LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 8/8 pp. 8-11
  • It-Tmiem taċ-Ċiklu tal-Mibegħda

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tmiem taċ-Ċiklu tal-Mibegħda
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tifsira taʼ l-​“Imħabba”
  • Jitgħallmu Jħobbu
  • Jegħlbu Firdiet Etniċi
  • Ma Jżommux fil-​Komma għal Dak li Ġara
  • Dinja bla Mibegħda!
  • L-Uniku Mod Kif Neħilsu Għalkollox mill-Mibegħda
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Għaliex Hawn Daqshekk Mibegħda?—X’Tgħid il-Bibbja?
    Iktar Suġġetti
  • Tmiem Għall-Mibgħeda Madwar Id-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Ħafna Nies Għala Jobogħdu lil Oħrajn?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2022
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 8/8 pp. 8-11

It-​Tmiem taċ-​Ċiklu tal-​Mibegħda

“Ħobbu lill-​għedewwa tagħkom.”—MATTEW 5:44.

IL-​MEXXEJJA taʼ żewġt iġnus kontra xulxin damu ġranet sħaħ jipprovaw jilħqu ftehim għall-​paċi. Il-​president taʼ pajjiż industrijalizzat setgħan ħafna kien preżenti għal dawn id-​diskussjonijiet bl-​għan li jgħaqqad liż-​żewġ mexxejja billi uża l-​influwenza kbira mhux ħażin li kellu kif ukoll l-​abbiltajiet diplomatiċi tiegħu. Imma fl-​aħħar mill-​aħħar, dawn l-​isforzi kbar irriżultaw f’inkwiet akbar. Fi ftit ġimgħat iż-​żewġt iġnus kienu qed jieħdu sehem fl-​“agħar vjolenza bejniethom f’dawn l-​aħħar għoxrin sena,” skond kif sejħitilha r-​rivista Newsweek.

Madwar id-​dinja, il-​mibegħda u l-​istmerrija bejn diversi gruppi etniċi u nazzjonali ma jridux jispiċċaw, minkejja kull sforz li jagħmlu l-​mexxejja tal-​ġnus. Iċ-​ċiklu tal-​mibegħda qed jirrepeti ruħu iktar malajr u b’qawwa akbar, u l-​injoranza, il-​moħħ magħluq, u l-​propaganda jkomplu jinkuraġġuh. Imma filwaqt li l-​mexxejja taʼ llum ifittxu mingħajr suċċess soluzzjonijiet u ideat ġodda, jonqsu li jaraw li l-​aħjar soluzzjoni hija waħda antika—antika daqs il-​Priedka tal-​Muntanja. Matul dik il-​priedka Ġesù Kristu inkuraġġixxa lis-​semmiegħa tiegħu biex jagħmlu l-​affarijiet bil-​mod kif irid Alla. F’dak il-​kuntest hu għamel din l-​istqarrija li kkwotajna fil-​bidu, jiġifieri, “Ħobbu lill-​għedewwa tagħkom.” Din il-​ħaġa li ġejna inkuraġġiti nagħmlu mhux talli hija l-​aqwa soluzzjoni għall-​problemi tal-​mibegħda u l-​preġudizzju talli hija l-​unika soluzzjoni effettiva!

Ix-xettiċi lanqas biss jikkunsidrawha din l-​idea li wieħed iħobb lill-​għedewwa tiegħu, għax għalihom din hija idea impossibbli li hi bbażata fuq teorija idealistika u mhix prattika. Madankollu, jekk wieħed jistaʼ jitgħallem jobgħod, allura ma jagħmilx sens ukoll li nassumu illi wieħed jistaʼ jitgħallem ma jobgħodx? Għalhekk, kliem Ġesù jagħti tama vera għall-​bnedmin. Kliemu juri li sentimenti taʼ stmerrija li jkunu saħansitra ilhom jinħassu għal żmien twil jistgħu jintemmu.

Ikkunsidra s-​sitwazzjoni fi żmien Ġesù fost il-​Lhud li kienu qed jisimgħuh. Ma kellhomx għalfejn imorru ’l bogħod wisq biex jiltaqgħu maʼ l-​għedewwa. It-​truppi Rumani kienu għadhom qed jaħkmu r-​reġjun tagħhom, u dawn imponew taxxi kbar fuq il-​Lhud, ittrattawhom ħażin, ħadu vantaġġ minnhom, u mmanipulawhom politikament. (Mattew 5:39-42) Madankollu, xi wħud setgħu saħansitra jqisu lil uħud minn sħabhom Lhud bħala għedewwa minħabba li ma kinux solvew affarijiet żgħar li ma qablux fuqhom imma ħallewhom jikbru. (Mattew 5:21-24) Allura Ġesù kien qed jistenna lis-​semmiegħa tiegħu biex iħobbu lil min ikun weġġagħhom u għamlilhom id-​deni?

It-​Tifsira taʼ l-​“Imħabba”

L-​ewwelnett, kun af li bi “mħabba” Ġesù ma riedx ifisser it-​tip taʼ affezzjoni li tistaʼ teżisti bejn il-​ħbieb tal-​qalb. It-​terminu Grieg għall-​imħabba li ntuża f’Mattew 5:44 ġej mill-​kelma a·gaʹpe. Din il-​kelma tfisser imħabba li hija gwidata jew immexxija mill-​prinċipji. Mhux bilfors tkun tinkludi affezzjoni profonda. Peress li huma l-​prinċipji tajbin li jiggwidawha, din l-​imħabba tqanqal lil dak li jkun biex ifittex l-​aħjar interessi t’oħrajn, tkun xi tkun l-​imġiba tagħhom. B’hekk, l-​imħabba a·gaʹpe tistaʼ tegħleb il-​mibegħda persunali. Ġesù nnifsu wera mħabba bħal din meta, minflok seħet lis-​suldati Rumani li dendluh maʼ zokk, hu talab: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”—Luqa 23:34.

Huwa realistiku li nistennew li d-​dinja kollha se taċċetta t-​tagħlim taʼ Ġesù u li n-​nies se jibdew iħobbu lil xulxin? Le, għax il-​Bibbja tindika li din id-​dinja se tkompli nieżla ’l isfel sakemm fl-​aħħar issir diżastru. “In-​nies il-​ħżiena u l-​uċuħ b’oħra jmorru mill-​ħażin għall-​agħar,” ibassar it-​2 Timotju 3:13. Minkejja dan, individwi jistgħu jtemmu ċ-​ċiklu tal-​mibegħda billi jieħdu edukazzjoni bir-​reqqa dwar prinċipji tajbin permezz taʼ studju tal-​Bibbja. Il-​fatti juru ċar li b’dan il-​mod ħafna tgħallmu jikkumbattu l-​mibegħda kbira taʼ madwarhom. Ikkunsidra ftit każi li ġraw veru.

Jitgħallmu Jħobbu

Taʼ 13-il sena, José beda jinvolvi ruħu fi ġlied tal-​gwerilli bħala membru taʼ grupp terroristiku.a Għallmuh jobgħod lin-​nies li qalulu li kienu responsabbli għall-​inġustizzji li kien qed jara madwaru. Jekk jistaʼ jkun, il-​mira tiegħu kienet li joqtolhom. Billi ra lil ħafna minn sħabu jmutu, José mtela bl-​imrar u b’sentimenti taʼ vendetta. Waqt li kien ikun qed jagħmel il-​bombi, kien jistaqsi lilu nnifsu, ‘Għala hawn daqshekk sofferenza? Jekk hemm Alla, kif lanqas biss jinnotaha?’ Beka kemm-il darba, għax kien iħossu mħawwad u dipress.

Maż-​żmien, José ġie f’kuntatt maʼ kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta mar għall-​ewwel laqgħa tal-​kongregazzjoni, hu mill-​ewwel innota l-​atmosfera mimlija mħabba li kien hemm. Kulħadd laqgħu b’mod dħuli u minn qalbu. Iktar tard, id-​diskussjoni fuq is-​suġġett “Alla Għala Jippermetti l-​Ħażen?” ipprovdietlu eżatt it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet li kien ilu jistaqsi.b

Maż-​żmien, José żied l-​għarfien tiegħu mill-​Bibbja u dan wasslu biex jagħmel bidliet f’ħajtu u f’kif jaħseb. Tgħallem li “min ma jħobbx jinsab fil-​mewt. Kull min jobgħod . . . hu qattiel, u . . . ebda qattiel ma għandu fih il-​ħajja taʼ dejjem.”—1 Ġwann 3:14, 15.

Iżda kien diffiċli għalih li jinqataʼ għalkollox minn sħabu t-​terroristi. Kull darba li kien imur fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, xi ħadd kien imur warajh. Xi wħud minn sħabu taʼ qabel saħansitra attendew ftit laqgħat sabiex jifhmu għala José kien inbidel daqshekk. Meta ħadu s-​sodisfazzjon li hu la kien traditur u lanqas taʼ periklu għalihom, ħallewh bi kwietu. Taʼ 17-il sena, José tgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Ma damx ma beda jippriedka full-time. Minflok ma joqgħod jara kif se joqtol lin-​nies, issa jmur jiħdilhom messaġġ taʼ mħabba u tama!

Jegħlbu Firdiet Etniċi

Jistgħu l-​membri taʼ gruppi etniċi jegħlbu l-​mibegħda li tifridhom? Ikkunsidra l-​eżempju taʼ grupp taʼ Xhieda taʼ Jehovah tal-​lingwa Amħarik f’Londra, l-​Ingilterra. F’dan il-​grupp hemm xi 35 individwu—20 minnhom huma Etjopjani u 15 huma Eritreani. Huma jqimu flimkien fil-​paċi u fl-​għaqda, minkejja l-​fatt li fl-​Afrika, l-​Eritreani u l-​Etjopjani dan l-​aħħar kienu tqatlu bejniethom.

Il-familja taʼ wieħed Xhud Etjopjan kienet qaltlu: ‘Qatt tafdahom lill-​Eritreani!’ Imma issa, hu mhux talli ma jafdax lil sħabu l-​Kristjani mill-​Eritrea talli jsejħilhom aħwa! Għalkemm dawn l-​Eritreani normalment jitkellmu l-​ilsien Tigrinjan, huma għażlu li jitgħallmu l-​Amħarik—il-​lingwa taʼ ħuthom l-​Etjopjani—sabiex ikunu jistgħu jistudjaw il-​Bibbja flimkien magħhom. Kemm juri tajjeb dan li l-​imħabba divina hija qawwija għax hija “rabta perfetta li tgħaqqad”!—Kolossin 3:14, NW.

Ma Jżommux fil-​Komma għal Dak li Ġara

Imma xi ngħidu jekk xi ħadd kien vittma taʼ trattament krudili? M’huwiex normali li jħoss stmerrija lejn dawk li ttorturawh? Ħu per eżempju lil Manfred, Xhud mill-​Ġermanja. Hu qattaʼ sitt snin minn ħajtu f’ħabs Komunista, dan kollu għax kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Qatt ħass mibegħda għal dawk li ħaqruh jew qatt xtaq jivvindika ruħu minnhom? “Le,” wieġeb hu. Skond il-​gazzetta Ġermaniża Saarbrücker Zeitung, spjega Manfred: “Li wieħed iwettaq inġustizzja jew ipatti għall-​inġustizzja . . . jqabbad ċiklu li darba wara l-​oħra jwassal għal iktar inġustizzja.” Manfred biċ-​ċar applika l-​kliem Bibliku: “Troddu lil ħadd deni b’deni. . . . Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-​paċi maʼ kulħadd.”—Rumani 12:17, 18.

Dinja bla Mibegħda!

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jgħidux li huma perfetti f’din il-​ħaġa. Taʼ spiss isibu li mhux faċli li ma jżommux fil-​komma affarijiet li fil-​passat ġagħluhom iħossu stmerrija u mibegħda. Hemm bżonn taʼ sforz kbir u kontinwu biex wieħed japplika l-​prinċipji Bibliċi f’ħajtu. Imma fil-​maġġuranza, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma eżempju ħaj tal-​qawwa li għandha l-​Bibbja biex ittemm iċ-​ċiklu tal-​mibegħda. Permezz taʼ programm taʼ studji tal-​Bibbja fid-​djar, ix-​Xhieda qed jgħinu lil eluf taʼ nies kull sena jinħelsu mill-​irbit tar-​razziżmu u l-​moħħ magħluq.c (Ara l-​kaxxa “Il-​Pariri tal-​Bibbja Jgħinuna Neħilsu mill-​Mibegħda.”) Dan is-​suċċess jagħtina idea fuq fuq taʼ x’se jkunu r-​riżultati tal-​programm edukattiv mad-​dinja kollha li dalwaqt se jgħin biex itemm għalkollox il-​mibegħda u l-​affarijiet li jikkaġunawha. Dan il-​programm edukattiv li se jsir fil-​futur se jseħħ taħt is-​superviżjoni tas-​Saltna t’Alla, jew gvern wieħed mad-​dinja kollha. Ġesù għallimna nitolbu għal din is-​Saltna fit-​Talba tal-​Missierna, meta qal: “Tiġi saltnatek.”—Mattew 6:9, 10.

Il-​Bibbja twiegħed li taħt is-​superviżjoni taʼ dan il-​gvern tas-​sema, ‘mimlija se tkun l-​art bl-​għarfien tal-​Mulej.’ (Isaija 11:9; 54:13) Il-​kliem tal-​profeta Isaija, li taʼ spiss jiġi kwotat, dakinhar se jitwettaq mad-​dinja kollha: “Il-​Mulej jagħmel il-​ħaqq bejn il-​ġnus, u jaqtaʼ s-​sentenza bejn ħafna popli; u huma jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-​xabla kontra ġens ieħor, u s-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.” (Isaija 2:4) B’hekk, Alla nnifsu se jġib fi tmiem, darba għal dejjem, iċ-​ċiklu kiefer tal-​mibegħda.

[Noti taʼ taħt]

a Mhux ismu veru.

b Ara kapitlu 8, “Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?” fil-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

c Jistaʼ jsir arranġament għal studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas billi tikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​lokal tiegħek jew billi tikteb lil min jippubblika din ir-​rivista.

[Kaxxa f’paġna 11]

Il-​Pariri tal-​Bibbja Jgħinuna Neħilsu mill-​Mibegħda

● “Mnejn hu ġej il-​ġlied u t-​tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-​passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom?” (Ġakbu 4:1) Taʼ spiss nistgħu neħilsu minn tilwim m’oħrajn jekk nitgħallmu rrażżnu x-​xewqat egoisti tagħna.

● “Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.” (Filippin 2:4) Li nfittxu li jaqbel lil ħaddieħor iktar milli jaqbel lilna huwa mod ieħor kif neħilsu minn tilwim bla bżonn.

● “Ħallik mill-​korla u la tirrabjax; tinkedd xejn, għax deni jiswielek.” (Salm 37:8) Żgur li nistgħu nikkontrollaw lilna nfusna meta jkollna aptit naġixxu b’mod li jagħmel il-​ħsara, u hekk għandna nagħmlu.

● “Alla . . . minn bniedem wieħed għamel il-​ġens kollu tal-​bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-​art kollha.” (Atti 17:24, 26) Ma jagħmilx sens li nħossuna superjuri għal nies taʼ razza oħra, ladarba aħna lkoll membri taʼ l-​istess familja taʼ bnedmin.

● “Tagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-​ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-​ieħor aħjar minnu.” (Filippin 2:3) Hija bluha li nqisu lil ħaddieħor bħala inqas minna—għax ħaddieħor taʼ spiss ikollu kwalitajiet u abbiltajiet li aħna ma jkollniex. L-​ebda razza jew kultura m’għandha kollox tajjeb.

● “Mela, dment li għandna ż-​żmien ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd.” (Galatin 6:10) Li sempliċement nieħdu l-​inizjattiva biex inkunu dħulin u ngħinu lil oħrajn, tkun xi tkun ir-​razza jew il-​kultura tagħhom, se jgħin ħafna biex intaffu l-​problema tal-​komunikazzjoni u neħilsu min-​nuqqas taʼ qbil.

[Stampi f’paġna 8, 9]

Xhieda Etjopjani u Eritreani jqimu flimkien fil-​paċi

[Stampa f’paġna 10]

Manfred, li baqaʼ ħaj wara li kien f’ħabs Komunista, ma riedx iħalli l-​mibegħda tirbħu

[Stampa f’paġna 10]

Il-​Bibbja tistaʼ tgħin biex jingħelbu l-​affarijiet li jifirdu lin-​nies

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja