Dalwaqt—Dinja Mingħajr Drogi
Tistaʼ timmaġina dinja mingħajr abbuż tad-drogi?
IS-SEGRETARJU ĠENERALI tal-Ġnus Magħquda Kofi Annan ħeġġeġ lin-nazzjonijiet kollha biex jaħdmu għal dinja bħal din. Hu ddikjara: “Għandna bżonn nieħdu passi ġodda u kuraġġużi biex niġġieldu lil dan il-ħażen; din is-saħta li qabdet fin-nassa lil ħafna minn uliedna.”
Għalkemm hemm mnejn li l-mexxejja jaqblu li jnaqqsu l-produzzjoni u t-tqassim tad-drogi illegali mad-dinja kollha, l-isfida hija kbira ħafna. Hennadiy Udovenko mill-Ukraina, il-president taʼ sessjoni speċjali fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, qal li “b’total taʼ iktar minn 400 biljun dollaru [41 biljun lira Maltija] it-traffikar tan-narkotiċi huwa wieħed min-negozji li jsiru fil-moħbi u li l-iktar irendu l-flus, . . . kapaċi li jikkorrompi jew jagħmel l-ekonomija globali instabbli.” U żied li l-problema tad-droga “saret fenomenu globali u li l-ebda nazzjon ma jistaʼ jħossu li huwa ħieles minn din it-theddida.”
Huwa diffiċli li timmaġina dinja mingħajr drogi perikolużi. Bla dubju, il-gvernijiet umani ma kinux kapaċi jneħħuhom għalkollox. Madankollu, ħadd ma jistaʼ jwaqqaf lil Alla li Jistaʼ Kollox milli jwettaq l-iskop tiegħu biex iġib ġenna taʼ l-art fejn kull ħtieġa emozzjonali, fiżika, u spiritwali se tiġi sodisfata. (Salm 145:16; Luqa 23:43; 2 Pietru 3:13) Skond il-profeta Isaija, il-kelma t’Alla ‘ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lilu, u ttemm dak li jkun bagħatha tagħmel.’—Isaija 55:11.
It-tama f’dawn il-wegħdiet tistaʼ ġġib benefiċċji drammatiċi saħansitra minn issa. Per eżempju, Edmundo, kien jabbuża mid-drogi. Imma meta aċċetta l-wegħda tal-Bibbja dwar dinja ġdida ġusta, din ġagħlitu jerġaʼ janalizza ħajtu. Issa Edmundo jgħid: “Kemm kont iblah, ħlejt dan iż-żmien kollu.” Xewqan li jibqaʼ jkollu l-approvazzjoni t’Alla, issa hu motivat li ma jiħux iktar drogi. Iva, l-għarfien dwar Alla u l-wegħdi tiegħu jistgħu jimmotivawna biex ‘nilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.’—Efesin 4:24.
Numru kbir t’oħrajn li kienu involuti fl-abbuż tad-drogi issa huma wkoll qegħdin igawdu relazzjoni intima mal-Ħallieq tagħhom. Għal dawn l-uħud, il-kliem tas-salmista għandu tifsir speċjali: “Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet taʼ żgħożiti: inti tajjeb, Mulej; ftakar fija skond it-tjieba tiegħek. Tajjeb u sewwa l-Mulej; għalhekk juri triqtu lill-ħatja.” (Salm 25:7, 8) Kemm huwa taʼ faraġ għal dawk il-ġenituri li għandhom ulied ribellużi li jsiru jafu li dawn jistgħu jinbidlu! Bi sforz ħabrieki, il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom biex jiġġieldu lil din il-pesta taʼ l-abbuż tad-drogi u biex “jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera,” li se tkun tistaʼ ssir realtà fid-dinja l-ġdida t’Alla.—1 Timotju 6:19.
[Stampi f’paġna 10]
It-tama li jgħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla qanqlet lil ħafna wħud li kienu jabbużaw mid-drogi biex ibiddlu ħajjithom