma l-Bibbja tagħtina soluzzjoni, gvern immexxi minn xi ħadd li jistaʼ jneħħi l-problemi li qed iġiegħlu lin-nies ibatu.
Mexxej kwalifikat li jimpurtah min-nies
Il-Bibbja tgħidilna dwar mexxej li għandu kwalifiki partikulari: Ġesù Kristu. Ġesù għandu l-qawwa, id-dritt, u x-xewqa li jġib il-paċi biex in-nies kollha jkunu magħqudin.
“Matul it-tmexxija tiegħu, il-ġusti se jirnexxu, u l-paċi se tibqaʼ tiżdied.”—Salm 72:7.
“Il-ġnus kollha se jaqduh.”—Salm 72:11.
Ġesù hu mexxej ideali għax jimpurtah min-nies u jrid jgħinhom, speċjalment lil dawk li ma ġewx ittratti sew.
“Hu se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna, u anki lill-batut u lil min m’għandux min jgħinu. Hu se jitħassar lill-batut u lill-fqir, u l-foqra se jsalvahom. Hu se jeħlishom mill-moħqrija u mill-vjolenza.”—Salm 72:12-14.
Sir af iktar dwar is-Saltna t’Alla, jiġifieri l-gvern li jmexxi Ġesù mis-sema. Ara kif dan hu tajjeb għalik u kif int tistaʼ tappoġġa dan il-gvern.
Ara l-vidjow X’Inhi s-Saltna t’Alla?
Aqra l-artiklu “Qatt Se Tispiċċa l-Korruzzjoni tal-Gvernijiet?”