LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 10/8 pp. 15-17
  • “Int Tistaʼ Taqtgħu ​—Aħna Rnexxielna!”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Int Tistaʼ Taqtgħu ​—Aħna Rnexxielna!”
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ix-​Xena tat-​Tabakk
  • Kif Tistaʼ Taqtgħu?
  • Għala Tieqaf Tpejjep?
    Stenbaħ!—2000
  • Kif Int Tistaʼ Tieqaf
    Stenbaħ!—2000
  • It-tipjip—Kif iqisu Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Epidemija globali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1998
g98 10/8 pp. 15-17

“Int Tistaʼ Taqtgħu ​—Aħna Rnexxielna!”

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​ĠAPPUN

Skond xi rakkonti, vapuri Ewropej li daħlu fil-​Ġappun lejn tmiem is-​seklu 16 ġabu xi viżitaturi li kienu jpejpu t-​tabakk, u dawn kienu qishom qed “iqabbdu n-​nar ġo l-​istonku tagħhom.” Wara l-​iskantament qamet il-​kurżità, sabiex sas-​snin 80 tas-​seklu 19, l-​użu tat-​tabakk sar komuni fil-​Ġappun. Min kellu jgħid li d-​dixxendenti taʼ dawn il-​Ġappuniżi skantati, illum kellhom ikunu fost dawk li jpejpu l-​iktar fid-​dinja?

“AĦNA ridna nħossuna kbar, biex nesperjenzaw l-​emozzjonijiet taʼ l-​adulti.”​—Akio, Osamu, u Yoko.

“Ridt nonqos.”​—Tsuya.

“Ma kinitx ħlief kurżità.”​—Toshihiro.

“Ma ħsibniex li t-​tabakk se jagħmlilna l-​ħsara.”​—Ryohei, Junichi, u Yasuhiko.

“Ridt intaffi d-​dardir taʼ fil-​għodu li kelli matul it-​tieni tqâla tiegħi.”​—Chieko.

“Qbadt it-​tipjip biex nokkupa ruħi f’mumenti imbarazzanti matul laqgħat tan-​negozju.”​—Tatsuhiko.

Dawn kienu r-​raġunijiet li taw grupp taʼ nies meta ġew mistoqsijin għala bdew ipejpu s-​sigaretti. Spjegazzjonijiet bħal dawn tistaʼ tifhimhom daqsxejn, meta tqis il-​fatt li xi wħud lill-​Ġappun isejħulu l-​ġenna taʼ dawk li jpejpu. Iżda ħaġa taʼ l-​għaġeb, dawn li ssemmew hawn fuq kollha qatgħu l-​vizzju tat-​tipjip. Din kienet azzjoni taʼ ħila kbira meta tikkunsidra l-​ostakli maħluqa mill-​ambjent taʼ madwarhom. Trid tkun taf kif irnexxielhom? Ejjew l-​ewwel nikkunsidraw kemm huwa mifrux illum l-​użu tat-​tabakk fil-​Ġappun.

Ix-​Xena tat-​Tabakk

Madwar 56 fil-​mija taʼ l-​irġiel adulti Ġappuniżi jpejpu, meta tqabbilhom mat-​28 fil-​mija biss taʼ l-​irġiel Amerikani taʼ 15-il sena jew akbar. L-​erbgħa u tletin miljun li jpejpu fil-​Ġappun jinkludu madwar 22 fil-​mija tan-​nisa, li ħafna minnhom huma żgħażagħ. L-​eżempju taʼ l-​adulti u r-​reklami magħmulin bis-​sengħa kkontribwew ħafna għaż-​żjieda mgħaġġla taʼ żgħażagħ li jpejpu. Reklami tas-​sigaretti fuq it-​televixin u fuq ir-​radju, li ilhom li ġew ipprojbiti iktar minn għoxrin sena fl-​Istati Uniti, issa huma pprojbiti fil-​Ġappun.

Barra minn hekk, is-​sigaretti huma disponibbli faċilment mill-​magni li jinsabu fit-​toroq fil-​Ġappun. Ladarba jkollhom il-​pakkett f’idejhom, ftit huma dawk li jagħtu kas tal-​messaġġi dgħajfin u każwali li jkun hemm fuqu. It-​tikketta jistaʼ jkun fiha sempliċement: “Ħalli ma npejpux ħafna; jistaʼ jagħmel il-​ħsara.” U minbarra l-​fatt li tiddomina l-​injoranza dwar il-​perikli serji li jistaʼ jġib it-​tabakk, l-​eżempju ħażin t’għadd taʼ nies prominenti wkoll jinkuraġġixxi lill-​Ġappuniżi biex ipejpu, billi jingannahom f’sens falz taʼ sigurtà.

M’hijiex ħaġa kbira li dawk li huma kontra t-​tipjip juru l-​għali tagħhom għan-​negliġenza tal-​Ġappuniżi f’li ma jġagħlux iktar ċittadini jieqfu jużaw it-​tabakk. Imma l-​edukaturi qed jibdew jaraw l-​importanza li jwissu lin-​nies li t-​tipjip jhedded is-​saħħa u l-​ħajja tagħhom. Iva, il-​Ġappuniżi li jpejpu jesperjenzaw l-​istess sintomi taʼ dawk li jpejpu f’pajjiżi oħrajn​—dardir, qtugħ taʼ nifs, sogħla li ddejqek, uġigħ taʼ stonku, telf taʼ l-​aptit, suxxettibblità għall-​irjiħat, u forsi, maż-​żmien, mewt qabel il-​waqt minħabba kanċer fil-​pulmun, mard tal-​qalb, jew problemi oħrajn.

L-industrija Ġappuniża tat-​tabakk ġiet ipprivatizzata mill-​1 t’April, 1985, u b’hekk temmet bosta snin taʼ monopolju tal-​gvern. Minkejja dan, din għadha tgawdi rbit mill-​qrib mal-​gvern u dan ifixkel kwalunkwe pass serju biex jiġi skuraġġit it-​tipjip. Dan jispjega għala gruppi taʼ kontra t-​tabakk iqisu lill-​Ġappun bħala l-​menqa taʼ dawk li jpejpu. U jispjega wkoll għala l-​gazzetta The Daily Yomiuri rrapportat li t-​tobba hawnhekk huma ddiżgustati bil-​fatt li l-​Ġappun huwa “soċjetà li tinkuraġġixxi t-​tipjip.”

Biex tara kif xi wħud irnexxielhom jaqtgħuh, ara l-​kaxxa “Kif Qtajnieh.”

Kif Tistaʼ Taqtgħu?

Il-​parir taʼ dawk li qabel kienu jħobbu t-​tabakk, bħal dawn li jissemmew fil-​kaxxa, jinġabar f’dan il-​kliem: Ara li jkollok motiv speċifiku biex taqtaʼ t-​tipjip. Imħabba għal Alla u x-​xewqa li togħġbu huma l-​aħjar motiv. U mħabba lejn il-​proxxmu tiegħek hija motiv tajjeb ieħor. Agħmel mira, u żommha. Għarrafha fil-​miftuħ li se taqtaʼ t-​tipjip​—għid lil ħbiebek, u itlob l-​għajnuna tal-​membri tal-​familja tiegħek. Ieqaf f’daqqa, jekk inhu possibbli. U agħmel kulma tistaʼ biex tevita ambjent fejn ikun hemm it-​tipjip.

Jekk qed tistudja l-​Bibbja, żid is-​sħubija tiegħek max-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta tkun fosthom, malajr se titlef ix-​xewqa li tpejjep. Mill-​banda l-​oħra, jekk int Xhud taʼ Jehovah li qed tistudja l-​Bibbja maʼ xi ħadd li jpejjep, taqtax qalbek minnu. Għinu jħobb lil Jehovah iktar mill-​vizzju ħażin tiegħu.

[Kaxxa/Stampi fʼpaġni 16, 17]

“Kif Qtajnieh”

Mieko: “Meta bdejt nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah, kont ċerta li ma stajtx naqtaʼ t-​tipjip. Il-​motiv tiegħi li nistudja kien biex uliedi, għall-​inqas, jitgħallmu t-​triq għall-​ħajja. Imma malajr intbaħt li ġenitur irid jagħti l-​eżempju, u għalhekk bdejt nitlob bil-​ħeġġa lil Alla Jehovah biex jgħinni. Kien jeħtieġ sforz biex naħdem fi qbil maʼ dak li tlabt għalih, u għal ftit taż-​żmien ħassejtni miżerabbli. Imma qatt ma se ninsa kemm ħassejtni tajba hekk kif esperjenzajt kuxjenza nadifa meta fl-​aħħar ħlist minn dak il-​vizzju inkallat.”

Masayuki: “Wara li kont wieħed li npejjep tliet pakketti sigaretti kuljum u wara ħafna esperimenti, fl-​aħħar tfejt l-​aħħar sigarett u għedt ċaw ċaw lit-​tabakk. Il-​familja tiegħi, ix-​Xhieda sħabi, u Alla Jehovah għenuni naqtaʼ t-​tipjip. Fil-​bank fejn naħdem ħadd ma setaʼ jemmen li kont qtajt it-​tipjip. Issuġġerejt li b’konsiderazzjoni għall-​klijenti tagħna, il-​ħaddiema taʼ l-​uffiċċju fiż-​żona ġenerali tal-​bank ma jpejpux waqt is-​sigħat tax-​xogħol. Aġixxew skond is-​suġġeriment tiegħi, għalkemm 80 fil-​mija tal-​ħaddiema kienu jpejpu. Din il-​prattika issa xterdet maʼ 260 fergħa tal-​bank tagħna.”

Osamu: “Hekk kif tgħallimt il-​verità mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, indunajt li kelli nieqaf inpejjep. Domt kważi sena. Saħansitra wara li waqaft, sa sitt xhur wara, kelli niġġieled ix-​xewqa li npejjep. Kont naf f’qalbi li ridt ikolli r-​rieda li nieqaf.”

Toshihiro: “Is-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù tant impressjonani li ħassejt li stajt għall-​inqas nagħmel is-​sagrifiċċju li naqtaʼ t-​tipjip.”

Yasuhiko: “Id-​deċiżjoni tiegħi li nobdi lil Alla Jehovah u li naqtaʼ t-​tipjip salvatli ħajti. Għodwa waħda, il-​kamra li kont qed naħdem fiha mtliet bil-​gass li beda ħiereġ minn xi mkien. Normalment, kien ikolli sigarett imqabbad, u dan kieku kien jikkaġuna splużjoni. Imma peress li kont qtajt it-​tipjip ftit tal-​jiem qabel, illum qiegħed hawn nirrakkonta dak li ġara.”

Akio: “Meta kont inħossni mdardar minn żmien għall-​ieħor, issuspettajt li t-​tipjip kien qed jagħmilli l-​ħsara. Imma ma qtajtux. L-​ewwel informazzjoni taʼ fatti li rċevejt dwar il-​perikli tat-​tipjip ġew minn marti, li kienet saret waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Wara ftit bdejt nistudja l-​Bibbja, u tgħallimt mill-​pubblikazzjonijiet tas-​Soċjetà (Watch Tower) li wieħed li jpejjep mhux biss jagħmel ħsara lilu nnifsu imma wkoll lill-​membri tal-​familja tiegħu. Waqaft mill-​ewwel!”

Ryohei: “Marti kienet tixtrili s-​sigaretti​—20 pakkett kull darba. Imma wara li studjat il-​Bibbja max-​Xhieda, irrifjutat li tixtri xi ħaġa li kienet taf li tagħmilli l-​ħsara. Allura ftaħt ħanut tat-​tabakk. Kont qed inpejjep tliet pakketti u nofs kuljum. Imbagħad bdejt nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda. F’qasir żmien ridt insir kelliemi effettiv fuq suġġetti tal-​Bibbja. Għalhekk qtajt it-​tipjip sabiex nikkwalifika għal dan it-​taħriġ fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku.”

Junichi: “Binti ż-​żgħira, li hija Xhud, kienet ikkonċernata dwar ħajti. Ġagħlitni nagħmel wegħda li naqtaʼ t-​tipjip, u hekk għamilt.”

Tsuya: “Meta żort Sala tas-​Saltna għall-​ewwel darba, tlabt għal axtrej u sulfarina hekk kif dħalt. Bqajt skantata meta qaluli li ħadd hemmhekk ma kien ipejjep. Indunajt li kelli naqtaʼ t-​tipjip. Tmint ijiem martirju ġewwa l-​isptar ikkonvinċewni li qatt ma ridt li nerġaʼ ngħaddi mill-​agunija li naqtaʼ t-​tipjip.”

Yoko: “Studjajt dwar is-​suġġett fir-​rivisti u f’pubblikazzjonijiet oħrajn tax-​Xhieda taʼ Jehovah, fejn rajt kif Ġesù rrifjuta d-​drogi li offrewlu meta kien se jissammar maz-​zokk tat-​tortura. Tlabt lil Alla Jehovah, u għedtlu li ridt inkun nadifa f’li nfaħħar lil ismu. Wara dan, qatt ma pejjipt iktar. Meta n-​nies madwari kienu jpejpu, kważi kont inkun irrid niblaʼ d-​duħħan tagħhom, imma malajr kont inwarrab minn hemm, għaliex ma kontx irrid li terġaʼ tiġini x-​xewqa li npejjep.”

Dawn l-​uħud li qabel kienu jpejpu huma determinati li ma jpejpu qatt iktar. Int tpejjep u tixtieq teħles minn dan il-​vizzju?

Mieko

Osamu

Yasuhiko

Akio u martu, Sachiko

Junichi u bintu Meri

Yoko

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja