Prinċipji taʼ Gwida għall-Indokraturi tal-Iskola
F’KULL kongregazzjoni jinħatar anzjan biex ikun l-indokratur tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Jekk ġejt fdat b’din ir-responsabbiltà, l-entużjażmu tiegħek għall-iskola u l-interess persunali li turi fil-progress taʼ kull student jistgħu jkunu fatturi sinifikanti f’dak li l-iskola twettaq lokalment.
Parti importanti mill-inkarigu tiegħek hi li tikkonduċi l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku kull ġimgħa fil-kongregazzjoni tiegħek. Żomm f’moħħok li minbarra l-istudenti li jkollhom l-inkarigi f’ċerti dati, hemm oħrajn li jinsabu fl-attendenza. Ħu ħsieb l-iskola b’tali mod li dawk kollha fil-kongregazzjoni jingħataw tfakkiriet prattiċi li jqanqluhom konnessi mill-inqas maʼ waħda mill-miri tal-iskola msemmijin f’paġna 5 sa 8 taʼ dan il-ktieb.
Ħu interess fl-istudenti kollha, kemm jekk huma mniżżlin fl-iskeda biex jieħdu ħsieb inkarigi taʼ qari, kemm jekk biex jagħmlu preżentazzjonijiet fil-forma taʼ turija, u kemm jekk biex jagħtu taħditiet. Għinhom iħarsu lejn dak li qed jagħmlu bħala opportunità biex jagħmlu progress fis-servizz tagħhom lil Ġeħova u mhux bħala sempliċi inkarigu. M’għandniex xi ngħidu, l-isforz li jagħmlu personalment hu fattur fundamentali għall-progress tagħhom. Imma huwa importanti wkoll li turi interess b’qalb tajba, tgħinhom jifhmu l-valur tal-punti tal-parir, u tispjegalhom kif japplikaw dan il-parir. Għal din ir-raġuni, ismaʼ b’attenzjoni kull taħdita ħalli tipprovdi pariri taʼ valur dwar dak li tosserva.
Kun ċert li tibda u tispiċċa l-iskola fil-ħin. Ħalli eżempju tajjeb billi żżomm il-kummenti tiegħek stess fil-ħin imwarrab għalihom. Jekk taħdita tal-istudenti taqbeż il-ħin, int jew assistent għandu jagħti sinjal. L-istudent għandu jispiċċa s-sentenza tiegħu u jinżel minn fuq il-platform. Jekk xi taħdita oħra fil-programm taqbeż il-ħin, qassar il-kummenti tiegħek stess, u mbagħad iddiskuti l-kwistjoni mal-ħu wara l-laqgħa.
Meta tkun preżenti, għandek tikkonduċi l-iskola int. Jekk kultant ma tkunx tistaʼ tkun preżenti, anzjan ieħor li jkun ġie inkarigat minn qabel mill-ġemgħa tal-anzjani għandu jieħu ħsieb l-iskola. Jekk ikollok bżonn l-għajnuna biex tħejji l-iskedi, tikteb u tqassam il-karti tal-inkarigu, jew tirranġa biex ikun hemm volontieri fil-każ li xi ħadd li jkollu sehem ma jiġix, qaddej ministerjali inkarigat mill-ġemgħa tal-anzjani jistaʼ jgħinek b’dawn l-affarijiet.
Jinkitbu l-Istudenti. Ħeġġeġ lill-pubblikaturi kollha jinkitbu fl-iskola. Oħrajn li qed jissieħbu b’mod attiv mal-kongregazzjoni jistgħu jinkitbu jekk jaqblu mat-tagħlim tal-Bibbja u jekk ħajjithom tkun fi qbil mal-prinċipji Kristjani. Meta xi ħadd jesprimi xewqa biex jinkiteb, faħħru minn qalbek. Jekk l-individwu għadu mhuwiex pubblikatur, int bħala l-indokratur tal-iskola għandek tiddiskuti miegħu l-ħtiġijiet biex dak li jkun jinkiteb fl-iskola, u preferibbilment agħmel dan fil-preżenza taʼ min qed jikkonduċi l-istudju tal-Bibbja miegħu (jew fil-preżenza taʼ ġenitur li jemmen). Dawn il-ħtiġijiet huma l-istess għal individwu li jkun irid isir pubblikatur mhux mgħammed. Jinsabu f’paġni 79 sa 81 tal-ktieb Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda taʼ Ġeħova. Żomm lista aġġornata taʼ dawk kollha miktubin fl-iskola.
Kif Tuża l-Formola tal-Pariri. Il-formola tal-pariri għal kull student tinsab fil-kopja persunali tal-ktieb tiegħu, f’paġna 79 sa 81. Skont kif inhu indikat mill-kuluri, kwalunkwe punt taʼ parir minn 1 sa 17 jistaʼ jintuża meta student jingħata inkarigu taʼ qari. Għall-preżentazzjonijiet li jingħataw fil-forma taʼ turija, jistaʼ jintuża kwalunkwe punt taʼ parir minbarra n-numri 7, 52, u 53. Il-pariri għat-taħditiet jinkludu l-punti kollha minbarra n-numri 7, 18, u 30.
Meta jingħata punt ġdid taʼ parir, l-indokratur tal-iskola għandu jara li jikteb bil-lapes taħt “Data li Fiha Ngħata l-Inkarigu” fl-ispazju provdut ħdejn dan il-punt fil-formola tal-pariri fil-ktieb tal-istudent. Wara li l-istudent iwettaq l-inkarigu tiegħu, staqsih fil-privat jekk għamilx it-taħriġ muri fl-aħħar tad-diskussjoni tal-punt tal-parir. Jekk iva, għandek tagħmel marka fil-kaxxa fuq il-formola. Jekk tagħtih il-parir li jkompli jaħdem fuq l-istess punt taʼ parir, m’hemm għalfejn iżżid ebda nota fuq il-formola tal-pariri, sempliċement timliex il-vojt taħt il-lista “Data li Fiha Tlesta l-Inkarigu.” Għandha ssir marka biss meta jkun lest biex jimxi għall-punt li jmiss. Ukoll, f’paġna 82 tal-ktieb tal-istudent, fuq ix-xellug tas-sitwazzjoni li tkun intużat, għandha tittieħed nota tad-data wara kull taħdita tal-istudenti. Hemm wisaʼ fuq il-formola tal-pariri u fuq il-lista tas-sitwazzjonijiet biex kull waħda tkun tistaʼ tintuża darbtejn. L-istudenti għandhom ikollhom il-kotba magħhom matul il-programm.
Inkariga biss punt wieħed tad-diskors kull darba. Normalment ikun l-aħjar li l-punti tal-pariri jiġu koperti fl-ordni li huma mniżżlin. Madankollu, jekk xi student ikollu abbiltà li tispikka, tistaʼ tinkuraġġih jistudja u japplika ċerti lezzjonijiet waħdu. Imbagħad tistaʼ taħdem miegħu fuq dawk il-punti li temmen li se jikkontribwixxu l-iktar għall-iżvilupp tiegħu bħala kelliemi u għalliem effettiv.
Anki jekk student ikun ilu miktub fl-iskola għal ħafna snin, hu jistaʼ jibbenefika ħafna milli jistudja u japplika kull lezzjoni. Biex tgħin lill-istudenti bi bżonnijiet speċifiċi, tistaʼ tagħżlilhom ċerti kwalitajiet tad-diskors biex jaħdmu fuqhom minflok ma tgħaddi l-pariri fil-formola fl-ordni li huma mniżżlin.
Meta Tagħti Parir. Meta tagħti parir, uża sew l-eżempji u l-prinċipji Bibliċi. L-istudenti għandhom iħossu li l-parir mogħti u l-mod kif jingħata huma mqanqlin mill-prinċipji għoljin tal-Kelma taʼ Alla.
Żomm f’moħħok li int ‘ħaddiem sieħeb’ maʼ ħutek. (2 Kor. 1:24) Bħalhom, għandek bżonn tkompli tistinka int stess biex titjieb bħala kelliemi u għalliem. Studja personalment il-ktieb Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, applika l-pariri li fih, u ħalli eżempju tajjeb għal oħrajn biex jagħmlu l-istess.
Int u tagħmel dan, agħmilha l-mira tiegħek li tgħin lill-istudenti jsiru qarrejja tajbin, kelliema kapaċi, u għalliema effettivi. Għal din ir-raġuni, stinka biex tipprovdi kwalunkwe għajnuna meħtieġa ħalli l-istudenti jifhmu x’inhuma d-diversi kwalitajiet tad-diskors, għala huma importanti, u kif jikkultivawhom. Dan il-ktieb hu mħejji b’tali mod li jgħinek tagħmel dan. Madankollu, spiss int trid tagħmel iktar milli sempliċement taqra l-kliem fil-ktieb. Iddiskuti l-ħsieb li jesprimi dan il-kliem u kif jistaʼ jiġi applikat.
Jekk student imur tajjeb meta jaħdem fuq xi punt, faħħru. Semmi fil-qosor x’għamel lill-punt effettiv jew għala dak li għamel huwa importanti. Jekk jistaʼ jibbenefika milli jagħti iktar attenzjoni lil xi ħaġa partikulari, kun ċert li jifhem għala. Iddiskutu kif jistaʼ jagħmel dan. Kun speċifiku, u fl-istess ħin, uri qalb tajba.
Irrealizza li għal ħafna hu tassew diffiċli li jitilgħu fuq il-platform biex jagħmlu preżentazzjoni quddiem grupp taʼ nies. Jekk individwu jħoss li ma marx tajjeb, għandu mnejn jaħsibha darbtejn dwar jekk għandux jibqaʼ jipprova. Imita lil Ġesù li ma kisirx “qasba mxaqqa” u ma tefiex “ftila tal-kittien tnemnem.” (Mt. 12:20) Ikkunsidra l-istat emozzjonali tal-istudent. Meta tagħti parir, kun gwidat minn jekk l-istudent huwiex kemxejn ġdid jew jekk huwiex pubblikatur tal-esperjenza. Tifħir mill-qalb u ġenwin jistaʼ jsaħħaħ lin-nies biex jibqgħu jagħmlu l-aħjar tagħhom.
Ittratta kull student b’mod dinjituż. Rumani 12:10 jgħidilna: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” X’parir xieraq għal min jagħti l-pariri fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku! Jekk l-istudent hu akbar minnek, applika b’attenzjoni d-direzzjoni mogħtija fl-1 Timotju 5:1, 2. Però, minkejja l-età tal-individwu, meta l-parir li jinvolvi aġġustament fil-mod kif jagħmel l-affarijiet jingħata b’qalb tajba, spiss dan jiġi aċċettat iktar mill-qalb.—Prov. 25:11.
Meta tagħti parir, żomm f’moħħ l-istudent il-mira tat-taħriġ. Din il-mira mhijiex sempliċement li jmur tajjeb biżżejjed ħalli jiġi mfaħħar u biex tgħidlu jibqaʼ għaddej għall-punt tal-parir li jmiss. Il-mira mhijiex li jkun kelliemi u għalliem li jiġi ammirat minn oħrajn. (Prov. 25:27) Ix-xewqa tagħna hi li nużaw l-għotja tagħna tad-diskors biex infaħħru lil Ġeħova u ngħinu lil oħrajn isiru jafuh u jħobbuh. It-taħriġ tagħna qiegħed biex jarmana ħalli nieħdu ħsieb b’mod effettiv ix-xogħol imsemmi f’Mattew 24:14 u 28:19, 20. L-aħwa rġiel mgħammdin li jikkwalifikaw jistgħu maż-żmien jiġu mistidnin biex jieħdu sehem f’li jieħdu ħsieb “il-merħla t’Alla” bħala kelliema u għalliema pubbliċi.—1 Pt. 5:2, 3.
Issuġġerixxi li l-istudenti jaqraw id-diskussjoni fil-ktieb tal-punt tal-parir li jmiss ftit ġranet wara li jiġu inkarigati bih. Ħeġġiġhom japplikaw dak li jitgħallmu meta jippreparaw għas-sehem li jkollhom fl-iskola, fil-konversazzjoni taʼ kuljum, meta jikkummentaw fil-laqgħat, u fis-servizz tal-għalqa.
It-Tqassim tal-Inkarigi. Dan ġeneralment għandu jsir mill-inqas tliet ġimgħat minn qabel. Dawn l-inkarigi kollha għandhom jingħataw fuq karta miktuba jekk inhu possibbli.
It-taħditiet li jinvolvu tagħlim lill-kongregazzjoni għandhom jingħataw lill-anzjani, preferibbilment lil dawk li jistgħu jagħtu dawn it-taħditiet b’mod effettiv, u lill-qaddejja ministerjali li huma għalliema tajbin.
Meta tiddeċiedi liema taħditiet tal-istudenti se tagħti lill-aħwa rġiel u liema se tagħti lill-aħwa nisa, segwi l-istruzzjonijiet provduti fl-iskeda tal-iskola. Jekk hemm ftit aħwa rġiel u ħafna aħwa nisa li jagħtu t-taħditiet tal-istudenti, oqgħod attent li tagħti lill-aħwa rġiel biżżejjed opportunitajiet biex jagħtu taħditiet li jinvolvu iktar minn qari biss.
Ikkunsidra ċ-ċirkustanzi tal-individwi meta tqassam l-inkarigi. Hemm bżonn li tinkariga lil ċertu anzjan jew qaddej ministerjali biex jagħti taħdita fl-iskola fl-istess lejla li jkollu xi ħaġa fil-Laqgħa tas-Servizz jew fl-istess ġimgħa li jkollu taħdita pubblika fil-kongregazzjoni? Huwa neċessarju li tinkariga ċerta oħt biex tagħmel preżentazzjoni fl-istess lejla li jkun se jagħti taħdita xi ħadd minn uliedha ż-żgħar, li forsi jkollha bżonn tgħinu? Speċjalment fil-każ taʼ xi ħadd żgħir jew student li għadu ma tgħammidx, huwa s-suġġett adattat? Iċċekkja biex tkun ċert li l-inkarigu hu adattat għall-punt tal-parir li jkun qed jaħdem fuqu l-istudent.
Għall-inkarigi li jingħataw lill-aħwa nisa, l-istudenta ġeneralment tagħżel is-sitwazzjoni tagħha stess fi qbil mal-istruzzjonijiet f’paġni 78 u 82. Għandha tiġi inkarigata assistenta waħda, imma tistaʼ tintuża wkoll it-tieni assistenta. Jekk l-istudenta titlob assistenta li tkun adattata b’mod partikulari għal ċerta sitwazzjoni, għandek tikkunsidra din ir-rikjesta.
Klassijiet Oħrajn. Jekk hemm iktar minn 50 student miktubin fl-iskola, tistaʼ tikkunsidra li żżid il-klassijiet għat-taħditiet tal-istudenti. Skont il-bżonn lokali, dan l-arranġament jistaʼ jintuża għall-preżentazzjonijiet kollha tal-istudenti jew għall-aħħar tnejn biss.
Kull klassi oħra għandha jkollha ħu kwalifikat li jagħti l-pariri, preferibbilment anzjan. Meta jkun hemm bżonn, qaddej ministerjali li jikkwalifika sew jistaʼ jissostitwih. Il-ġemgħa tal-anzjani trid tapprova lil dawn l-uħud li jagħtu l-pariri. Aħdem f’kooperazzjoni mill-qrib magħhom ħalli jkunu jistgħu jingħataw il-pariri lill-istudenti minkejja fejn ikunu se jagħtu l-preżentazzjoni tagħhom li jmiss.
Klassijiet Speċjali għall-Qari. Jekk il-ġemgħa tal-anzjani tiddeċiedi li għadd taʼ pubblikaturi għandhom bżonn tagħlim bażiku fil-qari bil-lingwa mitkellma fil-kongregazzjoni, tistaʼ tagħmel arranġamenti biex dan isir fl-istess ħin tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Dan it-tagħlim jistaʼ jinvolvi abbiltajiet bażiċi tal-qari, jew il-mira tistaʼ tkun li jsir titjib fil-qari.
Dawn il-klassijiet mhux bilfors iridu jsiru waqt li jkunu qed jingħataw it-taħditiet tal-istudenti fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Sabiex tiġi provduta biżżejjed għajnuna, jistaʼ jkun hemm bżonn iktar ħin milli jkun possibbli waqt l-iskola. L-anzjani lokali jistgħu jiddeċiedu x’hemm bżonn u meta għandu jsir dan it-tagħlim. Skont il-bżonn, jistgħu jsiru arranġamenti biex jingħata t-tagħlim lil grupp sħiħ jew inkella biex jingħata tagħlim individwali.
Huwa meħtieġ għalliem kwalifikat. Preferibbilment, l-inkarigu għandu jingħata lil ħu li hu qarrej tajjeb u li jaf il-lingwa sew. Jekk ħu ma jkunx disponibbli, l-anzjani jistgħu jistaqsu lil oħt kapaċi u eżemplari biex tagħti l-għajnuna tagħha. Għandha tgħatti rasha meta tgħallem lill-klassi.—1 Kor. 11:3-10; 1 Tim. 2:11, 12.
Il-ktejjeb Apply Yourself to Reading and Writing huwa disponibbli b’ħafna lingwi. Dan huwa disinjat biex jgħallem abbiltajiet bażiċi tal-qari. Jistaʼ jintuża wkoll materjal ieħor taʼ istruzzjoni, skont il-livell tal-abbiltà tal-qari taʼ dawk miktubin fl-iskola. Meta l-istudenti jkunu għamlu biżżejjed progress, huma għandhom jiġu inkuraġġiti jieħdu sehem fil-programm regulari tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.
Bħala l-indokratur tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, int tistaʼ tagħmel ħafna affarijiet għall-ġid tal-kongregazzjoni. Ipprepara sew, u fi qbil mal-parir f’Rumani 12:6-8, ħu ħsieb l-inkarigu tiegħek bħala teżor prezzjuż mingħand Alla.