Kif Skansajna Nixxiegħa Lava tal-Biżaʼ!
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-KONGO (KINSHASA)
HUWA t-Tlieta, 15 taʼ Jannar, 2002—ġurnata li tidher bħall-oħrajn fl-Afrika Ċentrali. Flimkien maʼ Xhud ieħor taʼ Jehovah nasal Goma, f’Kivu, ġewwa l-Kongo (Kinshasa), biex niltaqaʼ max-Xhieda tar-reġjun taʼ Great Lakes.
M’Hemmx Għalfejn Ninkwetaw?
Għalkemm il-vulkan Nyiragongo (għoli 3,470 metru) qiegħed xi 19-il kilometru ’l bogħod mill-belt taʼ Goma, l-attività tiegħu tqajmilna l-interess.a Nistgħu nisimgħuh ikarwat, u nistgħu anki naraw id-duħħan tielaʼ mill-vulkan. Għan-nies tal-post, din mhix xi ħaġa ġdida f’dan iż-żmien tas-sena, u m’humiex iħabblu rashom.
Wara nofsinhar, immorru għal-laqgħat f’żewġ kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah. Inkomplu nħossu l-art titriegħed u nisimgħu ttkarwit, imma dan donnu li ma qed itellef lil ħadd. L-awtoritajiet lokali jibqgħu jassiguraw lin-nies li m’hemmx għalfejn jippanikkjaw. Minkejja li ċertu vulkanologu Kongoliż ilu xhur ibassar li l-vulkan kien se jiżbroffa, ħadd ma jemmnu. Wieħed ħabib tagħna jgħidilna mingħajr l-iċken ħsieb, “Illejla s-sema se jkun aħmar minħabba l-vulkan attiv.”
“Irridu Naħarbu Minnufih!”
Hekk kif naslu fejn qegħdin noqogħdu, jintqalilna ċar u tond: “Irridu naħarbu minnufih!” Is-sitwazzjoni hija perikoluża għall-aħħar. Il-belt qiegħda f’riskju kbir. Kemm jinbidlu malajr l-affarijiet! Ftit qabel konna qegħdin niddiskutu l-prospett li nużaw Goma bħala post ċentrali għall-attivitajiet taʼ l-ippridkar. Issa, tard fil-għaxija, qed jgħidulna biex naħarbu mill-belt għax qiegħda fil-periklu li tinqered għalkollox.
Hekk kif joqrob il-lejl, is-sema jsir aħmar nar—u mhux taʼ b’xejn! In-nixxiegħa tal-lava min-Nyiragongo riesqa lejn il-belt. Il-muntanja qisha borma enormi li qed tagħli u tfur, u minnha ħierġa lava maħlula li teqred kulma ssib quddiemha. Qatt ma ppakkjajna l-bagalji daqshekk malajr f’ħajjitna! Saru kważi s–7:00 taʼ fil-għaxija.
Eluf taʼ Nies Jaħarbu fit-Triq
Hekk kif nitilqu niġru ’l barra, it-triq li minnha toħroġ minn Goma hija ffollata bin-nies li qegħdin jaħarbu biex isalvaw ħajjithom. Il-biċċa l-kbira minnhom mexjin u qegħdin iġorru l-ftit affarijiet li rnexxielhom jaħtfu malajr malajr. Ħafna qed jibbilanċjaw it-tagħbija tagħhom fuq rashom. Xi wħud huma mrassin ġo karozzi mimlijin daqs bajda. Ilkoll qegħdin fi triqithom lejn il-fruntiera taʼ l-Irwanda li qiegħda fil-viċin. Madankollu, vulkan ma jagħti kas taʼ l-ebda fruntiera magħmula mill-bniedem. L-ebda eżerċtu ma jistaʼ jżommu! Naraw suldati li jċedu għal-lava u huma wkoll jitilqu jiġru biex isalvaw ħajjithom. Huwa kważi impossibbli li l-karozzi jiċċaqalqu fit-triq. Irridu nibqgħu mexjin. Ninsabu f’nofs din il-massa taʼ 300,000 ruħ kollha jrossu fuq xulxin—irġiel, nisa, tfal, u trabi—ilkoll qed jaħarbu mill-korla tal-vulkan. L-art taħt saqajna tkompli tkarwat u titriegħed.
Kulħadd qed jaħrab biex isalva ħajtu. Jien u sieħbi, stranġieri minn belt kbira, ninsabu f’nofshom, akkumpanjati minn ftit Xhieda li qed jieħdu ħsiebna. Il-preżenza u l-interess profond tagħhom jolqtuna ħafna u jagħtuna sens taʼ sigurtà f’din is-sitwazzjoni verament stressanti u diffiċli. In-nies qed jaħarbu b’dak kollu li jistgħu jġorru—ilbies, borom u taġnijiet, ftit affarijiet taʼ l-ikel. F’dan il-baħar taʼ nies, kulħadd qed jgħaffeġ u jimbotta. Xi wħud minnhom jintlaqtu mill-karozzi li qed jipprovaw jgħaddu, u fosthom ikun hemm min iwaqqaʼ l-affarijiet li qed iġorr u kulħadd jibqaʼ għaddej minn fuqhom. Povru min jaqaʼ. It-tensjoni hija qawwija ferm. Kulħadd imwerwer bil-biżaʼ. Aħna qed nipprovaw immorru Gisenyi, ftit kilometri ’l bogħod fl-Irwanda. Aħna mġagħlin inkomplu nimxu bla waqfien.
Lejl fis-Sigurtà
Naslu ħdejn lukanda, imma, m’għandniex xi ngħidu, m’hemmx wisaʼ għal iktar nies. Ikollna nikkuntentaw b’li noqogħdu bil-qiegħda madwar mejda fil-ġnien. Dan wara mixja taʼ tliet sigħat u nofs li filġitna. Aħna ferħanin li għadna ħajjin u li ħlisna mill-periklu u qegħdin flimkien maʼ ħutna l-Kristjani li vvjaġġaw magħna. B’ferħ, ħadd mix-Xhieda ma tilef ħajtu.
Jidher ċar li se jkollna nqattgħu l-lejl barra. Minn din id-distanza ’l bogħod mill-periklu, nistgħu noqogħdu nħarsu lejn is-sema aħmar nar fuq il-belt taʼ Goma. Kienet xena tassew sabiħa u impressjonanti! Bil-mod il-mod jibda jżernaq. It-tkarwit u t-tregħid komplew matul il-lejl. Meta nħarsu lura lejn id-diffikultajiet li ħabbattna wiċċna magħhom il-ġurnata taʼ qabel, ma nistgħux ma nħossux mogħdrija għall-eluf taʼ familji li kellhom jaħarbu biż-żgħar tagħhom.
L-Għajnuna Tiġi Malajr
Xi Xhieda minn Kigali, il-kapitali taʼ l-Irwanda, jingħaqdu magħna f’nofsinhar tal-Ġimgħa, 18 taʼ Jannar. Kumitat għall-għajnuna, ifformat mill-aħwa minn Goma u Gisenyi, jibda l-ħidma tiegħu. L-ewwel mira hi li r-refuġjati Xhieda jingħataw kenn fis-sitt Swali tas-Saltna li hemm fl-inħawi. Dan isir f’din il-ġurnata stess. Mal-ġenb tat-triq titpoġġa tabella bil-Franċiż u bis-Swaħili sabiex turi t-triq għal Sala tas-Saltna lokali fejn ir-refuġjati jistgħu jingħataw l-għajnuna u jsibu l-faraġ. Dak in-nhar stess jaslu wkoll ’il fuq minn 3 tunnellati taʼ bżonnijiet bażiċi fis-Swali tas-Saltna fejn huma miġburin ix-Xhieda. L-għada, is-Sibt, jasal trakk minn Kigali mborġat b’ikel, kutri, folji tal-plastik, sapun, u mediċini.
L-Ansjetà Tikber
Dan hu żmien mimli ħsibijiet kbar. Kif jistgħu jiġu sodisfati l-bżonnijiet taʼ dawn in-nies kollha? Xi ngħidu għall-vulkan? Meta se jieqaf jiżbroffa? Kemm hija kbira l-qerda li ġarrbet il-belt taʼ Goma? L-aħbarijiet li qed jaslulna u t-tregħid kontinwu taʼ l-art ma tantx qed jagħtuna sinjali pożittivi. L-esperti qed jibżgħu li l-livelli għoljin tad-dijossidu tal-kubrit se jniġġsu l-arja. Hemm ukoll il-biżaʼ li l-ilma fil-Lag Kivu se jiġi kontaminat minħabba r-reazzjonijiet kimiċi.
Matul it-48 siegħa taʼ wara l-iżbroff, kienu xterdu rapporti inkwetanti. Imbagħad, is-Sibt wara nofsinhar insiru nafu li xi 10,000 persuna, inkluż 8 Xhieda flimkien maʼ tifel, huma ċirkondati mil-lava li f’xi bnadi hi għolja 2 metri. L-arja hi mimlija gassijiet tossiċi. Aħna nibżgħu li jistgħu jitilfu ħajjithom. Ma jidher l-ebda xaqq dawl. Anki l-katidral taʼ Goma kważi nqered hekk kif il-lava kompliet miexja ’l quddiem bla ma taħfirha lil ħadd. F’dan il-ħin ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li Goma qatt xi darba se terġaʼ tiġi f’tagħha.
Ftit Aħbarijiet taʼ Faraġ
Il-Ħadd, fid–9:00 taʼ fil-għodu, nirċievu telefonata minn wieħed mill-aħwa ċirkondati mil-lava. Hu jgħidilna li s-sitwazzjoni qed tinbidel. Hemm xi titjib. Nieżla x-xita, il-lava qed tibred, u l-arja qed tiċċara. Għalkemm il-lava għadha taħraq u hi perikoluża, in-nies qed jibdew jaqsmu n-nixxigħat sabiex immorru fejn m’hemmx periklu. Il-belt m’hijiex meqruda għalkollox.
Din hi l-ewwel aħbar tajba mindu bdew dawn il-ġrajjiet traġiċi. Il-vulkan jidher li naqqas l-attività tiegħu. L-esperti li qegħdin f’dawn l-inħawi ma jaqblux fl-opinjonijiet tagħhom. Nistgħu nagħmlu kuntatt mal-belt taʼ Bukavu li qiegħda fil-viċin, fit-tarf l-ieħor tal-Lag Kivu. Insiru nafu li ħames familji, kif ukoll tlett itfal mingħajr il-ġenituri tagħhom, waslu Bukavu bid-dgħajsa. Ix-Xhieda f’din il-belt se jieħdu ħsiebhom.
Nistgħu Mmorru Lura!
It-Tnejn, 21 taʼ Jannar, nistgħu nħeġġu u nfarrġu lill-vittmi f’Gisenyi, kif ukoll naraw x’għandhom bżonn. Naraw li l-aħwa li qed joqogħdu temporanjament fis-sitt Swali tas-Saltna qed jorganizzaw ruħhom. Nistgħu ngħoddu eżattament kemm ħarbu—1,800 inkluż it-tfal.
Xi ngħidu għall-futur? L-awtoritajiet lokali jippjanaw biex iwaqqfu tined għar-refuġjati mill-iktar fis. Madankollu, xi nies għad għandhom memorji koroh dwar il-kampijiet tar-refuġjati li kienu twaqqfu wara l-ġenoċidju taʼ l-1994. Aħna niddeċiedu li mmorru lura Goma, u naslu l-belt qrib nofsinhar. Xi 25 fil-mija mill-belt inkinset. Nistgħu nimxu fuq il-lava li kienet niżlet fit-toroq tal-belt u li issa qed tibbies. Għadha sħuna, u l-arja għadha fgata bil-gassijiet li ħerġin. Ħafna nies huma determinati li jirritornaw fil-belt.
Fis–1:00 taʼ wara nofsinhar niltaqgħu maʼ 33 anzjan Kristjan fis-Sala tas-Saltna tal-Kongregazzjoni taċ-Ċentru taʼ Goma. Kulħadd hu taʼ l-istess fehma: Huma jiddeċiedu li jmorru lura lejn Goma. “Dan hu postna,” jgħidu huma. U jekk il-vulkan jerġaʼ jiżbroffa? “Issa drajnieh,” jirrispondu. Huma jibżgħu li jekk ma jirritornawx minnufih, jisirqulhom kulma għandhom. L-għada, il-familji kollha tax-Xhieda li ħarbu jinsabu Goma mill-ġdid. Il-biċċa l-kbira mit-300,000 ruħ li qasmu l-fruntiera wkoll reġgħu lura lejn il-belt milquta.
Ġimgħa Wara
Il-belt għal darb’oħra hija mimlija attività. Jidher ċar li mhix se tmut. Fi żmien qasir jibda x-xogħol biex iwittu l-lava b’tali mod li ż-żewġ sezzjonijiet tal-belt li kienu nfirdu jerġgħu jingħaqdu. Il-lava kienet qerdet kulma sabet quddiemha. Iċ-ċentru kummerċjali u s-sezzjoni amministrattiva tal-belt spiċċaw ħerba. Huwa kalkulat li terz mir-runway taʼ l-ajruport inqered.
Minn għadd iktar eżatt naraw li 180 familja tax-Xhieda taʼ Jehovah huma fost dawk li tilfu kollox u jinsabu bla dar. Il-kumitat għall-għajnuna jagħmel arranġamenti biex jgħin lil madwar 5,000 raġel, mara, tifel, u tifla jieħdu razzjon taʼ ikel kuljum. Konsenja taʼ tined tal-plastik mibgħuta mix-Xhieda taʼ Jehovah tal-Belġju, Franza, u l-Isvizzera se tintuża biex dawk bla dar ikollhom saqaf temporanju fuq rashom, kif ukoll biex toħloq postijiet għal-laqgħat għal dawk il-kongregazzjonijiet li s-Swali tas-Saltna tagħhom ġarrbu ħsarat kbar jew inqerdu. Xi wħud mill-familji li tilfu d-djar tagħhom se joqogħdu maʼ Xhieda li djarhom ma ntlaqtux mid-diżastru, waqt li oħrajn se joqogħdu fil-postijiet taʼ kenn temporanji.
Il-Ġimgħa, 25 taʼ Jannar, xi għaxart ijiem wara dak il-lejl tal-biżaʼ, 1,846 ruħ huma preżenti f’laqgħa li saret fil-bitħa taʼ skola f’Goma sabiex jisimgħu kliem inkuraġġanti mill-Iskrittura. Isiru ħafna espressjonijiet taʼ radd il-ħajr mill-aħwa għall-faraġ kif ukoll għall-għajnuna prattika li tahom Jehovah permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu. Aħna l-viżitaturi ninsabu impressjonati profondament bil-kuraġġ u l-fidi soda li wrew dawn l-aħwa minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli tagħhom. Qalb dan l-għawġ kollu, kemm hu pjaċevoli li tkun parti minn fratellanza magħquda fil-qima taʼ dak Alla veru, Jehovah, is-Sors tal-faraġ dejjiemi!—Salm 133:1; 2 Korintin 1:3-7.
[Nota taʼ taħt]
a Bis-Swaħili, il-vulkan huwa magħruf bħala mulima ya moto, jiġifieri, “muntanja tan-nar.”—Ara l-artiklu “Visiting an Active Volcano” (Inżuru Vulkan Attiv) fl-Awake! tat-8 taʼ Lulju, 1975.
[Mapep f’paġna 22, 23]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
Il-vleġeġ juru d-direzzjoni tal-lava
KONGO (KINSHASA)
Il-Muntanja Nyiragongo
↓ ↓ ↓
L-Ajruport taʼ Goma ↓ ↓
↓ GOMA
LAG KIVU
RWANDA
[Stampi f’paġna 23]
Il-lava maħlula ġagħlet lil għaxriet t’eluf taʼ Kongoliżi jaħarbu mill-belt taʼ Goma
[Sors]
AP Photo/Sayyid Azim
[Stampi f’paġna 24, 25]
F’ġimgħa, ix-Xhieda organizzaw il-laqgħat Kristjani tagħhom