LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 7/8 pp. 14-19
  • Ruma u d-Diversi Aspetti Tagħha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ruma u d-Diversi Aspetti Tagħha
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Belt l-​Antika
  • Ejja Mmorru sal-​Forum
  • Ruma taʼ Żmien l-​Appostli
  • Kif ir-​Rinaxximent Bidel lil Ruma
  • Ruma Barokka Tant Spettakolari
  • Il-​Belt Moderna
  • Arkata li tagħti xhieda li l-profezija twettqet bl-eżatt
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
  • Il-Qabar taʼ Pietru—Fil-Vatikan?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • It-Toroq Rumani—Monumenti taʼ l-Inġinerija tal-Qedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Stenbaħ!—2001
g01 7/8 pp. 14-19

Ruma u d-​Diversi Aspetti Tagħha

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​ITALJA

“Jien jidhirli li Romulus [li skond il-​mitoloġija waqqaf lil Ruma fis-​753 Q.E.K.] mill-​bidunett setaʼ jbassar b’mod divin li l-​belt xi darba kellha tkun is-​sede u d-​dar taʼ imperu qawwi.”ĊIĊERUN, ORATUR U POLITIKU RUMAN TAʼ L-​EWWEL SEKLU Q.E.K.

BĦAL ħafna bliet oħra li għandhom millennji sħaħ taʼ storja, Ruma ntlaqtet minn diversi aspetti, u hekk kif gerbu s-​sekli, dawn ħallew il-​marka tagħhom. Tixtieq tkun taf x’inhuma? Issa huwa l-​waqt, speċjalment jekk int mistieden tattendi waħda mill-​konvenzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah li se jsiru mill-​10 sat-​12 t’Awissu, 2001, f’Ruma, Bari, Turin, u Milan.

Imma fuq liema Ruma tixtieq tkun taf? Hemm Ruma antika, Ruma repubblikana, u Ruma imperjali. Eqreb lejn żmienna, hemm Ruma medjevali, Ruma tar-​Rinaxximent, Ruma barokka, u fl-​aħħarnett Ruma moderna. Biex inkunu semmejna kollox, hemm Ruma papali, Ruma tan-​nies komuni, u Ruma tan-​nobbli. Se ssib sorpriżi kulfejn iddawwar wiċċek f’din il-​belt kapitali.

Il-​Belt l-​Antika

L-​eqdem villaġġi, li kienu rħula bl-​għerejjex fi Żmien il-​Ħadid, jidher li fformaw ħafna qabel it-​tmien seklu Q.E.K. Dawn ifformaw fuq l-​għoljiet Rumani madwar dak li darba kien wied ħdejn parti baxxa mix-​xmara Tevere. Peress li fi żmien l-​imgħoddi l-​għoljiet li kienu jinsabu madwar dawn l-​inħawi kienu jintgħarfu mill-​ewwel, intqal li l-​belt inbniet fuq sebaʼ għoljiet—tal-​Kwirinal, tal-​Viminal, taʼ l-​Eskwilin, taċ-​Ċelju, taʼ l-​Aventin, tal-​Palatin, u tal-​Kapitolina. Sa llum il-​ġurnata ċerti nħawi fil-​belt għadhom magħrufin b’xi wħud minn dawn l-​ismijiet.

Jekk tiddeċiedi li tmur Ruma, tinsiex tieħu ktieb taʼ gwida eżatta u mappa. Tistaʼ tieħu idea taʼ dak li x’aktarx kien jara Ruman tal-​qedem xi 2,000 sena ilu.

Ejja Mmorru sal-​Forum

“Il-​Forum kien iċ-​ċentru tal-​ħajja politika, kummerċjali u ġudizzjarja f’Ruma taʼ l-​antik,” jgħid ktieb wieħed taʼ gwida. L-​entratura prinċipali għal din il-​parti tinsab f’Via dei Fori Imperiali. Hemm il-​Metro u diversi rotot tal-​linja li jgħaddu minn hemmhekk.

Fost il-​monumenti l-​iktar famużi f’dawn l-​inħawi hemm il-​Kolossew, li huwa magħruf ukoll bħala l-​Anfiteatru Flavju, simbolu taʼ l-​era imperjali. L-​għoli tiegħu hu 48 metru, l-​istess bħal bini taʼ 16-il sular taʼ llum. It-​tul huwa madwar 190 metru, u l-​wisaʼ madwar 155 metru. Kellu 80 entratura, u kien jesaʼ 55,000 spettatur! Kien l-​Imperatur Vespasjanu li ordna li jinbena fis-​sena 72 E.K. Meta tkun wieqaf ħdejh aħseb ftit dwar dan. Kieku l-​ħitan setgħu jitkellmu . . .

Xi sejbiet reċenti jindikaw li l-​anfiteatru tlesta permezz tal-​priża li l-​leġjuni Rumani kienu serqu u ġabu lura lejn belthom wara l-​kampanja vittorjuża tagħhom fil-​Lhudija, li laħqet il-​quċċata tagħha fil-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​70 E.K. (Mattew 24:1, 2; Luqa 21:5, 6) Għal sekli sħaħ f’dan l-​anfiteatru kien isir il-​logħob krudili tal-​gladjaturi. Madankollu, kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, jidher li ħadd mill-​Kristjani ma miet martri hemmhekk.a

Ħdejn il-​Kolossew hemm l-​Arkata taʼ Titu, li ġiet imwaqqfa biex tiġi ċelebrata din l-​istess kampanja. Ġewwa l-​arkata tistaʼ tara xeni tal-​purċissjoni tat-​trijonf, bl-​ilsiera Lhud u l-​oġġetti sagri mit-​tempju murijin waqt il-​purċissjoni. Dawk il-​Lhud x’aktarx li għaddew eżatt minn dan il-​post!

Monument ieħor magħruf ħafna, li huwa taʼ l-​għaġeb u jinsab f’kundizzjoni tajba, huwa l-​Panteon. Dan qabel kien tempju pagan dedikat lill-​allat kollha; issa fih knisja Kattolika. L-​Imperatur Adrijanu (76-138 E.K.), li huwa magħruf għall-​ħajt taʼ protezzjoni fit-​tramuntana taʼ l-​Ingilterra, ħadem fuq dan il-​kapulavur taʼ inġinerija Rumana matul is-​snin 118-128 E.K. L-​għoli u d-​dijametru tar-​rotunda huma ndaqs—43.4 metru.

Iċ-Ċirku Massimu, l-​Għolja tal-​Palatin, u diversi postijiet u monumenti oħrajn iriduna mmorru lura fiż-​żmien. Biex ikomplu jfakkruna fil-​maestà u l-​kobor tas-​sitt qawwa dinjija fl-​istorja tal-​Bibbja, għad hemm obeliski u kolonni mnaqqxin antiki ħafna, bħal dawk taʼ Trajanu u Mark Awrelju, weqfin f’diversi postijiet fil-​belt.

Ruma taʼ Żmien l-​Appostli

Għalkemm il-​Kristjaneżmu apostat malajr ħa post il-​Kristjanità appostolika, għadek tistaʼ tara ħjiel tal-​ħajja tal-​Kristjani bikrin f’Ruma. Per eżempju, meta tmur tara t-​Triq taʼ Appju kif tistaʼ ma tiftakarx fir-​rakkont taʼ meta l-​aħwa Kristjani marru maʼ l-​appostlu Pawlu sal-​belt? (Atti 28:14-16) Imma rridu noqogħdu attenti li ma naqbdux u naċċettaw it-​tradizzjoni bl-​addoċċ. Per eżempju, ħdejn il-​Forum hemm dak li jissejjaħ il-​Ħabs Mamertin, li jintqal li kien il-​post fejn l-​appostlu Pietru nżamm taħt arrest. Imma m’hemm l-​ebda evidenza Biblika li Pietru qatt resaq lejn il-​belt.

Waqt li tkun lejn l-​inħawi tat-​Triq taʼ Appju, forsi tkun trid tara l-​katakombi famużi—mijiet taʼ kilometri taʼ passaġġi taħt l-​art li kienu jservu taʼ postijiet għad-​difna. Is-​sejbiet li saru għandhom x’jaqsmu mal-​kulti tal-​mejtin u l-​martri, u l-​ideat konnessi maʼ l-​immortalità tar-​ruħ. Għalhekk, jindikaw li dawk li kienu jużaw dawn iċ-​ċimiterji antiki ma kinux għadhom segwaċi veri tat-​tagħlim oriġinali taʼ Ġesù.b

Kif ir-​Rinaxximent Bidel lil Ruma

Minn żmien ir-​Rinaxximent (mis-seklu 14 sas-​seklu 16), Ruma nbidlet ferm minħabba, fost affarijiet oħra, li l-​qawwa u l-​prestiġju papali bdew jikbru ferm. L-​artisti, l-​arkitetti, u n-​nies tas-​sengħa kienu jissejħu lejn il-​palazz papali. Wieħed mill-​iktar famużi kien Michelangelo. Xi wħud mill-​kapulavuri tiegħu jinżammu fil-​Belt tal-​Vatikan. Fost ix-​xogħlijiet famużi hemm “Il-​Ġudizzju Universali,” fil-​Kappella Sistina, u l-​affreski tiegħu fis-​saqaf tal-​kappella, li wieħed jistaʼ jarahom jekk jidħol mill-​Mużew tal-​Vatikan. Taʼ min jinnota li f’dan “Il-​Ġudizzju Universali” m’hemmx xeni tal-​purgatorju.

Xogħol ieħor taʼ Michelangelo huwa l-​istatwa taʼ Mosè, li tinsab f’Ruma fil-​Knisja taʼ San Pietru fil-​Ktajjen. L-​influwenza tiegħu tidher ukoll f’diversi dettalji fil-​Bażilika taʼ San Pietru. Din il-​knisja għandha diversi kapulavuri fiha, fosthom l-​iskultura “Pietà” taʼ Michelangelo. Fiha jidher Kristu mejjet f’dirgħajn ommu.

Punt interessanti għax-​Xhieda taʼ Jehovah huwa li fil-​bażilika jidher diversi drabi t-​Tetragrammaton Lhudi, li jirrappreżenta l-​isem divin, Jehovah. Tistaʼ ssibu fuq il-​monument funebri taʼ Klement XIII u fil-​Kappella tal-​Preżentazzjoni.

Ruma Barokka Tant Spettakolari

L-​iktar aspett spettakolari taʼ Ruma x’aktarx li huwa l-​aspett barokk taʼ din il-​belt. Skond ċerta enċiklopedija l-​affarijiet li jkunu taʼ stil barokk ikunu kbar u mimlijin b’dettalji drammatiċi. Dan l-​istil feġġ fl-​aħħar tas-​seklu 16, u sa l-​aħħar tas-​seklu 18 kien sar stil iktar intimu, l-​istil rokokò. Wieħed mix-​xogħlijiet barokki famużi huwa l-​monument taʼ Papa Alessandru VII li għamel Bernini f’San Pietru. Bernini kien l-​artist favorit mill-​papiet. Hu biddel id-​dehra tal-​knejjes, il-​palazzi, l-​istatwi, u l-​funtani f’Ruma. Agħti titwila lill-​pjazza taʼ quddiem il-​Bażilika taʼ San Pietru, li hija mdawra bil-​kolonni spettakolari taʼ Bernini. Jew mur ara l-​Piazza del Popolo, li “tifforma antikamra simetrika u kbira għall-​qalba taʼ Ruma.” Il-​Barokk u x-​xogħol taʼ Bernini jinsabu kullimkien! Kun ċert li tara l-​effetti tax-​xeni li tipproduċi l-​Funtana taʼ Trevi jew il-​funtani taʼ Piazza Navona, bħall-​Fontana dei Fiumi (il-Funtana tax-​Xmajjar) u l-​Fontana del Moro (il-Funtana tal-​Moru) taʼ Bernini.

Il-​Belt Moderna

Illum rari jqumu ideat ġodda fuq l-​ippjanar tal-​belt. L-​aħħar proġett kbir imur lura għas-​snin 30, meta nbena l-​Esposizione Universale di Roma (E.U.R.). Dan kellu l-​iskop li jigglorifika l-​Faxxiżmu matul il-​ħakma taʼ Mussolini.

L-amministraturi tal-​belt issa qed joqogħdu attenti li jżommu l-​wirt artistiku u prezzjuż taʼ Ruma f’qagħda tajba u jagħtuh l-​importanza li jixraqlu. Huma jridu li dan il-​wirt mhux biss jitgawda fit-​toroq u fil-​pjazez imma wkoll fil-​100 mużew u iktar li hemm fil-​belt. Iżda qabel ma terħilha biex iżżur il-​mużewijiet, monumenti, u postijiet arkeoloġiċi, forsi jkun għaqli li tikseb tagħrif dwar il-​ħinijiet tal-​ftuħ billi tiċċekkja fuq sites xierqa taʼ l-​Internet jew fi ktieb tajjeb taʼ gwida.

Għalkemm Ruma hija magħrufa għall-​Vatikan, din fiha varjetà taʼ reliġjonijiet. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom l-​uffiċċju tal-​fergħa u Sala taʼ l-​Assemblea hemmhekk. Fil-​parti ċentrali tagħha, hemm kważi 10,000 Xhud li jiltaqgħu flimkien f’xi 130 kongregazzjoni u grupp. Dawn ikollhom il-​laqgħat tagħhom fi 12-il lingwa minbarra t-​Taljan. Int mistieden bil-​qalb kollha biex tiġi fi kwalunkwe Sala del Regno (Sala tas-​Saltna).

Mela jkun liema aspett ikun li trid tara minn Ruma, fost id-​diversi wħud li għandha x’toffri, aħna nistidnuk tiġi għax, bħalma kiteb l-​awtur Ġermaniż Johann Wolfgang von Goethe, “f’Ruma biss wieħed jistaʼ jeduka ruħu dwar Ruma.”

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​Awake! tat-​8 t’April, 1991, paġni 24-7.

b Ara l-​Awake! tat-​8 t’Awissu, 1995, paġni 16-20.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 18, 19]

BARI—Il-​Kapitali Attiva taʼ Puglia

PUGLIA huwa r-​reġjun li jifforma t-​“takkuna” taż-​“żarbuna” taʼ l-​Italja. (Ara l-​mappa f’paġna 14.) Huwa famuż għaż-​żejt taż-​żebbuġa u l-​inbejjed. Bari hija l-​belt kapitali, b’popolazzjoni taʼ madwar 350,000 ruħ. Huwa kalkulat li l-​belt oriġinat qabel żmien ir-​Rumani. F’xi żmien waqgħet taħt l-​influwenza tal-​Griegi. Ir-​Rumani, li daħlu fir-​reġjun fir-​rabaʼ seklu Q.E.K., sejħu l-​belt Barium u għamluh municipium, jiġifieri, post li kienu joqogħdu fih ċittadini Rumani u li kien iżomm l-​indipendenza fit-​tmexxija tiegħu.

Minn żmien l-​ewwel Kruċjata (1096 E.K.), Bari saret iktar importanti għar-​rotot lejn l-​Orjent. Saret ukoll il-​port minfejn kienu jitilqu ħafna bastimenti tal-​Kruċjati.

Il-​Belt taʼ “Father Christmas”?

L-​iktar monumenti importanti taʼ Bari għandhom x’jaqsmu ħafna maʼ ġrajjiet storiċi. Bini li huwa konness b’mod partikulari maʼ l-​istorja taʼ Bari huwa l-​Bażilika taʼ San Nikola. Dwar dan Nikola jintqal li kien l-​isqof taʼ Mira, belt fl-​Asja Minuri, fir-​rabaʼ seklu E.K. Fl-​antik, id-​dettalji taʼ ħajtu tħawdu maʼ dawk taʼ membru ieħor tal-​kleru li kien jismu l-​istess, u li kien jgħix fis-​sebaʼ seklu. Għalhekk, kien hemm leġġendi taʼ oriġini differenti dwar dan il-​bniedem. Waħda, fost ħafna minnhom, sejħet lil Nikola l-​protettur tat-​tfal għax intqal li kien irxoxta tlett itfal wara li lukandier kattiv kien qattagħhom biċċiet u għamilhom fil-​ħall! Għalhekk, mhix ħaġa taʼ l-​iskantament li fil-​Medju Evu xterdet venerazzjoni mhux skritturali taʼ dan il-​persunaġġ, u xi affarijiet li suppost kienu relikwi tiegħu saru popolari ferm.

Skond il-​ktieb Puglia—Dal Gargano al Salento, Nikola, li bil-​Latin huwa magħruf bħala Sanctus Nicolaus, “sar Santa Claus fil-​pajjiżi lejn it-​tramuntana taʼ l-​Alpi u iktar tard fl-​Amerika taʼ Fuq; il-​kappa tiegħu taʼ isqof inbidlet f’ġakketta bit-​tarf tal-​fer, il-​mitra tiegħu saret barnuża, u l-​qaddis sar xwejjaħ b’daqna bajda li jagħmel il-​karità, u jġorr xkora mimlija rigali.” U ħaġa taʼ l-​għaġeb ġie Father Christmas!c

Hemm monumenti oħrajn taʼ interess fil-​belt, imma għax-​Xhieda taʼ Jehovah, hemm bini li jistaʼ jinteressahom b’mod partikulari u dan huwa l-​Knisja tat-​Trinità Mqaddsa u l-​Qaddisin Kosma u Damjan, li nbniet fis-​snin 60. Fl-​apsidi tagħha, il-​parti tal-​bini li hija nofs tond, hemm xogħol tal-​mużajk li juri t-​Tetragrammaton. Qatt Rajt Trullo?

M’għandekx għalfejn tmur ’il bogħod minn Bari biex issib ħafna postijiet interessanti. F’Alberobello, madwar 55 kilometru lejn ix-​xlokk taʼ Bari, hemm il-​famużi trulli. Dawn huma bħal bini abjad b’forma stramba u b’saqaf qisu lembut. Ġew imsejħin tined tal-​ġebel u kjoskijiet mhux tas-​soltu mibnijin qalb is-​siġar. Kienu jinbnew billi ġebla titqiegħed fuq oħra mingħajr tajn. B’dan il-​metodu taʼ bini wieħed jistaʼ jaħseb li t-​trulli m’humiex daqstant sodi, u li saħansitra huma taʼ periklu. Madankollu, dawn għadhom sħaħ sa llum u ħafna minnhom għandhom mijiet taʼ snin. Għandhom ukoll sistema taʼ lqugħ tajjeb mit-​temperatura għax fis-​sajf jibqgħu friski u fix-​xitwa jżommu s-​sħana.

Jekk int dilettant tar-​ritratti, forsi tkun trid tieħu xi ftit ritratti tal-​kastell sabiħ ħafna, Castel del Monte, li jinsab 40 kilometru lejn il-​punent taʼ Bari. Dan inbeda min-​Normanni fis-​seklu 12. Bħalma jgħid ktieb wieħed taʼ gwida, dan “jisboq lil kull kastell ieħor assoċjat maʼ Federiku II. Huwa wkoll bini [mhux reliġjuż] mill-​iktar sofistikat tal-​Medju Evu.” Il-​ktieb jgħid li dan huwa eżempju eċċellenti taʼ arkitettura ġeometrika u armonjuża b’żewġ sulari taʼ tmien kmamar kull wieħed. Huwa għandu tmien kantunieri u fuq kull waħda hemm torri mibni. Taʼ min imur jarah.

F’Bari xi 1,600 Xhud taʼ Jehovah flimkien maʼ ħafna ħbieb jiltaqgħu fi 18-il kongregazzjoni. Ilkoll jinsabu ħerqanin biex jilqgħu lill-​ħafna viżitaturi li ġejjin għall-​Konvenzjoni Distrettwali “Għalliema tal-​Kelma t’Alla” fl-​Istadju taʼ San Nikola f’din il-​belt.

[Nota taʼ taħt]

c Ara The Watchtower tal-​15 taʼ Diċembru, 1989, paġni 26-8, u l-​Awake! tat-​8 taʼ Diċembru, 1989, paġna 14.

[Stampi]

It-​Tetragrammaton fil-​Knisja tat-​Trinità Mqaddsa u l-​Qaddisin Kosma u Damjan

Ix-​xatt

Castel del Monte

Trulli f’Alberobello

[Mappa f’paġna 14]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

RUMA

BARI

[Sors]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampa f’paġna 14]

L-​Arkata taʼ Titu, bl-​iskultura li turi l-​affarijiet misruqin mit-​tempju taʼ Ġerusalemm

[Stampa f’paġna 14]

Il-​Kolossew

[Stampa f’paġna 15]

Il-​Kolonna taʼ Mark Awrelju

[Stampa f’paġna 15]

It-​Triq taʼ Appju

[Stampa f’paġna 15]

Il-​Panteon, li qabel kien tempju pagan għall-​allat kollha, issa fih knisja Kattolika

[Stampa f’paġna 16]

Dettall mill-​“Ġudizzju Universali” taʼ Michelangelo, fil-​Kappella Sistina

[Stampa f’paġna 16]

Il-​Funtana tax-​Xmajjar taʼ Bernini

[Stampa f’paġna 17]

L-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 17]

Il-​Funtana taʼ Trevi

[Stampa f’paġna 17]

Romulus u Remus, li fil-​mitoloġija jintqal li waqqfu lil Ruma, skond il-​leġġenda ġew imreddgħin minn lupa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja