LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 8/8 pp. 24-27
  • Milan u Turin—Żewġt Ibliet Pjaċevoli li Tistaʼ Żżur

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Milan u Turin—Żewġt Ibliet Pjaċevoli li Tistaʼ Żżur
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Milan​—Il-​Propja Belt Kapitali taʼ l-​Italja?
  • Ejja Żur il-​Belt
  • Turin​—Ħaġra Prezzjuża Oħra taʼ l-​Italja
  • Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’Turin u Milan
  • Rajt X’Qawwa Għandha l-Verità tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Kont Nibżaʼ mill-Mewt—Issa Nistenna “Ħajja bl-Abbundanza”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Ruma u d-Diversi Aspetti Tagħha
    Stenbaħ!—2001
  • L-Aħħar Ċena—X’Inhi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Stenbaħ!—2001
g01 8/8 pp. 24-27

Milan u Turin—Żewġt Ibliet Pjaċevoli li Tistaʼ Żżur

MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FL-​ITALJA

ŻJARA fl-​Italja tistaʼ tkun esperjenza pjaċevoli. L-​ikel, l-​inbid, ix-​xenarju, l-​istorja, il-​kultura, il-​mużika, u l-​lingwa—kollha flimkien iġagħluk ma tinsiehx dan il-​pajjiż. Dan is-​sajf jistaʼ jkun iż-​żmien xieraq biex tmur, speċjalment għal dawk mistidnin biex jattendu waħda mill-​konvenzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah li se tinżamm hemmhekk. Ejja ħa niħduk dawra żgħira f’żewġt ibliet Taljani taʼ l-​għaġeb u r-​reġjuni tagħhom.

Milan​—Il-​Propja Belt Kapitali taʼ l-​Italja?

Inkwantu għan-​negozju u l-​industrija, Milan taʼ spiss titqies bħala l-​propja belt kapitali taʼ l-​Italja. Imqabbla maʼ bliet Taljani oħra, ma tantx hija magħrufa għall-​antikità u l-​arti. Hawnhekk jispikkaw iktar l-​aspetti moderni milli dawk antiki. Minkejja dan, Milan hija sors taʼ arti u arkitettura importanti li jagħtu prova dwar il-​passat antik.

Madwar is-​600 Q.E.K., ir-​reġjun kien okkupat mill-​Galli, nies Ċeltiċi taʼ l-​antik mill-​post issa magħruf bħala Franza. Fis-​sena 222 Q.E.K., ir-​Rumani kkonkwistaw il-​belt u tawha l-​isem bil-​Latin Mediolanum, issa msejħa Milan. Matul is-​sekli, il-​peniżola Taljana kienet post maqsum u konkwistat, u ħadet l-​indipendenza tagħha biss fl-​aħħar parti tas-​seklu 19. Għalhekk, Milan ġiet invaduta kemm-il darba. Fost dawk li okkupaw dawn l-​inħawi kienu l-​Lombardi, li probabbilment kienu joriġinaw mill-​Iskandinavja. Huma taw isimhom lil Lombardija, ir-​reġjun li bħala belt kapitali għandu lil Milan.

Ejja Żur il-​Belt

L-​istorja taʼ Milan, bħal dik tal-​bqija taʼ l-​Italja, hija influwenzata mill-​Knisja Kattolika. Mela, m’għandniex għalfejn nistagħġbu li l-​katidral, jew id-​duomo, li hemm f’Milan huwa t-​tielet mill-​akbar knejjes fl-​Ewropa u wieħed mill-​akbar knejjes Gotiċi fid-​dinja. Filwaqt li huwa twil 152 metru, huwa mimli b’turretti u b’iktar minn 3,000 statwa u mwieżeb forma taʼ figuri grotteski. Il-​bini beda fl-​1385 u ħa ħames sekli biex jitlesta. Illum, meta t-​Taljani jitkellmu dwar xi xogħol li qed jieħu żmien twil biex jitlesta, jgħidu li bħallikieku “qed jinbena l-​katidral.”

Dawk li jaqraw il-​Bibbja jkunu interessati li jaraw l-​isem t’Alla, fil-​forma taʼ “Jahve,” fl-​għoli f’tieqa Gotika li tinsab fil-​faċċata tal-​katidral. Il-​faċċata minn barra hija mżejna b’diversi stampi taʼ episodji Bibliċi.

Il-Castello Sforzesco huwa wieħed mill-​bini li sar simbolu tal-​belt. Inbena fis-​seklu 15 mill-​familja Sforza, il-​ħakkiema taʼ Milan. Illum fih diversi mużewijiet. Kamra famuża minnhom fiha affreski li xi wħud jgħidu li ġew impinġijin minn Leonardo da Vinci, il-​pittur famuż u xjenzat magħruf.

Fost l-​iktar pitturi magħrufin taʼ da Vinci hemm affresk fil-​kunvent taʼ Santa Maria delle Grazie tar-​Rinaxximent tas-​seklu 15. Dan iġib lil Ġesù f’dik li nafuha bħala l-​Aħħar Ċena u jingħad li hu wieħed mill-​iktar pitturi famużi kollha tar-​Rinaxximent. Il-​Pinacoteca di Brera, mużew ieħor, fih waħda mill-​akbar kollezzjonijiet Taljani taʼ pitturi minn artisti famużi bħal Bellini, Raffaello, Tintoretto, u Caravaggio.

L-​istudenti tal-​Bibbja se togħġobhom il-​Pinacoteca Ambrosiana, li hi librerija u gallerija taʼ l-​arti. Hemmhekk tistaʼ ssib il-​Framment Muratorjan, katalgu bil-​Latin taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana li ilu jeżisti mill-​aħħar tat-​tieni seklu E.K. Dan jgħin biex jikkonferma l-​lista tal-​kotba mqaddsa li jifformaw it-​“Testment il-​Ġdid.”a

L-​istess librerija fiha l-​manuskritt imsejjaħ Ambrosian O 39 sup., li ilu jeżisti mill-​aħħar tad-​disaʼ seklu E.K. Dan jittraduċi l-​isem divin bit-​Tetragrammaton miktub b’ittri bl-​Ebrajk b’forma kwadra, kif imsemmi fin-​New World Translation of the Holy Scriptures​—With References.b Il-​librerija għandha wkoll verżjonijiet antiki oħrajn tal-​Bibbja, kif ukoll il-​Manuskritt Atlantiku li hu kollezzjoni taʼ iktar minn 2,000 pittura u noti xjentifiċi magħmulin minn Leonardo da Vinci.

Suġġeriment utli li l-​viżitaturi għandhom jiftakru hu li ħafna mużewijiet u libreriji jinsabu f’bini antik. Dawn huma meraviljużi għas-​sbuħija tagħhom, imma llum malajr ikunu ppakkjati bin-​numru li dejjem jiżdied taʼ turisti. F’ħafna każi, trid tibbukkja minn qabel biex tmur tarahom, u xi mużewijiet għandhom ħinijiet limitati għaż-​żjajjar.

Qabel ma nħallu l-​parti antika tal-​belt, dawk li jħobbu l-​mużika għandhom mnejn ikunu jridu jaraw it-​teatru La Scala minn barra, wieħed mill-​iktar teatri taʼ l-​opra famużi fid-​dinja. Anki jekk dak li jkun ma jkunx jistaʼ jismaʼ xi opra, forsi jkun jixtieq iżur il-​mużew, fejn jistaʼ jara diversi tifkiriet taʼ mużiċisti u kantanti famużi.c

Dawra mal-​parti moderna taʼ Milan, waħda mill-​iktar bliet sinjuri fl-​Ewropa, bl-​iskyscrapers u l-​istejdjums taʼ l-​isports tagħha, tistaʼ tagħtik idea tal-​belt. Tkun tistaʼ tgawdi l-​varjetà, is-​sbuħija, u l-​istorja twila taʼ Milan. Il-​viżitaturi li jħobbu jixtru u jduru żgur li jkunu jridu jżuru l-​Galleria Vittorio Emanuele II tant enormi, li għandha s-​saqaf u l-​koppla tal-​ħġieġ li huma tant sbieħ.

Żgur tieħu gost jekk tiġi Milan! Imma issa, ejja nivvjaġġaw lejn il-​punent biex inżuru belt sabiħa fl-​Italja imma li hi differenti kompletament.

Turin​—Ħaġra Prezzjuża Oħra taʼ l-​Italja

Turin, belt b’popolazzjoni taʼ madwar miljun ruħ, tinsab fl-​iktar ponta dejqa tal-​Wied tal-​Po, fin-​naħa taʼ isfelnett taʼ l-​Alpi tal-​punent, u inqas minn 100 kilometru ’l bogħod mill-​fruntiera taʼ Franza. Hija mdawra b’“anfiteatru” taʼ l-​għaġeb tal-​muntanji taʼ l-​Alpi safejn tagħtik il-​vista t’għajnejk. Kważi nofs il-​provinċja taʼ Turin tikkonsisti minn muntanji, boskijiet, u widien. F’inqas minn siegħa bil-​karozza tasal ħdejn lokalitajiet fil-​muntanji fejn in-​nies imorru għall-​vaganzi. F’inqas minn sagħtejn, tistaʼ tkun fil-​bajjiet tal-​Liguria.

Turin twaqqfet qabel ir-​Rumani. Oriġinalment kien hemm joqogħdu nies jissejħu Taurini, imbagħad saret kolonja Rumana, li l-​fdalijiet tagħha jinsabu fl-​inħawi storiċi. Hemm karatteristiċi medjevali, imma l-​biċċa l-​kbira mill-​arkitettura tal-​belt ilha teżisti mis-​sekli 17 u 18, bi stil barokk li jidher l-​iktar fil-​bini li jinsab fit-​toroq fil-​qalba tal-​belt.

Wieħed mill-​aqwa mużewijiet Eġizzjani fid-​dinja jinsab f’Turin. Il-​kollezzjoni eċċezzjonali li hemm taʼ oġġetti miċ-​ċivilizzazzjoni antika li żviluppat max-​xmara Nil hija t-​tieni waħda wara dik fil-​Kajr.

Fi żjara taʼ ftit sigħat biss, tistaʼ tammira ċ-​ċentru storiku u artistiku tal-​belt, il-​Palazz Madama, il-​Palazz Irjali, u l-​Mole Antonelliana, li bl-​għoli tiegħu taʼ 170 metru sa ftit ilu kien wieħed mill-​itwal strutturi taʼ bini fl-​Ewropa. Bħala xi ħaġa speċjali tal-​belt, xi drabi dan jissejjaħ il-​pariġġ taʼ l-​Eiffel Tower taʼ Pariġi f’Turin. Imbagħad hemm il-​Park Valentino, li fih ġonna botaniċi, kif ukoll ħaxix maqtugħ qasir, mogħdijiet bejn is-​siġar, funtani, u fortizza medjevali—villaġġ tal-​Piemonte fis-​seklu 15 mibni mill-​ġdid b’mod pittoresk u li jżomm ħafna maʼ l-​oriġinal.

Turin hija waħda mill-​iktar ċentri taʼ manifattura importanti fl-​Italja. Hija s-​sors tal-​kumpanija tal-​karozzi FIAT (Fabbrica Italiana Automobili Torino). Jekk int interessat fil-​karozzi antiki, il-​Museo dell’Automobile, madwar 3 kilometri ’l bogħod mill-​belt, għandu kollezzjoni taʼ 150 karozza antika u klassika, inkluż il-​Bugatti, il-​Maserati, u l-​Lancia. Għalhekk, huwa ovvju għala l-​għajxien taʼ madwar nofs il-​popolazzjoni preżenti taʼ Turin b’xi mod jew ieħor għandu x’jaqsam maʼ l-​industrija tal-​karozzi.

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’Turin u Milan

Għal sekli sħaħ, ħdejn il-​widien taʼ madwar Turin kienu joqogħdu ħafna Valdensi, id-​dixxendenti taʼ predikaturi tar-​Riforma Protestanta li jivvjaġġaw minn post għal ieħor. Mela, m’għandniex għalfejn nistagħġbu li matul vjaġġ fl-​Ewropa fl-​1891, Charles Taze Russell, li kellu t-​tmexxija fost l-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu (kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien), iltaqaʼ maʼ Daniele Rivoire, isqof Valdens lokali. Russell ftiehem miegħu biex ikun hemm diversi għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja tradotti bit-​Taljan. Fl-​1903 fforma l-​ewwel grupp taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja f’dawn l-​inħawi. Meta Russell irritorna lejn l-​Italja fl-​1912, kien hemm xi 40 individwu jiltaqgħu regolarment għal-​laqgħat Kristjani f’bini f’Pinerolo, ħdejn Turin. U f’Pinerolo saret l-​ewwel assemblea Taljana tagħhom fl-​1925.

B’hekk, l-​ewwel evidenza vera taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja f’Turin tiħodna lura fis-​snin 20. L-​ewwel missjunarji tax-​Xhieda taʼ Jehovah ntbagħtu fl-​Italja fl-​1946. Huma għenu biex ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah jkollu bażi soda fuqiex ikompli jipprogressa. Fi tmiem is-​snin 40 u fil-​bidu tas-​snin 50, ifformaw l-​ewwel kongregazzjonijiet f’Turin. Issa hemm xi 13,000 Xhud taʼ Jehovah fil-​belt u fil-​provinċja tagħha. Imma xi ngħidu għal Milan?

Għal ftit iktar minn sena, f’Milan kien hemm l-​uffiċċju tal-​fergħa li jirrappreżenta lix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Italja. Fl-​1948 dan twaqqaf f’Ruma. L-​ewwel assemblea wara l-​gwerra saret f’teatru fil-​belt taʼ Milan fl-​1947. Kien hemm preżenti xi 700 ruħ minn kull naħa tal-​pajjiż. Fl-​1963 saret l-​Assemblea Internazzjonali “Everlasting Good News” (Aħbar Tajba taʼ Dejjem) fil-​Velodromu taʼ Vigorelli f’Milan, li forsi dak iż-​żmien kien l-​iktar post famuż fl-​Ewropa b’korsa għat-​tlielaq tar-​roti.

L-ippridkar tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna kellu tassew suċċess f’Milan. Bħalissa, hemm 57 kongregazzjoni fil-​belt, b’iktar minn 4,000 evanġelizzatur attiv, kif ukoll Sala taʼ l-​Assemblea fejn qabel kien hemm teatru fil-​belt.

Tabilħaqq, li żżur Milan u Turin jistaʼ jkun taʼ sodisfazzjon kbir. Meta xi darba tmur, żgur li se tiġi milqugħ tajjeb u tibqaʼ tgħożż din l-​esperjenza.

[Noti taʼ taħt]

a Ara “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” paġni 302-4, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Appendiċi 1Ċ, paġna 1564, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

c Ara l-​Awake! tat-​8 taʼ Lulju, 1994, paġna 24, “A Night at the Opera.”

[Kaxxa f’paġna 27]

Il-​Liżar taʼ Turin—Awtentiku?

Forsi l-​iktar oġġett famuż taʼ Turin hu l-​liżar li xi wħud jemmnu li fih kien imgeżwer il-​ġisem taʼ Kristu. Ktieb taʼ gwida għat-​turisti jispjega: “L-​iktar relikwa qaddisa famuża minnhom kollha—u l-​iktar waħda li hemm dubju fuqha—hija miżmuma fid-​duomo [katidral] taʼ Turin.” Dan dejjem jintwera f’waħda mill-​kappelli tad-​duomo, u jinsab magħluq sew f’kaxxa magħmula minn ħġieġ reżistenti għal tiri minn armi tan-​nar. Fiha ma tidħolx arja u hi mimlija b’gass li ma jagħmel l-​ebda reazzjoni maʼ sustanzi oħrajn. Il-​ktieb ikompli jgħid: “Madankollu, fl-​1988, il-​ħrafa tal-​liżar inġabet fix-​xejn: eżami li sar permezz tal-​karbonju biex jinstab kemm għandu żmien wera li dan imur lura mhux iktar mis-​seklu 12.”d

[Nota taʼ taħt]

d Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Diċembru, 1998, paġna 23, “The Shroud of Turin​—Burial Cloth of Jesus?”

[Mappa f’paġna 24]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

MILAN

TURIN

[Sors]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampa f’paġna 24]

Il-​katidral taʼ Milan

[Stampa f’paġna 24]

F’Milan jispikkaw iktar l-​aspetti moderni milli dawk antiki

[Stampi f’paġna 25]

F’Milan, La Scala (fuq) u l-​Galleria Vittorio Emanuele II (lemin)

[Stampa f’paġna 25]

L-​“Aħħar Ċena” minn Leonardo da Vinci

[Sors]

Scala/Art Resource, NY

[Stampa f’paġna 26]

Id-​daħla tal-​pont li jagħti għall-​belt medjevali taʼ Turin

[Stampa f’paġna 26]

Mole Antonelliana f’Turin; it-​turretta tiegħu hija għolja mal-​167 metru

[Stampa f’paġna 26]

Ix-​xmara Po li tgħaddi minn Turin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja