Il-Concorde—Jitniżżel fl-Istorja taʼ l-Avjazzjoni
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI FRANZA
Wara 27 sena taʼ servizz, il-Concorde—“l-uniku tip t’ajruplan tal-passiġġieri supersoniku fid-dinja”—irtira. F’Ottubru 2003, il-British Airways neħħiet mis-servizz kummerċjali l-aħħar wieħed minn flotta taʼ sebaʼ ajruplani Concorde li kellha filwaqt li semmiet l-ispejjeż li dejjem jogħlew u t-tnaqqis fl-għadd taʼ passiġġieri bħala r-raġuni għad-deċiżjoni tagħha. Ħames xhur qabel Air France, l-unika kumpanija taʼ l-ajru oħra li kienet tuża dan it-tip t’ajruplan li kien jintgħaraf mill-għamla trijangulari tal-ġwienaħ mixħutin lura tiegħu, ma baqgħetx tuża l-ħames ajruplani tagħha.
B’hekk ngħalaq kapitlu fl-istorja taʼ l-avjazzjoni li nbeda fl-1962 meta inġiniera Ingliżi u Franċiżi ngħaqdu flimkien biex jiżviluppaw ajruplan supersoniku għal titjiriet fit-tul. Il-mudelli taʼ dan it-tip t’ajruplan għamlu l-ewwel titjiriet tagħhom fl-1969, u t-trasport supersoniku kummerċjali sar realtà f’Jannar taʼ l-1976, b’titjiriet għall-Baħrajn u Rio de Janeiro.
Għalkemm il-Concorde kien suċċess teknoloġiku, kummerċjalment falla bil-kbir. Il-kriżi taż-żejt fis-snin sebgħin kienet daqqa taʼ ħarta kbira, peress li dan l-ajruplan jikkonsma iktar minn 25,600 litru petrol fis-siegħa—it-triplu taʼ l-ammont li jikkonsma ajruplan normali għal kull passiġġier. Il-Concorde kellu wkoll l-iżvantaġġi li kien itir biss sa distanza taʼ 6,920 kilometru u jesaʼ biss 100 passiġġier. Għalhekk, ma kienx ekonomiku għall-kumpaniji taʼ l-ajru. Ostaklu ieħor li fixkel l-espansjoni tal-Concorde kien ir-restrizzjonijiet governattivi imposti fuqu mill-Istati Uniti meta beda t-titjiriet tiegħu, għax kien intqal li xi nies kienu konċernati dwar il-ħsejjes li jagħmel.
Il-prezz kien problema oħra. Il-biljett kien iqum eluf taʼ dollari. B’hekk, kienu relattivament ftit il-passiġġieri li setgħu jivvjaġġaw bil-Concorde. Bil-menù sofistikat tiegħu taʼ xampanja, foie gras (patè tal-fwied tal-wiżż) u kavjal, il-Concorde “kien l-isbaħ esperjenza taʼ l-ivvjaġġar li qatt setaʼ jkollok,” qal wieħed negozjant. “L-akbar vantaġġ tiegħu kien il-ħin li kien jiffrankalek. Ma kinitx l-iktar titjira komda. Imma kienet titjira li ġġagħlek tħossok qisek f’ħolma.”
Titjira b’Veloċità Kbira fuq l-Atlantiku
Matul il-karriera tiegħu, il-Concorde ġarr kważi erbaʼ miljun passiġġier—mhux għadd daqstant kbir taʼ nies meta tqis li l-flotta dinjija taʼ Boeing 747 iġġorr dak l-għadd taʼ passiġġieri fi ftit ġimgħat biss. Allura, x’kien li għamel il-Concorde ajruplan daqshekk notevoli?
Ikkunsidra dan: Il-Concorde kien itir b’veloċità taʼ 2,150 kilometru fis-siegħa—id-doppju tal-veloċità tal-oss—f’għoli taʼ 18,000 metru (18-il kilometru). Tant kien itir b’veloċità kbira li dan l-ajruplan taʼ 62 metru kien fil-fatt jitwal bi kważi 24 ċentimetru matul it-titjira minħabba ssħana kawżata mill-frizzjoni. Titjira regulari minn Pariġi għal New York bil-Concorde kienet tieħu biss 3 sigħat u 55 minuta, kważi nofs il-ħin taʼ titjira f’ajruplan normali. L-ajruplan tant kien jasal malajr li, minħabba d-differenza fil-ħin, passiġġieri li kienu qed jivvjaġġaw lejn il-punent kienu jillandjaw fi New York u jsibu li l-ħin lokali kien ikun iktar kmieni mill-ħin li telqu minn Pariġi!
Il-karriera tal-Concorde ttebbgħet b’aċċident fatali wieħed biss. Fil-25 taʼ Lulju, 2000, ajruplan taʼ l-Air France kkraxxja kif appena telaq mill-Ajruport Charles de Gaulle taʼ Pariġi u mietu 113-il ruħ, inkluż 4 li kienu fuq l-art. Wara diversi modifiki taʼ sigurtà, is-servizz reġaʼ beda sena wara. Imma fl-aħħar mill-aħħar, il-finanzi ġagħlu lill-kumpaniji taʼ l-ajru jwaqqfu s-servizz tal-Concorde.
Il-Concorde, li la kellu rivali u lanqas suċċessuri, se jqattaʼ l-irtirar mistħoqq tiegħu fil-mużewijiet taʼ l-avjazzjoni dinjin. Jean-Cyril Spinetta, chairman taʼ l-Air France, jikkummenta: “Fil-fatt, il-Concorde qatt ma se jieqaf itir għax se jibqaʼ jgħix fl-immaġinazzjoni tan-nies.”
[Stampi f’paġna 30]
Fuq: Iservu x-xampanja
Fin-nofs: Il-pilota ewlieni fil-kabina
Taħt: L-ewwel mudell tal-Concorde, Franza, 1968
[Sors]
Ir-ritratti kollha minbarra l-ewwel mudell: NewsCast; l-ewwel mudell: AFP/Getty Images