VERSI MILL-BIBBJA SPJEGATI
Proverbji 16:3—“Ħalli f’Idejn il-Mulej il-Ħidma Tiegħek”
“Afda f’Ġeħova f’dak kollu li tagħmel, u l-pjanijiet tiegħek jirnexxu.”—Proverbji 16:3, Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida.
“Ħalli f’idejn il-Mulej il-ħidma tiegħek, u jseħħu ħsibijietek.”—Proverbji 16:3, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.
Xi jfisser Proverbji 16:3
Dan il-proverbju jaċċerta lil dawk li jqimu lill-Alla l-veru li l-pjanijiet tagħhom se jirnexxu jekk huma jafdaw fih. Dan jagħmluh billi jfittxu l-gwida tiegħu u jimxu fuqha.
“Afda f’Ġeħova f’dak kollu li tagħmel.” Qabel jieħdu deċiżjoni, dawk li jaqdu lil Ġeħovaa jfittxu l-gwida tiegħu. (Ġakbu 1:5) Għala? Raġuni waħda hi minħabba li bħala bnedmin spiss ma jkollniex kontroll fuq affarijiet li jaffettwaw il-ħajja tagħna. (Ekkleżjasti 9:11; Ġakbu 4:13-15) Barra minn hekk, jistaʼ jkun li ma jkollniex l-abbiltà biex nagħmlu dak li nkunu nixtiequ. Minħabba f’hekk, ħafna nies jagħżlu li jistrieħu fuq Alla. Dan jagħmluh billi jitolbu għall-gwida tiegħu u jagħmlu dak jgħidilna hu fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja.—Proverbji 3:5, 6; 2 Timotju 3:16, 17.
Skont referenza, l-espressjoni “ħalli f’idejn il-Mulej il-ħidma tiegħek” tfisser li “raġel li jkun qed jerfaʼ xi ħaġa tqila fuq dahru, jagħtiha lil xi ħadd li jkun iktar b’saħħtu minnu u li jiflaħha.” Dawk li b’umiltà jistrieħu fuq Alla, jistgħu jkunu ċerti li hu se jgħinhom u jieħu ħsiebhom.—Salm 37:5; 55:22.
L-espressjoni “l-ħidma tiegħek” ma tfissirx li Alla se japprova jew ibierek kull ħaġa li n-nies jippjanaw. Biex ikollna l-barka taʼ Ġeħova dak li nagħmlu jrid ikun jaqbel mal-livelli u ma’ dak li jistenna minna. (Salm 127:1; 1 Ġwanni 5:14) Alla ma jiħux pjaċir b’dawk li ma jobduhx. Fill-fatt, hu “jħarbat il-pjanijiet tal-ħżiena.” (Salm 146:9) Imma Alla jgħin lil dawk li jobduh billi jirrispettaw il-livelli tiegħu li nsibu fil-Bibbja.—Salm 37:23.
“U l-pjanijiet tiegħek jirnexxu.” Xi traduzzjonijiet jużaw l-espressjoni “jseħħu ħsibijietek.” Fl-Iskrittura Ebrajka, jew dik li spiss isejħulha t-Testment il-Qadim, il-kelma tradotta bil-Malti “jseħħu” spiss tirreferi għall-affarijiet stabbiliti li ħalaq Alla. (Proverbji 3:19; Ġeremija 10:12) B’mod simili Alla jġiegħel li jseħħu l-pjanijiet taʼ dawk li jagħmlu t-tajjeb. Hu jgħinhom biex jirnexxu u jkollhom ħajja ferħana.—Salm 20:4; Proverbji 12:3.
Dwar xiex jitkellem Proverbji 16:3
Dan il-proverbju kitbu r-Re Salamun, li kważi kiteb il-ktieb taʼ Proverbji kollu. Hu kien jaf eluf taʼ Proverbji għax Alla kien tah ħafna għerf.—1 Slaten 4:29, 32; 10:23, 24.
F’kapitlu 16, Salamun jibda billi jfaħħar l-għerf t’Alla u juri kemm Alla jobgħod lil dawk li huma kburin. (Proverbji 16:1-5) Il-kapitlu mbagħad jgħin lill-qarrejja jifhmu li n-nies jistaʼ jkollhom l-għerf u s-suċċess fil-ħajja tagħhom jekk ikunu umli u jħallu lil Alla jiggwidahom. (Proverbji 16:3, 6-8, 18-23) Din il-verità hi ripetuta ħafna drabi fil-Bibbja.—Salm 1:1-3; Isaija 26:3; Ġeremija 17:7, 8; 1 Ġwanni 3:22.
Ara dan il-vidjow qasir biex ikollok idea x’fih il-ktieb ta’ Proverbji.
a Ġeħova hu l-isem t’Alla. (Salm 83:18) Ara l-artiklu “Min hu Ġeħova?”