Anton Petrus/Moment via Getty Images
IBQAʼ ATTENT!
Se Tinqalaʼ Gwerra Dinjija Oħra?—X’Tgħid il-Bibbja?
Matul l-aħħar 30 sena, ħafna nies ħassew li madwar id-dinja l-affarijiet kienu stabbli bejn pajjiżi differenti u anke kienu qed imorru għall-aħjar. Imma b’dak li qed jiġri dan l-aħħar l-affarijiet jidhru differenti.
“In-nies qed jinkwetaw li l-gwerra f’Gaza se teffettwa pajjiżi oħra viċin hekk kif Iżrael u l-Heżbollah bdew jiġġieldu fil-fruntiera tal-Libanu.”—Reuters, 6 taʼ Jannar 2024.
“Gruppi kkontrollati mill-Iran qed jattakkaw postijiet differenti, u f’daqqa waħda l-Iran bdiet terġaʼ tagħmel armi nukleari. Ukoll, ir-Russja u ċ-Ċina issa qed jaħdmu mal-Iran. Dan kollu qed jhedded lil pajjiżi fil-Punent.”—The New York Times, 7 taʼ Jannar 2024.
“L-attakki tar-Russja għadhom qed jagħmlu ħsara kbira fl-Ukrajna.”—UN News, 11 taʼ Jannar 2024.
“Iċ-Ċina qed tkompli tikber bħala qawwa ekonomika u militari, it-Tajwan qed juri iżjed is-saħħa tiegħu, u hemm it-tensjoni bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti. Dan kollu juri li faċli tinqalaʼ xi gwerra.”—The Japan Times, 9 taʼ Jannar 2024.
Il-Bibbja tgħid xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni instabbli li qed naraw madwar id-dinja bħalissa? Se twassal għal gwerra dinjija?
Il-Bibbja titkellem dwar dak li qed jiġri bħalissa
Il-Bibbja ma qalitx li se tiġri xi gwerra partikulari li qed naraw bħalissa. Imma qalet li l-gwerer li qed naraw fi żmienna qed ‘ineħħu l-paċi minn fuq l-art.’—Rivelazzjoni 6:4.
Il-ktieb taʼ Danjel qal li “fi żmien it-tmiem,” il-qawwiet dinjin se jkunu “f’konfront,” jiġifieri jiġġieldu għall-qawwa. Dan jinvolvi li juru l-qawwiet militari u jonfqu ħafna “teżori,” jew flus.—Danjel 11:40, 42, 43.
Gwerra li ġejja
Il-Bibbja turi li qabel ma s-sitwazzjoni fid-dinja tmur għall-aħjar, l-ewwel se tmur għall-agħar. Ġesù qal li “se jkun [hawn] żmien taʼ tbatija kbira li qatt ma kien hawn bħalu fid-dinja.” (Mattew 24:21) Iż-żmien taʼ tbatija kbira li qal Ġesù se jwassal għal Armageddon, li hija “l-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.”—Rivelazzjoni 16:14, 16.
Imma Armageddon se ssalva lin-nies, mhux teqridhom. Permezz taʼ dik il-gwerra, Alla se jwaqqaf it-tmexxija tal-gvernijiet fuq l-art li ġabu ħafna gwerer. Biex issir taf kif Armageddon se ġġib paċi li se jibqaʼ għal dejjem, aqra dawn l-artikli: