LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 4/8 pp. 5-9
  • Kif Tipproteġi lil Uliedek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tipproteġi lil Uliedek
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ħabib” tal-​Qalb
  • Meta Żagħżugħ Jieħu d-​Drogi
  • Jintervienu b’Suċċess
  • Taqtax Qalbek!
  • Kif id-Drogi Illeċiti Jeffettwawlek Ħajtek
    Stenbaħ!—1999
  • Tistaʼ Tintrebaħ il-Ġlieda Kontra d-Drogi?
    Stenbaħ!—1999
  • Iż-Żgħażagħ u d-Drogi
    Stenbaħ!—2003
  • Id-Drogi In-Nies Għala Jabbużaw Minnhom?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 4/8 pp. 5-9

Kif Tipproteġi lil Uliedek

“Il-​ġenituri żgur li huma l-​iktar fattur importanti biex jipproteġu lit-​tfal mill-​abbuż tad-​drogi. Għandhom ikunu taʼ eżempju tajjeb u jipprovdu informazzjoni lil uliedhom.”—DONNA SHALALA, SEGRETARJA TAD-​DIPARTIMENT TAS-​SERVIZZI UMANI U TAS-​SAĦĦA TAʼ L-​ISTATI UNITI.

BĦALA ġenitur, inti għandek l-​iktar irwol importanti biex tipproteġi lil uliedek f’din il-​ġlieda kontra l-​abbuż tad-​drogi. Sfortunatament, hemm mnejn li mhux il-​ġenituri kollha jifhmu kemm hu importanti dak l-​irwol. “Missieri dejjem kellu x’jagħmel,” jiftakar Ireneu, żagħżugħ Brażiljan. “Ftit kien ikellimna. Qatt ma ngħatajna xi parir dwar id-​drogi.”

B’kuntrast ma’ dan, ikkunsidra x’jgħid Alecxandros, żagħżugħ Brażiljan ieħor: “Meta kien ikun hemm xi programm fuq it-​televixin dwar dawk li jieħdu d-​drogi, missieri kien jgħajjat lili u lil ħuti subien fil-​kamra biex naraw dawn il-​programmi. Hu wriena l-​kundizzjoni terribbli li kienu fiha dawn l-​uħud minħabba li kienu jabbużaw mid-​drogi. Xi drabi, kien jaħtaf l-​okkażjoni biex jistaqsina jekk qatt rajniex xi żgħażagħ oħra fl-​iskola li kienu jabbużaw mid-​drogi. B’dak il-​mod kien iwissina dwar ir-​riskji li hemm fl-​abbuż tad-​drogi.”

Kellimthom lit-​tfal tiegħek dwar ir-​riskji tad-​drogi? Biex tagħmel dan, forsi jkollok titgħallem inti stess x’inhuma dawn ir-​riskji. Il-​ġenituri Kristjani jistgħu jgħinu lil uliedhom biex jirrealizzaw li meta jieħdu d-​drogi illegali dan jagħmel ħsara lill-​ispiritwalità tagħhom. Il-​Bibbja tħeġġiġna biex inżommu lil ġisimna nadif minn kull ħmieġ, kemm b’mod fiżiku u kemm b’mod spiritwali. (2 Korintin 7:1) Studju regulari tal-​Bibbja maʼ wliedek jistaʼ jkun għodda qawwija biex tipproteġihom.a

“Ħabib” tal-​Qalb

Huwa importanti wkoll li tistabbilixxi relazzjoni taʼ fiduċja maʼ wliedek. Jehovah huwa “ħabib” tal-​qalb għal uliedu fuq l-​art. (Ġeremija 3:4) Iqisuk uliedek bħala l-​ħabib tal-​qalb tagħhom? Tismaʼ tassew dak li jkollhom x’jgħidu? Iħossuhom komdi li jiġu jgħidulek il-​problemi tagħhom? Ħafif int iktar biex tikkundannahom milli biex tfaħħarhom? Ħu l-​ħin biex issir taf lil uliedek. Għandhom ħbieb? Min huma? Wara kollox il-​Bibbja twissi: “Il-​ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) Tibżax tpoġġi ċerti restrizzjonijiet jew tagħti dixxiplina bl-​imħabba. Il-​Bibbja tgħid: “Widdeb lil ibnek, u hu jkun l-​hena tiegħek; ikun l-​għaxqa taʼ qalbek.”—Proverbji 29:17.

Barra minn hekk, iċċekkinx il-​perikli li wliedek jiltaqgħu magħhom. Mingħajr ma jinkwetaw ħafna, xi ġenituri jistgħu jirraġunaw li minħabba li wliedhom ġejjin minn familja rispettata, dawn m’humiex it-​tip taʼ persuni li jabbużaw mid-​drogi. Iżda t-​Tabib José Henrique Silveira jispjega: “It-​traffikant tad-​droga jħobb jagħmel ħbieb maʼ tfal taʼ nies importanti għax dan huwa negozju tajjeb għalih.” Iva, jekk żagħżugħ rispettat sew jistaʼ jaqaʼ fin-​nassa taʼ l-​abbuż tad-​drogi, taʼ spiss żgħażagħ oħra jispiċċaw jagħmlu l-​istess bħalu.

Għalhekk, kun realistiku. Sir af dwar dawk is-​sinjali tal-​bidu li jistgħu jindikaw li xi ħadd qed jabbuża mid-​drogi. Per eżempju, hemm xi ħadd minn uliedek li ngħalaq fih innifsu, huwa dipress, aggressiv, jew ma jikkooperax? Qiegħed mingħajr raġuni taʼ xejn jinqataʼ minn dawk li ilhom ħbiebu għal żmien twil jew mill-​membri tal-​familja tiegħu? Jekk dan huwa l-​każ, dawn l-​affarijiet jagħtu lok għal tħassib.

B’dispjaċir ngħidu li, għalkemm il-​ġenituri jistgħu jkunu qed jagħmlu sforzi taʼ min ifaħħarhom, xi żgħażagħ xorta jċedu għall-​pressjoni u jesperimentaw bid-​drogi. X’se tagħmel jekk dan jiġri lil xi ħadd minn uliedek?

Meta Żagħżugħ Jieħu d-​Drogi

“Meta l-​ġenituri tiegħi saru jafu,” jgħid Ireneu, “ħija kien ilu jabbuża mid-​drogi għal bosta xhur. Minħabba li qatt ma ħasbu li xi darba xi ħadd minn uliedhom kien se jibda jabbuża mid-​drogi, l-​ewwel reazzjoni tagħhom kienet li bdew jippanikkjaw. Għall-​ewwel, l-​unika ħaġa li ġiet f’moħħ missieri kienet li jikkastiga lil ħija bl-​aħrax.”

Meta l-​ġenituri jiskopru li xi ħadd minn uliedhom qed juża d-​drogi, l-​ewwel reazzjoni x’aktarx li tkun ir-​rabja, il-​frustrazzjoni, u sens taʼ falliment. Madankollu, dokument wieħed taʼ informazzjoni li ħareġ mid-​Dipartiment taʼ l-​Edukazzjoni fl-​Istati Uniti jagħti l-​parir: “Tippanikkjax! U twaħħalx fik innifsek. L-​iktar ħaġa importanti bħalissa hi li żżomm kalm [u] li ssir taf x’inhi s-​sitwazzjoni. . . . L-​użu tad-​drogi huwa mġiba li tistaʼ tevitaha. Il-​vizzju tad-​drogi huwa marda li tistaʼ titfejjaq.”

Iva, kun ħanin imma sod biex b’hekk is-​sitwazzjoni ma tmurx għall-​agħar. Il-​fatt li tirrabja żżejjed jew issir frustrat jistaʼ jtellef mill-​fejqan tat-​tifel, jew it-​tifla, tiegħek. Ukoll, inti tixtieq tgħin lil uliedek jikbru f’adulti responsabbli li jafu jużaw moħħhom biex jirraġunaw u jieħdu d-​deċiżjonijiet. Għalhekk, qattaʼ ħin biżżejjed biex tirraġuna b’mod onest maż-​żagħżugħ tiegħek ħalli b’hekk tkun tistaʼ tgħinu jara l-​benefiċċji li jiġu jekk ma jiħux drogi. Ipprova skopri permezz taʼ mistoqsijiet x’hemm fil-​qalb taʼ tifel ribelluż, u kun lest li tisimgħu.—Proverbji 20:5.

Ireneu jkompli jgħid: “Iktar tard, il-​ġenituri tiegħi biddlu t-​tattika tagħhom u bdew jagħtu pariri lil ħija, billi bdew ipoġġu limiti dwar fejn setaʼ jmur, u biddlulu l-​klassi biex b’hekk ma jiltaqax kuljum maʼ l-​istess persuni fl-​iskola. Bdew joqogħdu attenti maʼ min kien qed jagħmilha u bdew jagħtu iktar attenzjoni lilu u lill-​membri l-​oħra tal-​familja.”

Ikkunsidra kif xi ġenituri oħrajn intervenew b’suċċess meta skoprew li wliedhom kienu qegħdin jużaw id-​drogi.

Jintervienu b’Suċċess

“Kienet l-​agħar ħaġa li qatt ġratilna,” jispjega Marcelo, raġel li jgħix f’São Paulo, il-​Brażil. “Jien u marti ma konna nnotajna xejn stramb fil-​kondotta taż-​żewġ uliedna subien. Taʼ spiss, kienu jieklu barra f’xi restorant maʼ xi grupp taʼ żgħażagħ oħra li aħna ħsibna li konna nafuhom sew. Tgħidx x’xokk ħadna meta sirna nafu, minn ħabib tagħna, li ż-​żewġ uliedna subien kienu qegħdin jieħdu l-​marijuana. Madankollu, meta staqsejniehom, mill-​ewwel ammettew dan.”

Marcelo kif aġixxa maʼ wliedu? “Jien u marti ma stajniex naħbu n-​niket li ħassejna,” jammetti hu. “Iżda, filwaqt li kkundannajna l-​abbuż tagħhom tad-​drogi, ma qajjimna l-​ebda dubju dwar il-​valur tagħhom bħala persuni. Qbilna li minn dakinhar ’il quddiem, il-​mira tagħna kienet se tkun li ngħinu lil uliedna jirkupraw mill-​vizzju tad-​drogi. Tkellimna ċar u tond dwar l-​intenzjonijiet tagħna, u ż-​żewġ uliedna subien aċċettaw il-​kundizzjonijiet li għamilnielhom. Kienu se jkomplu l-​istudji tagħhom l-​iskola u jkomplu jaħdmu. Ma setgħux joħorġu iktar waħedhom. Urejna l-​imħabba tagħna lejhom kull ġurnata, mhux biss f’okkażjonijiet speċjali. Ladarba jien naħdem bħala bennej, kont niħodhom miegħi kulmeta stajt. Bdejna nieħdu iktar gost, waqt li konna nqattgħu iktar ħin nitkellmu dwar il-​futur u l-​bżonn li jkollna miri siewja f’ħajjitna.” B’hekk, Marcelo u martu kienu kapaċi jgħinu lil uliedhom jaqtgħu l-​vizzju tad-​drogi.

Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ missier Brażiljan ieħor. It-​tifel tiegħu Roberto jgħid: “Meta missieri sar jaf li ħija kien qed jabbuża mid-​drogi, minflok ma qabad jikkritikah u jiddixxiplinah bl-​aħrax, missieri wera li kien ħabib għalih u b’hekk ħija kiseb fiduċja f’missieri. Missieri sar jaf lill-​ħbieb taʼ ħija u l-​postijiet li kien imur fihom, u beda jirraġuna miegħu li ma kellux bżonn la drogi u lanqas ħbieb bħal dawk. Missieri qallu li ma riedx iqattaʼ ljieli bla rqad ifittxu.” Biex tipprova tgħin lil dan iż-​żagħżugħ li kien għaddej minn dak l-​inkwiet, ommu tar-​rispett tat l-​appoġġ kollu lil żewġha. It-​tnejn li huma qablu li kellhom jieħdu azzjoni malajr u ddeċidew li jgħinuh id-​dar stess.—Ara l-​kaxxa “Meta Tfittex l-​Għajnuna.”

Taqtax Qalbek!

It-​trobbija taʼ familja f’dan iż-​“żmien iebes” tistaʼ tiħodlok saħħtek u tkun taʼ sfida. (2 Timotju 3:​1, NW) Madankollu, m’għandek qatt tinjora l-​bżonnijiet emozzjonali u spiritwali tiegħek stess. (Mattew 5:3) Kemm huma tassew xierqa l-​kliem taʼ Proverbji 24:​10, Karm Żammit: “Jekk int tintreħa fi żmien il-​għali, saħħtek żgħira.” Tistaʼ tissaħħaħ ħafna jekk tassoċja mal-​Kristjani veri. Matul il-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, tistaʼ tikseb l-​appoġġ u l-​inkuraġġiment.—Lhud 10:​24, 25.

Tassew, meta tgħallem lill-​familja tiegħek biex ikollha fidi f’Alla, dan jistaʼ jkun l-​iktar ħaġa tajba li tistaʼ tagħmel biex tipproteġiha mid-​drogi. M’għandniex xi ngħidu, Alla ma jisforzax liż-​żgħażagħ biex jgħixu xi tip taʼ ħajja. Iżda hu joffri parir għaqli. Bħalma huwa mniżżel f’Salm 32:8, Alla jgħid: “Ngħallmek u nurik it-​triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.” Bħala Missier tas-​sema li juri mħabba, Alla jridna li nipproteġu liż-​żgħar tagħna minn ħsara emozzjonali, fiżika, u spiritwali. (Proverbji 2:​10-12) Kun ċert li Alla se jgħin u se jagħti appoġġ ukoll lil dawk il-​ġenituri li huma determinati li jrabbu lil uliedhom “fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.”—Efesin 6:4.

Madankollu, il-​pressjoni li trabbi t-​tfal fl-​ambjent taʼ llum xi drabi tistaʼ tkun kbira wisq. Hemm xi ċans li dalwaqt se niksbu serħan minn dan l-​inkwiet?

[Nota taʼ taħt]

a Ix-Xhieda taʼ Jehovah ippubblikaw informazzjoni li tistaʼ tgħin lill-​ġenituri biex jiddiskutu maʼ wliedhom ċerti suġġetti bħalma hu dak tal-​perikli tad-​drogi. Per eżempju, ara kapitli 33 u 34 tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom.

[Kumment f’paġna 8]

“L-​użu tad-​drogi huwa mġiba li tistaʼ tevitaha. Il-​vizzju tad-​drogi huwa marda li tistaʼ titfejjaq.”—DIPARTIMENT TAʼ L-​EDUKAZZJONI FL-​ISTATI UNITI

[Kaxxa f’paġna 6]

Meta Tfittex l-​Għajnuna

Xi ġenituri jistgħu jiddeċiedu li jkun aħjar għaż-​żagħżugħ tagħhom li jirkupra mid-​droga taħt superviżjoni medika. Il-​kwistjoni taʼ x’tip taʼ kura eżattament ikunu jixtiequ li jingħata hija d-​deċiżjoni persunali tal-​ġenituri. Iżda, peress li l-​kwalità taʼ l-​attenzjoni li tingħata fil-​kliniċi taʼ riabilitazzjoni tvarja ħafna, is-​suġġeriment hu li l-​ġenituri jfittxu dwar dan bir-​reqqa qabel ma tintgħażel xi tip taʼ kura. Skond il-​psikjatra Arthur Guerra de Andrade, professur fl-​Università taʼ São Paulo fil-​Brażil, 30 fil-​mija biss taʼ dawk li jingħataw kura fil-​kliniċi jirkupraw mill-​vizzju tad-​drogi. Għalhekk, il-​ġenituri għandhom jieħdu interess attiv fl-​irkuprar taʼ wliedhom, anki meta jkun hemm involuti nies professjonali fil-​mediċina.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]

Għajnuna għal Dawk li Jridu Jirkupraw mill-​Vizzju tad-​Drogi

Inti żagħżugħ li qed tipprova taqtaʼ l-​vizzju tad-​drogi? Jekk iva, se ssib li meta taqra l-​Bibbja u tapplika dak li taqra, dan jistaʼ jgħinek biex tirkupra. Speċjalment, għandek mnejn issib taʼ għajnuna li taqra l-​ktieb tas-​Salmi, għax dan jesprimi ħafna mill-​emozzjonijiet taʼ wġigħ li forsi qiegħed tħoss issa. Meta titlob lil Alla b’mod sinċier, billi taqsam miegħu l-​iktar ħsibijiet profondi tiegħek, dan se jgħinek ukoll. (Filippin 4:​6, 7) Se tibda tħoss li hu tassew jimpurtah minnek u jixtieqek tirnexxi. Imma ladarba Alla ma jisforza lil ħadd biex jaġixxi kontra r-​rieda ħielsa tiegħu, huwa essenzjali li inti verament tkun trid li toħroġ mill-​vizzju tad-​drogi. Is-​salmista David, li esperjenza l-​għajnuna t’Alla bosta drabi, qal: “Ittamajt b’tama qawwija fil-​Mulej; hu niżel ħdejja u samaʼ l-​għajta tiegħi. Minn bir waħxi tellagħni, minn qalb il-​ħama u t-​tajn; fuq il-​blat qegħedli riġlejja, u saħħaħli l-​mixi tiegħi.” (Salm 40:​2, 3 [1, 2, NW]) Illum dawk li jixtiequ jnaddfu ħajjithom u jaqdu lil Alla huma megħjunin bl-​istess mod.

[Stampa f’paġna 5]

“Missieri kien iwissina dwar ir-​riskji” —Alecxandros

[Stampa f’paġna 8]

Ħu l-​ħin biex twissi lil uliedek dwar il-​perikli fiżiċi u spiritwali li jirriżultaw mill-​abbuż tad-​drogi

[Stampa f’paġna 8]

Oqgħod attent maʼ min qed jagħmluha wliedek

[Stampa f’paġna 8, 9]

Jekk tiffaċċja s-​sitwazzjoni bil-​kalma tistaʼ tevita li l-​affarijiet imorru għall-​agħar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja