Il-Greċja Tappoġġa d-Drittijiet Reliġjużi
GĦALL-EWWEL DARBA s-sena l-oħra, il-gvern Grieg ta lix-Xhieda taʼ Jehovah permess biex jużaw waħda mill-aqwa faċilitajiet taʼ l-isports li għandu għal konvenzjoni kbira. Din hija l-Olympic Sportshall, kumpless għal-logħob taʼ ġewwa li jesaʼ madwar 20,000 ruħ. Din l-arena bl-arja kundizzjonata hija parti mill-kumpless li se jintuża għal-Logħob Olimpiku taʼ l-2004 f’Ateni.
Taʼ min jinnota li fl-1963 u fl-1988, ix-Xhieda kienu għamlu arranġamenti biex jużaw faċilitajiet li jintużaw għall-isport f’Ateni għall-konvenzjonijiet tagħhom. Madankollu, fiż-żewġ okkażjonijiet, l-awtoritajiet ċedew għat-theddid tal-Knisja Ortodossa Griega u ma ħallewx lix-Xhieda jużaw dawn il-faċilitajiet.
Riżultat Differenti
Fi Frar taʼ l-2001, ix-Xhieda applikaw biex jużaw l-Olympic Sportshall—wieħed mill-ftit kumplessi għal-logħob taʼ ġewwa li hu kbir biżżejjed biex jesaʼ lil kulħadd. Però tħassbu dwar jekk l-istorja tal-passat kinitx se tirrepeti ruħha. Bħalma kienu qegħdin jaħsbu li se jiġri, l-ewwel deċiżjoni kienet negattiva.
Għalhekk, immedjatament, ġew kuntattjati uffiċjali mlaħħqin li għandhom reputazzjoni li jimxu kif suppost u li m’humiex preġudikati. Tgħid dawn kienu se jagħtu kas id-drittijiet kostituzzjonali għall-qima u l-assembleat paċifiċi? Din id-darba, kienu se jirreżistuha l-pressjoni reliġjuża? Iva rreżistewha, u deċiżjoni ġdida ttieħdet minflok il-waħda negattiva taʼ qabel. Dan fetaħ it-triq għax-Xhieda biex ikunu jistgħu jippjanaw il-konvenzjoni fl-Isportshall mis-27 sad-29 taʼ Lulju, 2001.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet taw permess lix-Xhieda biex jużaw faċilità oħra għall-isports taʼ ġewwa kontrollata mill-gvern, il-Palais de Sport f’Tessalonika.
Il-Pressjoni Ħarxa Tisfaxxa fix-Xejn
Hekk kif l-ewwel jum tal-konvenzjoni f’Ateni beda joqrob, kien għad hemm xi mistoqsijiet inkwetanti bħal: L-awtoritajiet se jżommuha d-deċiżjoni li ħadu minkejja l-pressjoni mill-kleru Ortodoss? U se jkunu jistgħu x-Xhieda jieħdu pjaċir bil-laqgħa tagħhom mingħajr indħil minn nies li jinjoraw il-liġi?
Il-Knisja Ortodossa ma nsietx it-tattiċi antiki tagħha biex tara kif se jirnexxilha tfixkel il-konvenzjoni. Stazzjonijiet televiżivi kixfu li l-kleru ried li l-konvenzjoni ma tissemma bl-ebda mod. Però, fl-aħħar mill-aħħar l-isforzi tal-knisja sfaxxaw fix-xejn.
Ironikament, il-Knisja Ortodossa akkużat lix-Xhieda li r-reliġjon tagħhom iżżomm kollox mistur. Imma fil-fatt kienet il-knisja li pprovat taħbi mill-pubbliku dak li kien qed jiġri fl-Isportshall. B’ferħ, uħud kuraġġużi li jirrapportaw minn fuq il-mezzi tax-xandir ma ċedewx għall-pressjoni tal-kleru. Huma taw rapporti onesti u dettaljati dwar il-konvenzjoni.
Iktar minn hekk, eluf taʼ delegati taw sehemhom biex jinformaw lill-pubbliku dwar il-konvenzjoni u biex jitkellmu magħhom dwar it-twemmin tagħhom. Minn kulfejn għaddew, id-delegati kienu jiġu identifikati mill-badges sofor tal-konvenzjoni. Ħafna nies li ma kinux Xhieda taʼ Jehovah wieġbu għall-istedina biex jattendu għall-konvenzjoni, u b’hekk fl-aħħar jum, l-attendenza fl-Isportshall telgħet għal 15,760 ruħ. Meta tgħodd l-attendenza tal-konvenzjonijiet għall-aħħar żewġ Sibtijiet u Ħdud taʼ Lulju fil-Palais de Sport f’Tessalonika, din telgħet għal 13,173 ruħ.
Osservaturi Impressjonaw Ruħhom
Meta grupp taʼ 2,604 volontieri—kollha Xhieda taʼ Jehovah—invadew l-Isportshall, inaddfu, jiżbgħu, u jippreparaw għall-konvenzjoni, il-maniġers tal-post qalu: “Ġejna naraw b’għajnejna stess xi ħaġa li qatt ma rajnieha tiġri qabel.” Persuna oħra qalet: “Imisskom tużaw din il-faċilità kull sena biex idduruha waħda sew kull darba.”
Andreas Vardakis, id-direttur taʼ l-affarijiet pubbliċi fl-Isportshall, impressjona ruħu. “Intom sebbaħtu din il-faċilità,” hu qal. “Aħna għandna nies biżżejjed biex jieħdu ħsieb dan il-post. Imma kienet il-parteċipazzjoni tagħkom li għamlet din il-konvenzjoni waħda taʼ suċċess.”
Waqt il-konvenzjoni, uffiċjal tal-pulizija, wara li rrealizza li ma kienx hemm għalfejn jintbagħtu nies biex jikkontrollaw din il-folla paċifika qal: “Qatt ma rajt daqshekk ordni u mġiba tajba!”
Punti Prinċipali tal-Konvenzjoni
Fit-taħdita taʼ l-għeluq tal-konvenzjoni, sar avviż li l-Ministeru Grieg għall-Edukazzjoni u Reliġjonijiet Nazzjonali qies lix-Xhieda taʼ Jehovah bħala “reliġjon rikonoxxuta.” Iktar minn hekk, il-Ministeru rrikonoxxa uffiċjalment il-kwartieri nazzjonali li għandhom ix-Xhieda taʼ Jehovah f’Ateni. Parti mid-dokument tal-gvern kien jgħid:
“L-amministrazzjoni tqis lix-Xhieda Kristjani taʼ Jehovah bħala reliġjon rikonoxxuta . . . bil-benefiċċji legali kollha li din iġġib magħha. L-artiklu tal-Kostituzzjoni li ssemma qabel jipproteġi l-libertà tal-qima, il-mod u l-mezzi taʼ kif tiġi prattikata, u l-għażla għall-mod taʼ kif tiġi amministrata u organizzata kull laqgħa reliġjuża jew tal-knisja. B’mod ċar, din il-protezzjoni testendi għall-bini u l-faċilitajiet f’Marousi [l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah bħala] post sagru u konsagrat, dedikat għall-qima t’Alla. Faċilitajiet bħal dawn huma msejħin Betel, jiġifieri, ‘Dar t’Alla.’”
Ix-Xhieda taʼ Jehovah, u kull min hu favur il-libertà reliġjuża, huma grati għal dawn l-iżviluppi. Huma jisperaw li b’riżultat taʼ dan, in-nies ikunu jistgħu jgħixu ħajja Kristjana li tkun “kalma u kwieta bid-devozzjoni sħiħa lejn Alla u bis-serjetà.”—1 Timotju 2:1, 2, NW.
[Stampi f’paġna 16]
Ix-Xhieda jinġabru fl-Olympic Sportshall
[Sors]
Harry Bilios