Anna Moneymaker/Getty Images
IBQAʼ ATTENT!
Ix-Xjentisti Mexxew id-Doomsday Clock ’il Quddiem—X’Tgħid il-Bibbja?
Fl-24 taʼ Jannar 2023, ix-xjentisti qalu li d-Doomsday Clocka issa huwa eqreb taʼ nofsillejl. Dan l-arloġġ jirrappreżenta t-tmiem taʼ din id-dinja.
“Id-‘Doomsday Clock’ jirrappreżenta l-periklu li n-nies jeqirdu lilhom infushom. It-Tlieta li għadda, ix-xjentisti mexxew l-arloġġ eqreb taʼ nofsillejl. Qatt ma kien daqshekk qrib! Dan għamluh minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-biżaʼ taʼ gwerra nukleari, u l-kriżi fil-klima.”—AFP International Text Wire.
“It-Tlieta li għadda, ix-xjentisti qalu li d-‘Doomsday Clock’ mexxewh għal 90 sekonda qabel nofsillejl—l-eqreb li qatt konna t’armageddon.”—ABC News.
“Grupp taʼ xjentisti wissew li hemm ċans li n-nies jeqirdu lilhom infushom iżjed minn qatt qabel.”—The Guardian.
In-nies u d-dinja tagħna dalwaqt se jispiċċaw? Għandna għalfejn nibżgħu dwar x’se jiġri fil-futur? X’tgħid il-Bibbja?
X’futur hemm għalina?
Skont il-Bibbja, ‘l-art se tibqaʼ wieqfa għal dejjem’ u se jkun hemm nies li jibqgħu “jgħixu fiha għal dejjem.” (Ekkleżjasti 1:4; Salm 37:29) Mela n-nies mhux se jeqirdu l-art jew iġibuha pjaneta li ma nistgħux ngħixu fiha.
Imma l-Bibbja tgħid li se jkun hemm tmiem. Pereżempju, tgħid li “d-dinja tgħaddi.”—1 Ġwanni 2:17.
Biex issir taf xi jfisser meta l-Bibbja tgħid li d-dinja se tispiċċa, aqra l-artiklu “Id-Dinja Dalwaqt Se Tispiċċa? Il-Bibbja Tgħid li d-Dinja Se Tinqered Għalkollox?”
Biex titgħallem x’tgħid il-Bibbja dwar dak li se jiġri dalwaqt fil-futur, aqra l-artiklu “Meta se tispiċċa d-dinja?”
Ibqaʼ pożittiv
Il-Bibbja tistaʼ tgħinna nibqgħu pożittivi minkejja l-problemi li hawn fid-dinja. Kif?
Il-Bibbja tagħtina pariri li jistgħu jgħinuna. (2 Timotju 3:16, 17) Pereżempju, aqra l-artiklu “Kif Tistaʼ Ma Tinkwetax Iżżejjed?” biex tara kif il-Bibbja tistaʼ tgħinek tibqaʼ pożittiv minkejja l-problemi tal-ħajja.
Il-Bibbja tagħtina tama għal futur li nistgħu noqogħdu fuqu. (Rumani 15:4) Hi tispjega eżatt x’inhu jiġri bħalissa u x’se jiġri fil-futur. Dan jgħinna ma naqtgħux qalbna minkejja dak kollu li għaddej fid-dinja.
Biex tara kif il-Bibbja tistaʼ tgħinek iżjed, nistidnuk biex tistudja l-Bibbja b’xejn.
a “Id-Doomsday Clock huwa arloġġ simboliku. Dan javża lin-nies dwar kemm wasalna fil-qrib biex neqirdu d-dinja minħabba t-teknoloġija perikoluża li għamilna aħna stess. Huwa simbolu biex ifakkarna fil-problemi kbar li rridu nirranġaw jekk irridu nibqgħu ngħixu fuq din il-pjaneta.”—Bulletin of the Atomic Scientists.