Tixtieq Titgħallem Lingwa Barranija?
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-BRITANNJA
“Mhux la kemm taqbad u tgħidha!” Ħafna hekk jgħidu dwar li titgħallem lingwa barranija, speċjalment wara li jkunu pprovaw jagħmlu dan. Irridu nammettu illi li titgħallem lingwa oħra hija xi ħaġa taʼ sfida, biex ma ngħidu xejn. Imma dawk li rnexxielhom, jgħidu li taʼ min jagħmlu dan l-isforz.
HEMM ħafna raġunijiet differenti għala wieħed jitgħallem lingwa ġdida. Andrew, per eżempju, ippjana li jqattaʼ vaganza ġewwa Franza, u ried li jkun jistaʼ jitkellem man-nies tal-lokal bil-lingwa tagħhom stess. Guido twieled l-Ingilterra, imma familtu hi mill-Italja. “Kont familjari biss maʼ djalett partikulari,” hu jgħid, “għalhekk ridt nitgħallem nitkellem it-Taljan tajjeb.” Ħu Jonathan m’ilux mar jgħix barra u żżewweġ tfajla Spanjola. “Xtaqt nitkellem mal-qraba ġodda tiegħi bil-lingwa tagħhom meta nżur lil ħija,” jgħid Jonathan.
Imma li titgħallem lingwa barranija jistaʼ jkollu benefiċċji oħrajn. “Tgħallimt ikolli empatija,” tgħid Louise. “Issa nifhem kif oħrajn iħossuhom meta jmorru f’pajjiż fejn il-lingwa mitkellma hija differenti minn tagħhom.” Għal Pamela, il-benefiċċji effettwawha b’mod iktar persunali. Peress li trabbiet fl-Ingilterra, ftit li xejn kienet taf biċ-Ċiniż—il-lingwa taʼ familtha. Bħala riżultat, beda jinbena ħajt bejn Pamela u ommha. “Ma tantx kien hemm komunikazzjoni bejnietna,” tistqarr Pamela. “Imma issa li naf nitkellem biċ-Ċiniż, inħossuna iktar qrib taʼ xulxin u r-relazzjoni taʼ bejnietna saret aħjar.”
Għajnuniet biex Tirnexxi
X’se jkollok bżonn sabiex tirnexxi f’li titgħallem lingwa barranija? Ħafna li rnexxielhom, jenfasizzaw il-punti li ġejjin.
● Motivazzjoni. Għandek bżonn inċentiva—raġuni biex tilħaq l-għan tiegħek. Ġeneralment l-istudenti li jkollhom din il-motivazzjoni kbira jirnexxu l-iktar.
● Umiltà. Tippretendix ħafna minnek innifsek—l-iżbalji huma inevitabbli, speċjalment fil-bidu. “Se jkun hemm dawk li jidħqu,” tgħid Alison, “għalhekk dejjem ħudha b’ċajta!” Valerie taqbel: “Tkun qisek tarbija li qed titgħallem timxi. Taʼ spiss taqaʼ, imma jkollok terġaʼ tqum u terġaʼ tipprova.”
● Paċenzja. “Għalija, l-ewwel sentejn kienu diffiċli, u xi drabi ħassejtni naqtaʼ qalbi,” jammetti David. Madankollu, hu jammetti: “Imma maż-żmien iktar issir xi ħaġa faċli!” Jill tħossha ftit jew wisq l-istess. “Taħseb li ma għamiltx progress, sakemm tħares lura,” hi tgħid.
● Prattika. Rutina regulari se tgħinek issir fluwenti fil-lingwa l-ġdida. Ipprova pprattika kuljum, saħansitra jekk għal ftit minuti biss. Kif ipoġġiha ktieb wieħed, “‘ftit u taʼ spiss’ huwa aħjar minn ‘ħafna imma rari.’”
Għodod t’Għajnuna
Lest li taċċetta l-isfida li titgħallem lingwa barranija? Jekk inhu hekk, dawn l-għodod li ġejjin jistgħu jgħinuk tipprogressa.
● Flash cards. Kull waħda minn dawn ikollha kelma jew frażi fuq naħa u t-traduzzjoni tagħha fuq in-naħa l-oħra. Jekk dawn m’humiex disponibbli fejn toqgħod, tistaʼ tagħmel is-sett tiegħek, billi tuża xi tip taʼ biljetti oħrajn.
● Kasetts u vidjos taʼ istruzzjoni. Dawn jistgħu jgħinuk tismaʼ l-lingwa mitkellma b’mod korrett. Per eżempju, waqt li jsuq il-karozza, David tgħallem il-prinċipji ewlenin tal-Ġappuniż billi kien joqgħod jismaʼ kasett taʼ ktieb taʼ frażijiet għat-turisti.
● Programmi interattivi tal-kompjuter. Xi wħud minn dawn jippermettulek li tirrekordja leħnek stess u tqabbel il-pronunzja tiegħek mal-pronunzja tan-nies li jkunu mill-pajjiż fejn tiġi mitkellma dik il-lingwa.
● Radju u televiżjoni. Jekk hemm programmi tar-radju jew tat-televiżjoni li jixxandru fil-lokalità tiegħek u li jużaw il-lingwa li qed titgħallem, il-għala ma tipprovax issegwihom u tara kemm tifhem minnhom?
● Rivisti u kotba. Ipprova aqra materjal stampat f’dik il-lingwa l-ġdida, filwaqt li tagħmel ċert li l-livell tal-lingwa wżata la jkun għoli ħafna u lanqas baxx wisq.a
Titgħallem il-Lingwa Sew
M’għandniex xi ngħidu, illum jew għada se jkollok titkellem maʼ dawk li jitkellmu b’dik il-lingwa. Dan ma jirrikjedix li tivvjaġġa għal pajjiż imbiegħed. Minflok, forsi tistaʼ żżur xi kongregazzjoni taʼ lingwa barranija tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-pajjiż tiegħek stess.
Tagħmel x’tagħmel, l-għan tiegħek għandu jkun li titgħallem taħseb bil-lingwa l-ġdida, minflok ma sempliċement tittraduċi l-kliem u l-frażijiet minn ilsien pajjiżek. X’aktarx li jgħin ukoll jekk tipprova titgħallem xi ħaġa dwar il-prattiċi u d-drawwiet tan-nies li jitkellmu b’dik il-lingwa l-ġdida tiegħek. “Ma jistaʼ jkun hemm l-ebda tagħlim veru tal-lingwa jekk ma tifhimx xi ħaġa mill-karatteristiċi u l-valuri tal-kultura li tkun parti minnha,” jgħid l-espert tal-lingwa Robert Lado.
Ħsieb taʼ l-aħħar: Tiskuraġġix ruħek jekk ma tantx tidher li tkun qed tagħmel progress. It-tagħlim taʼ lingwa ġdida huwa, wara kollox, proċess kontinwu. “Jien qatt ma nieqaf nitgħallem,” tgħid Jill, li tgħallmet il-lingwa bis-sinjali 20 sena ilu. “Il-lingwa qegħda dejjem tiżviluppa.”
Mela trid titgħallem xi lingwa barranija? Jekk verament trid, lesti ruħek għal sfida qawwija li fl-istess waqt tagħtik sodisfazzjon kbir.
[Nota taʼ taħt]
a Ir-rivista Stenbaħ! issa hija disponibbli fi 83 lingwa, u r-rivista li tmur id f’id magħha, It-Torri taʼ l-Għassa hija stampata f’132 lingwa. Ħafna sabu li l-kitba ċara f’dawn il-ġurnali tgħinhom meta jkunu qed jitgħallmu lingwa ġdida.
[Stampi f’paġna 12, 13]
Tistaʼ tkabbar il-vokabolarju tiegħek billi. . .
. . . tqabbel il-lingwa tiegħek maʼ dik li qed titgħallem