LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lr kap. 5 pp. 32-36
  • “Dan Hu Ibni”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Dan Hu Ibni”
  • Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
  • Materjal Simili
  • Ġesù Kristu—⁠Kif Għandna Niftakru Fih?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Ġesù Jitwieled fi Stalla
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Ġesù Tgħallem Ikun Ubbidjenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Anġlu Jżur lil Marija
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
lr kap. 5 pp. 32-36

KAPITLU 5

“Dan Hu Ibni”

META t-​tfal jagħmlu affarijiet tajbin, dawk li jieħdu ħsiebhom ikunu kuntenti bihom. Meta tifla tagħmel xi ħaġa tajba, missierha jifraħ għax ikun jistaʼ jgħid lil oħrajn: “Din it-​tifla tiegħi.” Jew jekk tifel jagħmel affarijiet tajbin, missieru jieħu gost jgħid: “Dan it-​tifel tiegħi.”

Ġesù dejjem jagħmel dak li jogħġob lil Missieru. Allura Missieru jifraħ ħafna bih. Tiftakar x’għamel Missier Ġesù darba waħda meta Ġesù kien maʼ tlieta mid-​dixxipli tiegħu?— Iva, Alla tkellem mis-​sema biex jgħidilhom: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.”—Mattew 17:5.

Ġesù dejjem jieħu pjaċir jagħmel l-​affarijiet li jogħġbu lil Missieru. Taf għala? Għax hu veru jħobbu lil Missieru. Jekk persuna tagħmel l-​affarijiet taʼ bilfors, din se tarahom diffiċli. Imma jekk tkun lesta li tagħmilhom se jkun iktar faċli. Taf x’jiġifieri li tkun lest li tagħmel xi ħaġa?— Jiġifieri li tagħmilha għax veru trid.

Anki qabel Ġesù ġie fuq l-​art, hu kien lest li jagħmel kulma kien jgħidlu Missieru. Ir-​raġuni hi li hu jħobb lil Missieru, Alla Ġeħova. Ġesù kellu post sabiħ ħafna fis-​sema maʼ Missieru. Imma Alla kellu xogħol speċjali għal Ġesù. Biex jagħmel dak ix-​xogħol, Ġesù kellu jitlaq mis-​sema. Kellu jitwieled bħala tarbija fuq l-​art. Ġesù kien lest li jagħmel dan għax Ġeħova riedu jagħmel hekk.

L-anġlu Gabrijel jidher lil Marija

L-​anġlu Gabrijel x’qalilha lil Marija?

Biex jitwieled bħala tarbija fuq l-​art, Ġesù kellu bżonn omm. Taf min kienet?— Kien jisimha Marija. Ġeħova bagħat lill-​anġlu tiegħu Gabrijel mis-​sema biex ikellem lil Marija. Gabrijel qalilha li kien se jkollha tarbija tifel. It-​tifel kien se jkun jismu Ġesù. U min kien se jkun missier it-​tarbija?— L-​anġlu qal li Missier it-​tarbija kien se jkun Alla Ġeħova. Għalhekk Ġesù kien se jissejjaħ l-​Iben t’Alla.

Kif taħseb li ħassitha Marija dwar dan?— Taħseb li qalet, “Ma rridx inkun omm Ġesù”? Le, Marija kienet lesta li tagħmel dak li ried Alla. Imma l-​Iben t’Alla fis-​sema kif setaʼ jitwieled bħala tarbija fuq l-​art? It-​twelid taʼ Ġesù kif kien differenti mit-​twelid tat-​trabi l-​oħra kollha? Int taf?—

Meta Alla għamel lill-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, hu għamilhom li jkunu jistgħu jiltaqgħu flimkien b’mod speċjali. Imbagħad, tarbija tkun tistaʼ tibda tikber ġo ommha. In-​nies jgħidu li dan huwa miraklu! Żgur li int hekk taħseb ukoll.

Issa Alla għamel miraklu akbar. Hu qabad il-​ħajja taʼ Ibnu mis-​sema u poġġieha ġo Marija. Alla qatt ma kien għamel hekk qabel, u qatt ma reġaʼ għamel hekk darb’oħra. Permezz taʼ dan il-​miraklu, Ġesù beda jikber ġo Marija bħalma trabi oħra jikbru ġo ommhom. Imbagħad, Marija żżewġet lil Ġużeppi.

Meta wasal iż-​żmien biex jitwieled Ġesù, Marija u Ġużeppi kienu marru fil-​belt taʼ Betlehem. Imma kien hemm ħafna nies hemmhekk. Marija u Ġużeppi lanqas biss setgħu jsibu kamra fejn joqogħdu, u allura kellhom joqogħdu f’post fejn jinżammu l-​annimali. Hemmhekk Marija welldet lil Ġesù u poġġewh f’maxtura, kif tistaʼ tara hawn. Maxtura hija kaxxa li jkun fiha l-​ikel tal-​baqar u annimali oħra biex dawn jieklu minnha.

Marija u Ġużeppi jpoġġu lil Ġesù f’maxtura

Lil Ġesù għala qed ipoġġuh f’maxtura?

Fil-lejl meta twieled Ġesù ġraw affarijiet sbieħ ħafna. Ħdejn Betlehem, kien hemm anġlu li deher lil xi rgħajja. Dan qalilhom li Ġesù kien persuna importanti. L-​anġlu qal: ‘Ara! Qed ngħidilkom aħbar tajba li biha n-​nies se jifirħu. Illum twieled xi ħadd li se jsalva n-​nies.’—Luqa 2:​10, 11.

Ir-rgħajja jinnotaw lill-anġli jfaħħru lil Alla

Wieħed minn dawn l-​anġli x’aħbar tajba qalilhom lir-​rgħajja?

L-anġlu qal lir-​rgħajja li huma setgħu jsibu lil Ġesù f’Betlehem, rieqed f’maxtura. Imbagħad, f’daqqa waħda, anġli oħra fis-​sema bdew ifaħħru lil Alla flimkien maʼ l-​ewwel anġlu. “Glorja lil Alla,” kantaw l-​anġli, “u paċi fuq l-​art fost il-​bnedmin taʼ rieda tajba.”—Luqa 2:​12-14.

Meta l-​anġli telqu, ir-​rgħajja marru Betlehem u sabu lil Ġesù. Hemmhekk qalu lil Ġużeppi u Marija l-​affarijiet sbieħ kollha li kienu semgħu. Tistaʼ timmaġina kemm kienet ferħana Marija li kienet aċċettat li tkun omm Ġesù?

Iktar tard, Ġużeppi u Marija ħadu lil Ġesù fil-​belt taʼ Nazaret. Ġesù għex u kiber hemmhekk. Meta kiber, hu beda x-​xogħol kbir tiegħu bħala għalliem. Dan kien parti mix-​xogħol li Alla Ġeħova ried lil Ibnu jagħmel fuq l-​art. Ġesù kien lest li jagħmel dan ix-​xogħol għax kien iħobbu ħafna lil Missieru tas-​sema.

Qabel ma Ġesù beda x-​xogħol tiegħu bħala l-​Għalliem il-​Kbir, hu tgħammed fix-​Xmara Ġordan minn Ġwanni l-​Battista. Imbagħad ġrat xi ħaġa kbira! Waqt li Ġesù kien ħiereġ mill-​ilma, Ġeħova tkellem mis-​sema u qal: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17) Ma tiħux gost meta l-​ġenituri tiegħek jgħidulek li jħobbuk?— Żgur li Ġesù ħa gost ukoll.

Ġesù dejjem kien jagħmel dak li hu tajjeb. Ma kienx jippretendi li hu xi ħadd li ma kienx. Ma qalx lin-​nies li kien Alla. L-​anġlu Gabrijel kien qal lil Marija li Ġesù kellu jissejjaħ l-​Iben t’Alla. Ġesù stess qal li kien l-​Iben t’Alla. U ma qalx lin-​nies li kien jaf iktar minn Missieru. Hu qal: “Il-​Missier akbar minni.”—Ġwanni 14:28.

Anki fis-​sema, meta Missier Ġesù kien jagħtih xi xogħol x’jagħmel, Ġesù kien jagħmlu. Ma kienx jgħid li se jagħmlu u mbagħad jagħmel xi ħaġa oħra. Hu kien iħobbu lil Missieru. Allura kien jismaʼ minn dak li kien jgħidlu Missieru. Imbagħad meta Ġesù ġie fuq l-​art, hu għamel dak li bagħtu jagħmel Missieru tas-​sema. Ma qagħadx juża l-​ħin biex jagħmel xi ħaġa oħra. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova huwa ferħan b’Ibnu!

Aħna rridu li Ġeħova jkun ferħan bina wkoll, mhux hekk?— Mela rridu nuru li veru nisimgħu minn Alla, bħalma għamel Ġesù. Alla jkellimna permezz tal-​Bibbja. Ma jkunx tajjeb li taparsi nisimgħu minn Alla imma mbagħad nemmnu u nagħmlu affarijiet li huma kontra l-​Bibbja, x’taħseb?— U tinsiex, se nieħdu pjaċir nagħmlu dak li jogħġob lil Ġeħova jekk veru nħobbuh.

Issa aqra dawn il-​versi oħra tal-​Bibbja li juru x’għandna bżonn inkunu nafu u nemmnu dwar Ġesù: Mattew 7:​21-23; Ġwanni 4:​25, 26; u l-​1 Timotju 2:​5, 6.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja