L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku tal-2015 tgħinna ntejbu t-tagħlim tagħna
1 Is-salmista David kiteb: “Ħa jkunu kliem fommi u l-meditazzjoni taʼ qalbi pjaċevoli quddiemek, O Ġeħova, il-Blata tiegħi u l-Feddej tiegħi.” (Salm 19:14) Aħna wkoll irridu li kliemna jkun pjaċevoli quddiem Ġeħova għax ngħożżu l-privileġġ li nitkellmu dwar il-verità fil-kongregazzjoni u fil-ministeru. L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku hi wieħed mill-modi kif Ġeħova jħarriġna għall-ministeru. Dan it-taħriġ iseħħ kull ġimgħa f’iktar minn 111,000 kongregazzjoni madwar id-dinja. Dan għen lill-aħwa rġiel u nisa madwar id-dinja, kienet x’kienet it-trobbija tagħhom, biex isiru kwalifikati bħala ministri tal-aħbar tajba, kapaċi biex jgħallmu b’persważjoni, tattika, u qlubija.—Atti 19:8; Kol. 4:6.
2 L-iskeda tal-iskola għall-2015 se tinkludi suġġetti diskussi fl-Introduzzjoni għall-Kelma t’Alla, kif ukoll materjal minn pubblikazzjonijiet oħra. Minbarra dan, saru aġġustamenti fl-ammont taʼ ħin allokat għall-punti prinċipali mill-Bibbja u Inkarigu Nru. 1. Dawn il-bidliet flimkien mal-istruzzjonijiet dwar kif se jiġu preżentati l-inkarigi fl-iskola se jiġu kkunsidrati fil-paragrafi li ġejjin.
3 Punti Prinċipali mill-Bibbja: Aħwa rġiel li jkunu inkarigati b’din id-diskussjoni se jkollhom żewġ minuti biex jikkunsidraw punt Skritturali interessanti u prattiku wieħed mill-qari tal-Bibbja taʼ dik il-ġimgħa. Preparazzjoni tajba se tgħin biex il-ħu jaqsam punt taʼ valur mal-kongregazzjoni fil-ħin allokat għalih. Wara dan, il-kongregazzjoni bħas-soltu se jkollha sitt minuti biex toffri kummenti taʼ 30 sekonda jew inqas dwar punti interessanti li sabet fil-qari tal-Bibbja taʼ dik il-ġimgħa. Veru, hemm bżonn taʼ preparazzjoni u rażna biex nagħtu kumment interessanti fi 30 sekonda, imma dan ikun taħriġ tajjeb għalina. Ukoll, jagħti ċans biex oħrajn ikunu jistgħu jikkummentaw fuq dak li sabu huma fir-riċerka persunali tagħhom.
4 Inkarigu Nru. 1: Il-ħin allokat għall-qari tal-Bibbja tnaqqas għal tliet minuti jew inqas u l-qari se jkopri inqas materjal. Dawk li jirċievu inkarigu tal-qari għandhom jgħaddu l-materjal diversi drabi billi jaqrawh b’leħen għoli u joqogħdu attenti li jużaw pronunzja xierqa u jkunu fluwenti biex b’hekk jaqsmu l-ħsibijiet b’mod li jinftiehem. Il-poplu taʼ Ġeħova kollu għandu jistinka biex jaqra b’mod tajjeb għax il-qari għandu rwol importanti fil-qima tagħna. Kemm aħna ferħanin li ħafna minn uliedna jaqraw b’mod fluwenti! Il-ġenituri għandhom jiġu mfaħħrin għall-isforzi bi mħabba tagħhom biex jgħinu lil uliedhom isiru qarrejja tajbin.
5 Inkarigu Nru. 2: Dan se jkun preżentazzjoni taʼ ħames minuti assenjat lil oħt. Għandha tintuża t-tema assenjata. Meta l-inkarigu jkun ibbażat fuq materjal fil-ktejjeb Introduzzjoni għall-Kelma t’Alla, għandu jiġi applikat f’aspett tas-servizz tal-għalqa b’mod li jkun realistiku u prattiku għat-territorju lokali. Meta l-inkarigu jkun ibbażat fuq karattru Bibliku, l-istudenta għandha tistudja l-informazzjoni li hemm fir-referenza provduta, tagħżel skritturi addattati, u turi x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju Bibliku. Inkluż fit-taħdita jistgħu jintużaw skritturi li għandhom x’jaqsmu mat-tema. L-indokratur tal-iskola se jinkariga assistenta waħda.
6 Inkarigu Nru. 3: Dan se jkun preżentazzjoni taʼ ħames minuti assenjat lil ħu jew oħt. Meta jiġi assenjat lil oħt, irid jiġi preżentat bħalma hu muri f’Inkarigu Nru. 2. Meta jiġi assenjat lil ħu, il-materjal ibbażat fuq karattru Bibliku għandu jingħata bħala taħdita bl-udjenza f’moħħu. L-istudent għandu jiżviluppa t-tema li ngħata, jagħżel liema skritturi addattati se juża, u juri li dak li jkun jistaʼ jitgħallem mill-eżempju taʼ karattru Bibliku.
7 Aspett ġdid taʼ Inkarigu Nru. 3 għall-aħwa rġiel: Meta l-inkarigu jkun ibbażat fuq materjal fil-ktejjeb Introduzzjoni għall-Kelma t’Alla, għandu jiġi preżentat f’forma taʼ turija li fiha l-ħu qed jagħmel il-qima bħala familja jew qiegħed fis-servizz tal-għalqa. Normalment, l-indokratur tal-iskola se jassenja l-assistent jew l-assistenta u s-sitwazzjoni tat-taħdita. L-assistent jew l-assistenta għandha tkun membru tal-familja tal-istudent li jkun qed jagħti t-taħdita jew ħu fil-kongregazzjoni. Jistgħu jintużaw ukoll skritturi oħrajn li jenfasizzaw il-prinċipji Bibliċi li għandhom x’jaqsmu mat-tema. Minn żmien għal żmien, anzjan jistaʼ jiġi inkarigat b’dan l-inkarigu. L-anzjan jistaʼ jagħżel l-assistent u s-sitwazzjoni tiegħu stess. Żgur li se jkun inkuraġġanti għall-kongregazzjoni biex tara lill-anzjani juru l-arti tat-tagħlim maʼ membru tal-familja jew maʼ xi ħu ieħor.
Agħmel avvanz billi taċċetta u tapplika l-pariri
8 Pariri: L-indokratur tal-iskola se juża żewġ minuti wara kull preżentazzjoni taʼ student biex ifaħħar u biex jagħti pariri li jibnu bbażati fuq il-ktieb Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Meta l-indokratur tal-iskola jintroduċi l-inkarigu tal-istudent fl-iskola, m’għandux isemmi liema parir l-istudent ikun qed jaħdem fuqu. Wara l-preżentazzjoni, l-indokratur għandu jfaħħar b’mod sinċier lill-istudent, isemmi l-parir li l-istudent qed jaħdem fuqu, u jgħid b’mod speċifiku għala għamlu sew jew inkella jispjega bil-ħlewwa għala jkun tajjeb għall-istudent li jerġaʼ jaħdem fuq dak il-parir.
9 Il-formola tal-pariri tal-istudent tinsab f’paġni 79 sa 81 tal-kopja persunali tiegħu tal-ktieb Skola tal-Ministeru. Wara li l-istudent iwettaq l-inkarigu tiegħu, l-indokratur tal-iskola għandu jagħmel in-noti xierqa fil-ktieb tal-istudent u għandu jistaqsih fil-privat jekk għamilx it-taħriġ relatat mal-punt tal-parir. Tifħir u pariri oħrajn t’għajnuna jistgħu jingħataw lill-istudent wara l-laqgħa jew f’ħin ieħor. L-attenzjoni persunali li kull student jirċievi għandha titqies bħala opportunità biex tgħinu javvanza spiritwalment.—1 Tim. 4:15.
10 Jekk xi inkarigu taʼ student jaqbeż il-ħin, l-indokratur tal-iskola jew l-assistent għandu jagħti sinjal, bħal pereżempju jdoqq xi qanpiena jew iħabbat mal-mejda, biex bit-tattika juri li l-ħin skada. Meta l-istudent jismaʼ dan is-sinjal, għandu jispiċċa s-sentenza li qed jgħid u jinżel minn fuq il-platform.—Ara l-ktieb Skola tal-Ministeru, p. 282, para. 4.
11 Dawk kollha li jilħqu l-ħtiġijiet huma inkuraġġiti biex jinkitbu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. (Ara l-ktieb Skola tal-Ministeru, p. 282, para. 6.) L-edukazzjoni li tipprovdi din l-iskola għamlitha possibbli li n-nies taʼ Ġeħova jippritkaw u jgħallmu l-aħbar tajba tas-Saltna b’konvinzjoni, dinjità, u mħabba. Ġeħova mingħajr ebda dubju jieħu pjaċir jiġi mfaħħar minn dawk kollha li qed jibbenefikaw bil-kbir mill-edukazzjoni teokratika!—Salm 148:12, 13; Is. 50:4.