Il-Lingwa—Għajnuna jew Ostaklu għall-Komunikazzjoni?
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-MESSIKU
L-istorja ma tistax tagħtina fehma eżatta tal-bidliet li jgħaddu minnhom in-nies, taʼ l-organizzazzjoni soċjali u tat-twemmin u s-sentimenti tagħhom, daqskemm tistaʼ tagħtina analisi tal-lingwa tagħhom.—MARTÍN ALONSO.
MATUL l-istorja l-lingwa affaxxinat lill-istudjużi, minħabba l-oriġini u l-varjetà tagħha, u l-fatt li din dejjem tinbidel u tiżviluppa.Tabilħaqq, kien grazzi għal-lingwa nfisha li dawn l-istudjużi ppreservaw dak li affaxxinahom. Fil-fatt il-biċċa l-kbira tar-rakkonti storiċi hekk ġew preservati. M’hemmx dubju li l-lingwa hija l-aqwa mezz fundamentali taʼ komunikazzjoni għall-bnedmin.
Fil-preżent, ċerti lingwisti jikkalkulaw li fid-dinja jintużaw madwar 6,000 lingwa jew iktar, u dan minbarra d-djaletti lokali. Bla dubju, l-iktar lingwa mitkellma hija ċ-Ċiniż Mandarin. Iktar minn 800 miljun ruħ jitkellmu b’din il-lingwa. L-erbaʼ lingwi li l-iktar jintużaw wara din, għalkemm mhux bilfors f’dan l-ordni, huma l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Ħindi, u l-Bengali.
X’jiġri meta kulturi differenti u, m’għandniex xi ngħidu l-lingwi tagħhom ukoll, f’daqqa waħda jitħalltu maʼ xulxin? Mill-banda l-oħra, x’jiġrilha l-lingwa jekk ċerti gruppi taʼ nies jinqatgħu għalihom? Ejja naraw kif il-lingwa tistaʼ tgħin lill-komunikazzjoni u tfixkilha wkoll.
Il-Piġin, il-Kreol u l-Lingwa Franka
Il-kolonizzazzjoni, in-negozju bejn il-pajjiżi, u anki t-tfigħ f’kampijiet tal-konċentrament ġagħlu lin-nies iħossu l-bżonn li jsibu mezz kif jikkomunikaw peress li ma kellhomx lingwa komuni għal xulxin. Għalhekk bdew jużaw forma taʼ lingwa mqassra, jew simplifikata. Dawn neħħew ir-regoli komplikati tal-grammatika, użaw inqas kliem u llimitaw dan il-kliem għal affarijiet li jinteressaw lil kulħadd. B’dan il-mod f’ħafna postijiet inħolqot lingwa mħallta, jew piġin. Il-piġin hija lingwa b’sistema lingwistika għaliha, avolja tkun sempliċi. Imma jekk din il-lingwa ma tibqax iktar bżonnjuża, din tistaʼ tispiċċa.
Meta l-piġin issir il-lingwa prinċipali taʼ ċerti nies, jiġi miżjud kliem ġdid u l-grammatika tiġi rranġata. B’hekk issir kreol. Il-kreol, kuntrarju għall-piġin, jesprimi l-kultura taʼ grupp taʼ nies. Illum insibu ħafna lingwi piġin u kreoli mitkellma fid-dinja. Dawn huma bbażati fuq l-Ingliż, il-Franċiż, il-Portugiż, is-Swaħili, u lingwi oħra. Xi wħud minnhom saħansitra saru lingwi prominenti ġewwa pajjiż, bħalma huma t-Tok Pisin fil-Papwa-Ginea Ġdida u l-Bislama f’Vanwatu.
Xi ħaġa oħra li tgħin il-komunikazzjoni hija l-lingwa franka. Lingwa franka hija lingwa komuni wżata minn gruppi taʼ nies li lsien pajjiżhom ikun differenti minn taʼ xulxin. Per eżempju, fir-Repubblika Afrikana Ċentrali, nies li jitkellmu b’diversi lingwi lokali jistgħu jikkomunikaw bis-Sango. Fost id-diplomatiċi, l-Ingliż u l-Franċiż huma lingwi li jintużaw bħala lingwa franka. Il-piġin hija lingwa franka, u l-kreol jistaʼ jkun ukoll.
Fi nħawi differenti ġewwa pajjiż, jistaʼ jkun li jintużaw varjetajiet lokali tal-lingwa nazzjonali, imsejħin djaletti. Iktar ma l-post ikun maqtugħ għalih, iktar għandha mnejn tidher id-differenza. Biż-żmien, xi djaletti tant isiru differenti mil-lingwa oriġinali tal-post li jsiru lingwa oħra. F’ċerti każi l-lingwisti jsibuha diffiċli li jagħrfu d-differenza bejn lingwa u djalett. Ħaġa oħra hi li peress li l-lingwi dejjem jinbidlu, xi drabi d-djaletti jispiċċaw meta ma jibqgħux jintużaw, u b’hekk tispiċċa wkoll il-kultura marbuta magħhom.
Il-lingwa hija rigal divin. (Eżodu 4:11) Il-proċess meraviljuż tal-bidla fil-lingwa juri kemm dan ir-rigal jaddatta ruħu malajr. Mil-lingwa nistgħu nitgħallmu wkoll li l-ebda grupp taʼ nies m’huwa aqwa minn ieħor, għax ma teżisti l-ebda lingwa inferjuri. Bħal rigali divini oħrajn, il-lingwa hija mogħtija lil kulħadd l-istess, hi x’inhi l-kultura jew il-post fejn wieħed jgħix. Sa mill-bidunett, il-lingwi tan-nies kollha kienu kompluti biżżejjed biex jaqdu l-iskop tagħhom. Kull waħda minnhom jistħoqqilha r-rispett, jitkellmuha kemm jitkellmuha nies.
Fatturi Storiċi u Soċjali
Il-lingwa tirrifletti kemm in-nies iħobbu jissieħbu m’oħrajn bħalhom. B’hekk, meta jkun hemm kuntatt bejn il-kulturi, li hi xi ħaġa komuni li tiġri, il-lingwi taʼ dawn il-kulturi jibqgħu jirriflettu dan il-kuntatt għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Per eżempju, l-Ispanjol, li huwa meqjus bħala verżjoni mibdula tal-Latin, permezz tal-ħafna kliem t’oriġini Għarbija fih traċċi tal-konkwista Musulmana tat-territorju Spanjol fit-tmien seklu. Wieħed jistaʼ jara wkoll l-influwenza li tħalliet fuq l-Ispanjol mill-Grieg, il-Franċiż, l-Ingliż, u lingwi oħra. Barra minn hekk, l-Ispanjol li jitkellmuh fl-Amerika għad fih traċċi taʼ l-antenati li għexu fil-kontinent. Per eżempju, l-Ispanjol li jintuża hemmhekk fih ħafna kliem mil-lingwa Nahuatl taʼ l-Amerika Ċentrali taʼ l-Azteki.
Mil-lingwa, wieħed jistaʼ jinduna minn liema pajjiż ikunu ġejjin in-nies jew saħansitra minn liema naħa taʼ dak il-pajjiż. Bl-istess mod, nies li jużaw ċertu lingwaġġ jistgħu jaqgħu taħt grupp speċifiku, bħal per eżempju xi professjoni, sengħa, gruppi kulturali jew sportivi, jew saħansitra organizzazzjonijiet kriminali. Il-lista fil-fatt ma tispiċċa qatt. Il-lingwisti jsejħu dawn it-tipi differenti taʼ lingwaġġ tekniku jew speċjali saħansitra bħala djaletti.
Madankollu, meta jkun hemm il-mibegħda bejn pajjiż u ieħor u bejn gruppi etniċi u kulturali, il-lingwa ma tibqax iktar t’għajnuna. Din tistaʼ ssir ostaklu li tkompli żżid mal-firdiet bejn in-nies.
Il-Futur tal-Lingwi
Il-komunikazzjoni hija kwistjoni komplikata. Minn banda, it-tendenza tal-lum hi li ma jibqgħux jeżistu ostakli minħabba l-lingwi, primarjament minħabba l-mezzi tax-xandir. Skond l-Encyclopædia Britannica, persuna minn kull sebgħa tuża l-Ingliż bħala l-ewwel jew it-tieni lingwa tagħha. B’hekk, l-Ingliż huwa l-iktar lingwa franka wżata fid-dinja. L-użu taʼ din il-lingwa għen biex tikber il-komunikazzjoni u jkun hemm tpartit taʼ tagħrif utli.
Mill-banda l-oħra, l-ostakli kaġunati mil-lingwi wasslu għal firda, mibegħda, u gwerer. The World Book Encyclopedia tgħid: “Li kieku n-nies kollha jitkellmu bl-istess lingwa, . . . ir-rieda tajba tiżdied bejn il-pajjiżi.” M’għandniex xi ngħidu, din ir-rieda tajba ma tiġix sempliċement bl-użu taʼ lingwa franka. Teħtieġ bidla ħafna iktar profonda minn hekk. Il-Ħallieq għaref tal-lingwa biss jistaʼ jġiegħel lin-nies kollha jitkellmu b’lingwa waħda.
Il-Bibbja, il-mezz prinċipali li Alla uża biex jikkomunika mal-bnedmin, turi biċ-ċar li dalwaqt Alla se jneħħi min-nofs din is-sistema t’affarijiet mill-agħar li hawn bħalissa u minflokha jwaqqaf gvern li jmexxi mis-sema—Saltnatu. (Danjel 2:44) Dan il-gvern se jgħaqqad lill-umanità kollha taħt sistema ġdida t’affarijiet hawn fuq l-art, sistema mimlija paċi u tjieba.—Mattew 6:9, 10; 2 Pietru 3:10-13.
Saħansitra issa, lingwa spiritwali pura—il-verità dwar Alla Jehovah u l-iskopijiet tiegħu—qegħda tgħaqqad lil miljuni taʼ nies taʼ kull lingwa, nazzjonalità, u minn reliġjonijiet oħra. (Sofonija 3:9) B’hekk, tidher ħaġa loġika li fid-dinja l-ġdida tiegħu, Alla se jgħaqqad iktar lill-umanità billi jipprovdi lingwa waħda u għal kulħadd, bil-kontra taʼ dak li kien għamel f’Babel.
[Kaxxa f’paġna 12]
L-Oriġini tal-Lingwi
Alla Jehovah, il-Ħallieq mimli għerf f’kollox, uża l-lingwa maʼ l-anġli li hemm fis-sema. (Ġob 1:6-12; 1 Korintin 13:1) Meta ħalaq il-bnedmin, hu poġġa fihom grupp taʼ kliem u l-abbiltà li jkomplu jżidu kliem ġdid. M’hemm ebda evidenza taʼ xi lingwa umana primittiva li kienet magħmula minn ħsejjes u tgemgim. Għall-kuntrarju, ikkunsidra dak li tispjega l-Encyclopædia Britannica dwar is-Sumerjan, l-eqdem lingwa miktuba li jafu biha. Din tgħid li l-mod kif jinħadem il-verb Sumerjan, inkluż l-ittri li jiġu miżjudin qabel il-verb u wara, jindika li s-Sumerjan kien lingwa komplikata.
Madwar is-seklu 20 Q.E.K., kuntrarju għal dak li kien ikkmanda Alla biex jinfirxu u ‘jimlew l-art,’ il-bnedmin ipprovaw jikkontrollaw lill-bnedmin kollha fil-pjanuri taʼ Singħar, fil-Mesopotamja, u bdew jibnu t-Torri reliġjuż taʼ Babel. Il-varjetà fil-lingwi bdiet meta Alla ħawdilhom il-lingwa li kien juża kulħadd, sabiex jisfrattalhom il-pjanijiet perikolużi u taʼ ħsara li kellhom.—Ġenesi 1:28; 11:1-9.
Ir-rakkont tal-Bibbja ma jgħidx li l-lingwi kollha ħarġu mill-ewwel waħda. F’Singħar, Alla introduċa gruppi ġodda taʼ kliem u stili differenti taʼ ħsieb, u dan irriżulta f’varjetà taʼ lingwi. B’hekk, kien għalxejn li xi wħud ipprovaw ifittxu liema kienet dik il-lingwa li minnha ħarġu l-lingwi kollha li nsibu llum.
[Stampa f’paġna 12]
F’Babel, Alla ħawwad il-lingwa tal-bnedmin ribellużi