Veru li Tagħmel Daqshekk Ħsara?
BĦALMA diġà rajna, kemm il-kbar u kemm iż-żgħar jistgħu jaraw faċilment il-pornografija permezz taʼ l-Internet. Għandek għalfejn tinkwieta? Veru li l-pornografija tagħmel daqshekk ħsara?
Ħafna jaħsbu li billi jaraw il-pornografija darba kultant mhux se jagħmlilhom ħsara. Madankollu, il-fatti juru mod ieħor. Ikkunsidra l-każ taʼ tnejn li kienu jidhru li kellhom żwieġ hieni. Kellhom rashom mistrieħa mill-flus, u kienu jħobbu jsiefru. Il-ħbieb tagħhom kellhom l-idea li dawn kienu ħaġa waħda, kienu jħobbu lil xulxin, u ma kinux jgħaddu mingħajr xulxin, u f’ħafna modi hekk kienu.
Madankollu, il-problemi bdew iqumu meta r-raġel beda jara l-pornografija. Il-mara tiegħu kitbet lil waħda ġurnalista famuża li tagħti l-pariri fil-gazzetta, biex tesprimi ruħha dwar l-ansjetà u l-inkwiet li kellha. Qaltilha hekk: “Meta [żewġi] għall-ewwel beda jqattaʼ ħafna ħin quddiem il-kompjuter f’nofs taʼ lejl u kmieni fil-għodu, hu qalli li kienet sempliċement ‘riċerka.’ Għodwa waħda dħalt fuqu għal għarrieda u qbadtu jara [il-pornografija] . . . Hu qal li kienet biss ġietu l-kurżità. Meta ħarist sew lejn dak li kien qed jara, dak li rajt dardarni. Hu staħa minni u wegħedni li kien se jieqaf, u jien emmint li dak li qalli kien bis-serjetà. Dejjem kien bniedem taʼ min jirrispettah—raġel taʼ kelmtu.”
Bħal dan ir-raġel, ħafna għall-ewwel jibdew jinvolvu ruħhom fil-pornografija minħabba l-kurżità. Billi jibżgħu li se jinqabdu, dawn jidħlu fl-Internet tard bil-lejl jew kmieni fil-għodu. Jekk jinqabdu, ħafna drabi jipprovaw jgħattu dak li jkunu qed jagħmlu billi jigdbu, bħalma għamel dan ir-raġel. Jistaʼ xi ħadd bir-raġun isostni li dan it-tip taʼ “passatemp”—li jġiegħel lil “raġel taʼ kelmtu” jagħmel dak li għandu jagħmel inkiss inkiss f’nofs taʼ lejl, u li jġagħlu jigdeb lil xi ħadd maħbub—ma jagħmilx ħsara?
Meta wieħed jipprattika dawn l-affarijiet jistgħu jinqalgħulu problemi serji persunali u fil-familja. Xi wħud ammettew li minħabba li joqogħdu jaraw il-pornografija ma jkunux jistgħu jiżviluppaw ħbiberiji intimi m’oħrajn. Dawn ma jkunux iridu nies magħhom waqt li jkunu qed jissodisfaw il-passjoni tagħhom għall-pornografija. In-nies ġeneralment jintilfu fil-fantasiji meta jaraw il-pornografija, u l-fantasija lil dak li jkun ma tgħinux jikkultiva relazzjonijiet b’saħħithom m’oħrajn jew biex ikampa mal-ħajja fid-dinja reali. Jistaʼ qatt ikun li passatemp ma jkun t’ebda periklu jekk dan ibiegħed lin-nies minn dawk li jħobbuhom l-iktar?
F’ċerti każi, dawk li joqogħdu jaraw jew jaqraw materjal pornografiku jsibuha diffiċli wkoll li jgawdu relazzjonijiet sesswali normali maʼ l-imseħbin tagħhom. Biex tifhem l-għala, ikkunsidra l-iskop oriġinali t’Alla għall-miżżewġin. B’imħabba, hu żejjen lill-irġiel u lin-nisa miżżewġin bl-abbiltà li jesprimu bil-ferħ l-imħabba tagħhom għal xulxin permezz taʼ relazzjonijiet sesswali onorabbli. Proverbji 5:18, 19 juri li dawn ir-relazzjonijiet kellhom l-iskop li jkunu taʼ gost: “Mart żgħożitek . . . ifraħ biha. . . . Jimliek dejjem bl-għaxqa ż-żegħil tagħha, issaħħrek bla heda mħabbitha.” —Korsiv tagħna.
Innota li l-imħabba kellha tkun il-bażi għal relazzjonijiet sesswali. Ikun qiegħed min jara l-pornografija jikkultiva rabta profonda taʼ mħabba u intimità? Le, hu jkun qed jissodisfa x-xewqat sesswali tiegħu stess—waħdu, ħafna drabi. Raġel miżżewweġ li joqgħod jara l-pornografija jistaʼ jibda jqis lis-sieħba tiegħu sempliċement bħala oġġett—xi ħadd li qiegħed hemm sempliċement għall-pjaċir tiegħu. Dan m’għandu x’jaqsam xejn mad-dinjità u l-ġieħ li l-Ħallieq ried li l-irġiel jagħtu lin-nisa. (1 Pietru 3:7) Tistaʼ drawwa li tħassar l-iktar aspetti intimi taż-żwieġ titqies bħala xi ħaġa taʼ min jixtieqha?
Iktar minn hekk, jekk forsi l-individwu kellu f’moħħu li jissodisfa ruħu darba kultant, jistaʼ jispiċċa jaqaʼ fil-vizzju għal żmien twil. Ċertu kittieba tosserva li bħalma wieħed drogat ikollu bżonn droga iktar qawwija biex jaqaʼ f’estasi, dawk li jiddependu mill-pornografija jkunu jridu jesperjenzaw xi ħaġa iktar qawwija biex iħossu l-istess ewforja li kienu jħossu fil-bidu.
Milli jidher, dak ir-raġel li semmejna fil-bidu taʼ dan l-artiklu hekk ġralu. Lejla waħda, ħafna xhur wara li kien wiegħed lil martu li se jieqaf jara l-pornografija, hi marret lura d-dar u sabitu quddiem il-kompjuter. Mill-ħarsa tiegħu setgħet tinduna li kien hemm xi ħaġa ħażina. Hi kitbet: “Kien jidher nervuż ħafna u mdejjaq. Ħarist lejn il-kompjuter, u m’għandniex xi ngħidu, kien qed jara xi affarijiet verament oxxeni. Qalli li meta wegħedni li jieqaf kien sinċier, imma ma setax jgħaddi mingħajrhom.”
Meta tqis kemm tistaʼ tagħmel ħsara l-pornografija u li tistaʼ tinkiseb minn kullimkien, għandek raġun tinkwieta dwarha. Kif tistaʼ tipproteġi lilek innifsek u lil uliedek? L-aħħar artiklu f’din is-serje se jikkunsidra din il-mistoqsija.
[Stampa f’paġna 6]
Il-pornografija therrik