LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 4/8 pp. 3-4
  • Iż-Żgħażagħ u d-Drogi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iż-Żgħażagħ u d-Drogi
  • Stenbaħ!—2003
  • Materjal Simili
  • Kif id-Drogi Illeċiti Jeffettwawlek Ħajtek
    Stenbaħ!—1999
  • Tistaʼ Tintrebaħ il-Ġlieda Kontra d-Drogi?
    Stenbaħ!—1999
  • Id-Drogi In-Nies Għala Jabbużaw Minnhom?
    Stenbaħ!—2001
  • Kif Tipproteġi lil Uliedek
    Stenbaħ!—2003
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 4/8 pp. 3-4

Iż-​Żgħażagħ u d-​Drogi

“Għala kellhom imutu?”

Din kienet il-​mistoqsija li kien hemm fuq il-​qoxra tar-​rivista Brażiljana Veja. Flimkien maʼ dan il-​kliem kien hemm ritratti taʼ żgħażagħ ħelwin b’dehra normali li kienu mietu—vittmi taʼ l-​abbuż tad-​drogi.

MINKEJJA l-​perikli li kulħadd jaf bihom sew, in-​nies ikomplu jabbużaw mid-​drogi, u abbuż bħal dan ikompli jħassar il-​ħajjiet. L-​abbuż tad-​drogi jiswa lill-​Istati Uniti bejn wieħed u ieħor 100 biljun dollaru [madwar 42 biljun lira Maltija] kull sena minħabba kura tas-​saħħa, tnaqqis taʼ produttività fix-​xogħol, pagi li ma jingħatawx, u kriminalità. Iżda forsi l-​iktar li jbatu konsegwenzi koroh huma ż-​żgħar, it-​tfal. Fil-​Jornal da Tarde, stħarriġ Brażiljan irrapporta li 24.7 fil-​mija taż-​żgħażagħ bejn l-​10 u s-​17-il sena diġà pprovaw xi tip taʼ droga.

Għalkemm fl-​Istati Uniti hemm mnejn li labbuż tad-​drogi miż-​żgħażagħ naqas daqsxejn fis-​snin reċenti, in-​numru taʼ wħud żgħar li qabdu l-​vizzju tad-​drogi hemmhekk huwa allarmanti. Ikkunsidra lil dawk l-​uħud li jkunu fl-​aħħar snin taʼ l-​iskola sekondarja. Skond studju wieħed, 37 fil-​mija minnhom minn taʼ l-​inqas kienu ħadu l-​marijuana fis-​sena taʼ qabel. Wieħed minn kull 5 kien użaha fl-​aħħar xahar. Kważi 1 minn kull 10 kien ħa d-​droga ecstasy fis-​sena taʼ qabel. U iktar minn 6 fil-​mija kienu ħadu l-​LSD.

Ir-rapporti minn madwar id-​dinja kollha huma inkwetanti. L-​Uffiċċju għall-​Istatistiċi Nazzjonali tal-​Britannja jirrapporta li “12 fil-​mija taʼ l-​istudenti bejn il-​11 u l-​15-il sena abbużaw mid-​drogi matul is-​sena taʼ qabel . . . Il-​kannabis [marijuana] bla dubju kienet l-​iktar droga li x’aktarx abbużaw minnha.” Allarmanti ħafna kien il-​fatt li “iktar minn terz (35 fil-​mija) ġew offruti droga waħda jew iktar.”

Rapport li kien sponsorjat mill-​Unjoni Ewropea juri wkoll li fost iż-​żgħażagħ, “ix-​xorb li jwassal lil dak li jkun biex jisker sar xi ħaġa iżjed komuni.” Ir-​rapport jgħid ukoll li dan it-​tip taʼ “abbuż taʼ l-​alkoħol huwa assoċjat maʼ diversi effetti koroh temporanji bħalma huma l-​inċidenti, il-​vjolenza u l-​ivvelenar, kif ukoll il-​problemi li għandhom x’jaqsmu maʼ l-​iżvilupp u problemi soċjali.” Rapport mill-​Ġappun jgħid li “l-​iktar drogi li jabbużaw minnhom iż-​żgħażagħ fil-​Ġappun huma x-​xammiema, li jistgħu jwasslu għall-​użu taʼ drogi oħra.”

Mhux taʼ b’xejn, mela, li s-​Segretarju Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda, Kofi Annan, qal: “Id-​drogi qed jeqirdulna s-​soċjetajiet tagħna, jikkaġunaw il-​kriminalità, ixerrdu mard bħall-​AIDS, u joqtlulna ż-​żgħażagħ u l-​futur tagħna.” Taʼ spiss, dawk in-​nies involuti fid-​drogi huma responsabbli għal delitti bħalma huma t-​traffikar tad-​drogi u l-​omiċidji li huma konnessi mad-​drogi. Barra minn dan, minħabba l-​abbuż tad-​drogi, ħafna nies isiru l-​vittmi taʼ vjolenza, iweġġgħu, jew jieħdu sehem f’sess riskjuż u mhux ippjanat. U jekk taħseb li l-​familja tiegħek ma tistax tiġi effettwata, erġaʼ aħsibha sew! Fl-​Istati Uniti rapport tal-​gvern qal: “Id-​drogi m’humiex il-​problema taʼ dawk biss li huma fqar, taʼ xi gruppi li huma fil-​minoranza, jew taʼ dawk li joqogħdu fiċ-​ċentru tal-​belt. . .  Dawk li jużaw id-​drogi jiġu minn kull klassi soċjali differenti u minn kull parti tal-​pajjiż. Il-​problema tad-​drogi teffettwa lil kulħadd.”

Madankollu, taʼ spiss il-​ġenituri ma jindunawx bil-​periklu sakemm ikun tard wisq. Ikkunsidra l-​każ taʼ tfajla Brażiljana. “Kienet tixrob xorb alkoħoliku,” tispjega oħtha Regina.a “Il-​familja ħasbet li dan ma kienx taʼ ħsara. Iżda dan wassalha biex tesperimenta bid-​drogi mal-​ġuvintur li kellha. Ladarba l-​ġenituri tiegħi ttrattawha daqslikieku l-​problemi li kienet qed taqlaʼ ma kellhom l-​ebda konsegwenza, il-​kundizzjoni tagħha spiċċat bla kontroll. Ħafna drabi kienet titlaq mid-​dar u ħadd ma kien ikun jaf fejn marret. U kull darba li kienet tinstab xi tfajla mejta, il-​pulizija kienu jċemplu lil missieri biex imur jara jekk kinitx oħti! Dan ikkaġuna ħafna niket għall-​familja tiegħi.”

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa tagħti ħames raġunijiet għala ż-​żgħar għandhom mnejn jitħajru għad-​drogi:

(1) Ikunu jridu jħossuhom kbar u jieħdu d-​deċiżjonijiet huma stess

(2) Ikunu jridu jagħmlu bħal sħabhom

(3) Ikunu jridu jirrilassaw u jħossuhom ferħanin

(4) Ikunu jridu jieħdu xi riskji u jirribellaw

(5) Ikunu jridu jaqtgħu l-​kurżità tagħhom

Jekk żagħżugħ jaqbadx din it-​triq qerrieda jew le jiddependi ħafna wkoll mill-​pressjoni minn sħabu u jekk ikunx faċli għalih li jsib id-​drogi. “Il-​ġenituri tiegħi qatt ma qalu xejn dwar id-​drogi. Fl-​iskola, l-​għalliema kienu jsemmu l-​problema iżda mingħajr ma joqogħdu jidħlu fid-​dettall,” jispjega Luiz Antonio, żagħżugħ Brażiljan. Imħajjar minn sħabu taʼ l-​iskola, meta kellu 14-il sena beda jabbuża mid-​drogi. Iktar tard, meta pprova jieqaf, “ħbiebu” li kienu jipprovdulu d-​drogi heddewh b’sikkina biex ikompli l-​vizzju!

Aċċettajtu int il-​fatt li wliedek jistgħu jkunu fil-​periklu? X’għamilt biex tipproteġihom mill-​abbuż tad-​drogi? L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti xi modi li bihom il-​ġenituri jistgħu jipproteġu lil uliedhom.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Kumment f’paġna 4]

“Id-​drogi qed jeqirdulna s-​soċjetajiet tagħna, jikkaġunaw il-​kriminalità, ixerrdu mard bħall-​AIDS, u joqtlulna ż-​żgħażagħ u l-​futur tagħna.”—KOFI ANNAN, IS-​SEGRETARJU ĠENERALI TAL-​ĠNUS MAGĦQUDA

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 3]

© Veja, Editora Abril, May 27, 1998

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja