Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandhom il-Kristjani jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-ewwel tas-sena?
“LEJLIET l-Ewwel tas-Sena wara nofsinhar ikun hemm kwiet iktar mis-soltu,” jgħid Fernando, tabib fil-Brażil. “Imbagħad, għall-ħabta tal-ħdax taʼ bil-lejl jibdew ġejjin—ruxxmata pazjenti, min b’daqqiet taʼ sikkina, min bi ġrieħi taʼ xi tir, żgħażagħ feruti f’inċidenti tat-traffiku, u nisa msawtin. Il-kaġun huwa kważi dejjem l-alkoħol.”
Meta nikkunsidraw dan, m’aħniex se niħduha b’sorpriża li ġurnal Brażiljan wieħed irrefera għall-ewwel ġurnata tas-sena bħala ġurnata li fiha kulħadd iħossu mdardar u rasu tuġgħu. Aġenzija taʼ l-aħbarijiet Ewropea tgħid li “l-Ewwel tas-Sena hi għall-edonisti,” u tkompli tgħid li “hija round ieħor fil-ġlieda eterna tal-bniedem maʼ l-alkoħol.”
Veru, mhux kulħadd jiċċelebra l-Ewwel tas-Sena billi jixrob iżżejjed u jikkommetti atti taʼ vjolenza. Fil-fatt, ħafna għandhom memorji sbieħ taʼ din l-okkażjoni. “Meta konna tfal, konna nistennewha bil-ħerqa l-Ewwel tas-Sena,” jgħid Fernando, li ġie kwotat qabel. “Dejjem kien ikun hemm ħafna logħob, ikel, u xorb. F’nofs il-lejl konna ngħannqu, inbusu, u nawguraw lil xulxin ‘is-Sena t-Tajba!’”
B’mod simili, ħafna llum iħossu li huma jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-Ewwel tas-Sena mingħajr ma jaqbżu l-limiti. Xorta waħda, il-Kristjani jagħmlu tajjeb li jeżaminaw l-oriġini u t-tifsir taʼ din iċ-ċelebrazzjoni hekk popolari. Huma ċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-Ewwel tas-Sena fi qbil mat-tagħlim Bibliku?
Fatti mill-Passat
Iċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-Ewwel tas-Sena m’humiex xi ħaġa ġdida. Iskrizzjonijiet antiki jindikaw li dawn kienu jsiru f’Babilonja sa mit-tielet millennju Q.E.K. Iċ-ċelebrazzjoni, li kienet tinżamm għal nofs Marzu, kienet importanti ħafna. Skond The World Book Encyclopedia, dak iż-żmien l-alla Marduk kien jiddeċiedi d-destin tal-pajjiż għal dik is-sena. Iċ-ċelebrazzjoni taʼ l-ewwel tas-sena f’Babilonja kienet iddum ħdax-il ġurnata u kienet tinkludi sagrifiċċji, purċissjonijiet, u riti tal-fertilità.
Għal xi żmien, ir-Rumani wkoll kienu jibdew is-sena tagħhom fix-xahar taʼ Marzu. Imma fis-sena 46 Q.E.K., l-Imperatur Ġulju Ċesari ħareġ digriet li s-sena għandha tibda fl-ewwel taʼ Jannar. Din il-ġurnata kienet diġà dedikata lil Ġanu (jew Janus), l-alla taʼ kull bidu, u issa kienet se timmarka wkoll l-ewwel ġurnata tas-sena Rumana. Id-data nbidlet imma l-atmosfera taʼ xalar baqgħet xorta waħda. Is-Cyclopedia taʼ McClintock u Strong issostni li fl-ewwel taʼ Jannar, in-nies kienu jingħataw għax-xalar eċċessiv u kull xorta taʼ superstizzjonijiet pagani.
Anki llum għadna nsibu riti superstizzjużi fiċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-Ewwel tas-Sena. Per eżempju, f’xi nħawi fl-Amerika t’Isfel, ħafna joqogħdu bil-wieqfa fuq sieq waħda, il-leminija, meta tkun se taqleb is-sena l-ġdida. Oħrajn idoqqu l-ħornijiet u jfaqqgħu t-trikkitrakki. Skond drawwa Ċeka, lejliet l-Ewwel tas-Sena huwa ż-żmien li jieklu s-soppa taʼ l-għads, filwaqt li skond tradizzjoni Slovakka n-nies iridu jpoġġu l-flus jew il-qxur tal-ħut taħt it-tvalja. Dawn ir-ritwali, intenzjonati biex ibiegħdu l-isfortuna u jassiguraw il-prosperità, sempliċement iżommu ħaj it-twemmin antik li l-bidu tas-sena hu żmien li fih jiġi deċiż id-destin.
Il-Ħarsa tal-Bibbja
Il-Bibbja twissi lill-Kristjani biex ‘jgħixu kif jixraq, mhux bl-ikel żejjed u s-sokor.’a (Rumani 13:12-14; Galatin 5:19-21; 1 Pietru 4:3) Ladarba fiċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-Ewwel tas-Sena taʼ spiss ikun hemm dawk l-istess abbużi li l-Bibbja tikkundanna, il-Kristjani ma jiħdux sehem fihom. Dan ma jfissirx li l-Kristjani huma mċaħħdin milli jieħdu pjaċir. Għall-kuntrarju, huma jafu li l-Bibbja kemm-il darba tgħid lill-adoraturi taʼ dak Alla veru biex jifirħu—u dan tgħidu għal diversi raġunijiet. (Dewteronomju 26:10, 11; Salm 32:11; Proverbji 5:15-19; Koħèlet 3:22; 11:9) Il-Bibbja tirrikonoxxi wkoll li l-ikel u x-xorb huma assoċjati mal-ferħ.—Salm 104:15; Koħèlet 9:7a.
Però, bħalma rajna, iċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-Ewwel tas-Sena joriġinaw minn drawwiet pagani. Il-qima falza hija maħmuġa u mistmerra f’għajnejn Alla Jehovah, u l-Kristjani jwarrbu prattiċi li għandhom din l-oriġini. (Dewteronomju 18:9-12; Eżekjel 22:3, 4) L-appostlu Pawlu kiteb: “X’għandhom x’jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X’xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam? Xi ftehim hemm bejn Kristu u Beljar?” Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Pawlu żied: “La tmissux l-imniġġes.”—2 Korintin 6:14-17.
Il-Kristjani jirrealizzaw ukoll li l-fatt li jieħdu sehem f’riti superstizzjużi ma jiggarantilhomx l-hena u l-prosperità. Dan hu speċjalment minħabba li l-parteċipazzjoni f’ċelebrazzjonijiet bħal dawn tistaʼ tirriżulta fid-diżapprovazzjoni t’Alla. (Koħèlet 9:11; Isaija 65:11, 12, Karm Żammit) Barra minn hekk, il-Bibbja twissi lill-Kristjani biex ikunu moderati u juru l-kontroll fil-kondotta tagħhom. (1 Timotju 3:2, 11) Jidher ċar li ma jkunx xieraq għal wieħed li jgħid li jimxi fuq it-tagħlim taʼ Kristu u mbagħad jieħu sehem f’ċelebrazzjoni li hija mimlija bi drawwiet eċċessivi.
Għalkemm iċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-Ewwel tas-Sena jistgħu jidhru sbieħ u jħajruna, il-Bibbja tgħidilna biex ‘ma mmissux l-imniġġes’ u biex “nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u [“taʼ l-ispirtu,” KŻ].” Lil dawk li jobdu, Jehovah jagħtihom din il-garanzija li tqanqal il-qalb: “Jien nilqagħkom; u nkun għalikom missier u intom tkunu għalija wlied, subien u bniet.” (2 Korintin 6:17b–7:1, korsiv tagħna.) Iva, hu jwiegħed barkiet eterni u prosperità lil dawk kollha li jibqgħu leali lejh.—Salm 37:18, 28; Apokalissi 21:3, 4, 7.
[Nota taʼ taħt]
a Ir-referenza li Pawlu għamel għall-‘ikel żejjed u s-sokor’ setgħet kienet tinkludi dak li seħħ fiċ-ċelebrazzjonijiet taʼ l-Ewwel tas-Sena, peress li dawn kienu popolari f’Ruma fl-ewwel seklu.