STUDJU 47
Użu Effettiv tal-Għajnuniet Viżwali
GĦALA għandek tuża l-għajnuniet viżwali fit-tagħlim tiegħek? Għaliex meta tagħmel dan, it-tagħlim tiegħek jistaʼ jkun iktar effettiv. Alla Ġeħova u Ġesù Kristu użaw l-għajnuniet viżwali, u aħna nistgħu nitgħallmu minnhom. Meta l-għajnuniet viżwali jintużaw flimkien mal-kelma mlissna, l-informazzjoni tintlaqaʼ minn żewġ sensi. Dan jistaʼ jgħinek iżżomm l-attenzjoni tal-udjenza tiegħek u ssaħħaħ l-impressjoni li tagħti. Kif tistaʼ tinkludi l-għajnuniet viżwali fil-preżentazzjonijiet tiegħek tal-aħbar tajba? Kif tistaʼ tkun ċert li qed tużahom b’mod effettiv?
Kif l-Aqwa Għalliema Użaw l-Għajnuniet Viżwali. Ġeħova uża għajnuniet viżwali memorabbli biex jgħallem lezzjonijiet vitali. Lejl wieħed hu ħareġ lil Abraham barra u qallu: “Jekk jogħġbok, ħares ’il fuq lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek il-ħila tgħoddhom. . . . Hekk għad ikun nislek.” (Ġen. 15:5) Avolja dak li kien imwiegħed deher impossibbli mill-ħarsa tal-bniedem, Abraham ġie mqanqal profondament u poġġa fidi f’Ġeħova. F’okkażjoni oħra, Ġeħova bagħat lil Ġeremija lejn dar il-fuħħari u qallu jidħol fejn jaħdem biex jarah isawwar it-tafal. X’lezzjoni memorabbli dwar l-awtorità tal-Ħallieq fuq il-bnedmin! (Ġer. 18:1-6) U kif setaʼ Ġona qatt jinsa l-lezzjoni dwar il-ħniena li għallmu Ġeħova permezz tas-siġra tal-qargħa bomblija? (Ġona 4:6-11) Ġeħova saħansitra qal lill-profeti tiegħu biex jirreċtaw messaġġi profetiċi waqt li użaw ċerti oġġetti adattati. (1 Slat. 11:29-32; Ġer. 27:1-8; Eżek. 4:1-17) L-aspetti tat-tabernaklu u t-tempju fihom infushom huma rappreżentazzjonijiet li jgħinuna nifhmu r-realtajiet tas-sema. (Ebr. 9:9, 23, 24) Ukoll, Alla uża ħafna viżjonijiet biex jagħti informazzjoni importanti.—Eżek. 1:4-28; 8:2-18; Atti 10:9-16; 16:9, 10; Riv. 1:1.
Ġesù kif uża l-għajnuniet viżwali? Meta l-Fariżej u l-partitarji taʼ Erodi pprovaw jaqbduh fi kliemu, Ġesù staqsa għal dinar u ġibed l-attenzjoni għax-xbieha taʼ Ċesari fuq il-munita. Imbagħad spjega li l-affarijiet taʼ Ċesari għandhom jitħallsu lura lil Ċesari imma l-affarijiet taʼ Alla għandhom jitħallsu lura lil Alla. (Mt. 22:19-21) Biex jgħallem lezzjoni dwar li nonoraw lil Alla b’kulma għandna, Ġesù ġibed l-attenzjoni lejn armla fqira fit-tempju li l-kontribuzzjoni tagħha—żewġ muniti żgħar—kienet il-mezz kollu tal-għajxien tagħha. (Lq. 21:1-4) F’okkażjoni oħra hu uża tifel ċkejken bħala eżempju taʼ kif wieħed ikun umli, ħieles mill-ambizzjoni. (Mt. 18:2-6) Ukoll, hu wera personalment it-tifsir tal-umiltà billi ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu.—Ġw. 13:14.
Modi Kif Tuża l-Għajnuniet Viżwali. Kuntrarju għal Ġeħova, aħna ma nistgħux nikkomunikaw permezz taʼ viżjonijiet. Però, insibu ħafna stampi li jqanqlu l-ħsieb fil-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Użahom biex tgħin lil uħud interessati jimmaġinaw il-Ġenna tal-art imwiegħda fil-Kelma taʼ Alla. Waqt studju tal-Bibbja fid-dar, tistaʼ tiġbed l-attenzjoni tal-istudent lejn stampa li hi konnessa maʼ dak li tkunu qed tistudjaw u tistaqsih jgħidlek x’inhu jara. Taʼ min jinnota li meta ngħataw ċerti viżjonijiet lill-profeta Għamos, Ġeħova staqsa: “X’qed tara, Għamos?” (Għam. 7:7, 8; 8:1, 2) Tistaʼ tistaqsi mistoqsijiet simili hekk kif tidderieġi l-attenzjoni tan-nies lejn stampi li huma mħejjijin bħala għajnuniet viżwali utli.
Jekk tniżżel bil-miktub kalkoli matematiċi jew tuża linja kronoloġika li turi sekwenza taʼ ġrajjiet sinifikanti, tistaʼ tgħin lin-nies jifhmu iktar malajr profeziji bħal dik dwar is-“seba’ żminijiet” f’Danjel 4:16 u s-“sebgħin ġimgħa” f’Danjel 9:24. Għajnuniet viżwali bħal dawn jidhru f’diversi pubblikazzjonijiet għall-istudju li għandna.
Fl-istudju tal-familja tiegħek, diskussjoni dwar affarijiet bħat-tabernaklu, it-tempju f’Ġerusalemm, u t-tempju tal-viżjoni taʼ Eżekjel tistaʼ ssir iktar faċli biex tinftiehem jekk tintuża stampa jew tabella. Dawn jistgħu jinstabu fl-Insight on the Scriptures, l-appendiċi tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa, u diversi ħarġiet tat-Torri tal-Għassa.
Meta taqra l-Bibbja mal-familja tiegħek, uża sew il-mapep. Segwi pass pass il-vjaġġ taʼ Abraham minn Ur sa Ħaran u ’l isfel lejn Betel. Eżamina r-rotta li ħadu l-Israelin hekk kif il-ġens ħalla l-Eġittu u vvjaġġa lejn l-Art Imwiegħda. Sib il-post li ngħata bħala wirt lil kull tribù taʼ Israel. Ara sa fejn kienet tkopri l-ħakma taʼ Salamun. Segwi r-rotta taʼ Elija hekk kif ħarab minn Ġeżragħel u ħa t-triq kollha minn ġox-xagħri lil hinn minn Bir-xeba wara li ġie mhedded minn Ġeżabel. (1 Slat. 18:46–19:4) Sib il-bliet u l-irħula fejn ipprietka Ġesù. Segwi l-vjaġġi taʼ Pawlu, kif inhuma deskritti fil-ktieb tal-Atti.
L-għajnuniet viżwali huma utli meta tgħin lill-istudenti tal-Bibbja jifhmu kif taħdem il-kongregazzjoni. Tistaʼ turi lill-istudent tiegħek programm stampat u tispjegalu t-tip taʼ informazzjoni li niddiskutu fl-assembleat u l-konvenzjonijiet. Ħafna baqgħu impressjonati meta żaru s-Sala tas-Saltna jew l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Dan jistaʼ jkun mod effettiv kif titneħħa xi fehma żbaljata dwar ix-xogħol tagħna u l-iskop tiegħu. Meta ġġib lil xi ħadd biex iżur is-Sala tas-Saltna, urih kif inhi differenti minn postijiet oħrajn taʼ qima. Agħmel enfasi fuq il-fatt li dan hu post sempliċi fejn wieħed imur biex jitgħallem. Semmi l-aspetti li huma disinjati apposta għall-ministeru pubbliku tagħna—postijiet fejn titqassam il-letteratura, mapep tat-territorju, u kaxxi tal-kontribuzzjonijiet (kuntrarju għas-sassli tal-ġbir).
Meta vidjos imħejjijin bid-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna jkunu disponibbli, użahom biex tibni l-fiduċja fil-Bibbja, tagħmel lill-istudenti familjari mal-attivitajiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova, u tinkuraġġixxi lil min jarahom biex jgħix fi qbil mal-prinċipji Bibliċi.
Uża l-Għajnuniet Viżwali Għal Gruppi Akbar. Meta jiġu preparati sew u preżentati bis-sengħa, l-għajnuniet viżwali jistgħu jkunu għodod tat-tagħlim effettivi għal gruppi akbar. Għajnuniet viżwali bħal dawn huma provduti f’diversi forom mill-klassi tal-ilsir leali u għaqli.
Il-materjal għall-istudju fit-Torri tal-Għassa ġeneralment jinkludi għajnuniet viżwali fil-forma taʼ stampi li jistgħu jintużaw minn min jikkonduċi l-istudju biex jenfasizza punti importanti. Dan hu minnu wkoll dwar il-pubblikazzjonijiet li jintużaw fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni.
Xi outlines tat-taħditiet pubbliċi jistgħu jippermettulek li tuża għajnuniet viżwali biex tispjega l-punti. Madankollu, ġeneralment ikun iktar taʼ benefiċċju li tiġi ffokata l-attenzjoni fuq dak li hemm fil-Bibbja, li l-maġġuranza taʼ dawk fl-udjenza se jkollhom f’idejhom. Jekk kultant stampa jew outline qasir tal-punti prinċipali jkun neċessarju biex jinħareġ punt prinċipali wieħed jew iktar f’taħdita, iċċekkja minn qabel biex tkun ċert li l-għajnuna viżwali tkun tidher (jew tinqara) b’mod ċar anki minn wara fil-post tal-laqgħa. Għajnuniet bħal dawn għandhom jintużaw jekk ikun hemm bżonn.
Il-mira tagħna għala nużaw l-għajnuniet viżwali meta nitkellmu u ngħallmu mhijiex biex l-udjenza tieħu gost. Meta tintuża għajnuna viżwali dinjituża, din ġeneralment issaħħaħ l-ideat li jistħoqqilhom enfasi speċjali. Għajnuniet bħal dawn għandhom skop utli meta jgħinu biex tiġi ċċarata kelma mlissna, jagħmluha faċli biex tinftiehem, jew jipprovdu evidenza qawwija taʼ kemm hu validu dak li jintqal. Jekk tintuża kif suppost, għajnuna viżwali xierqa tistaʼ tant tħalli impressjoni profonda li kemm l-għajnuna viżwali u kemm il-punt taʼ istruzzjoni jibqgħu f’moħħ is-semmiegħa għal ħafna snin.
Kemm is-sens tas-smigħ u kemm l-abbiltà li naraw għandhom irwol importanti fit-tagħlim. Ftakar kif intużaw dawn is-sensi mill-aqwa Għalliema, u stinka biex timitahom fl-isforzi tiegħek biex tilħaq lil oħrajn.