18 GIDEGĦON
Kien Attent u Kuraġġuż
PERSUNA kuraġġuża għandha bżonn tkun attenta wkoll. Meta xi ħadd ikun attent, mhux se jkun kunfidenti żżejjed u se jevita li jagħmel xi ħaġa perikoluża. Gidegħon kien kuraġġuż u dejjem kien attent. Hu għex fi żmien meta l-Iżraelin reġgħu ma kinux leali lejn Ġeħova. Minħabba f’hekk, Ġeħova waqaf jipproteġihom mill-għedewwa tagħhom u għalhekk il-Midjanin invadew l-art tagħhom. Għal darba wara l-oħra, il-Midjanin kienu jattakkaw lill-Iżraelin u għalhekk, huma kienu jibżgħu jaħdmu fl-għelieqi tagħhom. Imma Gidegħon kien kuraġġuż u baqaʼ jipprovdi l-ikel lin-nies tiegħu. Biex jagħmel dan kellu jkun attent. Hu kien ikisser il-qamħ fil-post fejn kienu jagħsru l-inbid, li x’aktarx kien imħaffer taħt l-art, biex b’hekk il-Midjanin ma kinux jarawh.
Is-sitwazzjoni tant saret diffiċli li l-Iżraelin bdew jitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom. Allura, hu bagħat profeta ħalli jfakkarhom għala hu kien waqaf jipproteġihom. Iktar tard, Ġeħova bagħat anġlu biex jgħid lil Gidegħon li Ġeħova kien għażlu biex isalva lin-nies tiegħu. Gidegħon saqsa lill-anġlu jagħtih sinjal ħalli jurih li Ġeħova kien bagħtu. Allura l-anġlu għamel miraklu u mill-blata fejn Gidegħon kellu s-sagrifiċċji beda tielaʼ n-nar. Wara dan, l-anġlu sparixxa. Dak il-lejl, Ġeħova qal lil Gidegħon biex ikisser l-artal taʼ Bagħal li kien għamel missieru u l-arblu sagru, u mbagħad jibni artal għal Ġeħova u joffri sagrifiċċju. Gidegħon obda imma minħabba li beżaʼ x’setgħu jagħmlulu missieru u n-nies tal-belt, hu għamel dan billejl ħalli ħadd ma jarah.
Ftit wara li ġara dan, in-nies kollha taʼ Midjan, t’Għamalek, u tal-Lvant ingħaqdu flimkien biex jiġġieldu kontra l-Iżraelin. Tant kienu armata kbira li mlew il-wied taʼ Ġeżragħel kollu. Bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, Gidegħon bagħat xi messaġġiera għand it-tribujiet taʼ Manasse, Aser, Żebulun, u Naftali biex jgħinuh jiġġieled. Imma Gidegħon reġaʼ qagħad attent. Hu saqsa lil Ġeħova biex jagħmel żewġ mirakli ħalli jurih li vera kien qiegħed miegħu. Ġeħova kien paċenzjuż miegħu u għamel dak li qallu. Dak il-lejl, meta Gidegħon poġġa ftit suf tan-nagħaġ mal-art, Ġeħova xarrbu bin-nida waqt li l-art taʼ madwaru baqgħet niexfa. Il-lejl taʼ wara, Ġeħova ġiegħel li s-suf ma jixxarrabx waqt li l-art ixxarrbet kollha bin-nida.
Gidegħon u l-irġiel tiegħu kienu vera ftit meta mqabblin mal-għadu, imma Ġeħova qal lil Gidegħon biex iċekken l-armata tiegħu
Dawn iż-żewġ mirakli tawh biżżejjed kuraġġ biex jieħu l-armata żgħira tiegħu taʼ 32,000 raġel biex jiġġieldu kontra l-għadu taʼ 135,000 suldat. Waqt li Gidegħon u s-suldati Iżraelin kienu kkampjati ħdejn il-Bir taʼ Ħarod, Ġeħova qal lil Gidegħon li l-armata tiegħu kienet kbira wisq. Allura Ġeħova dderieġa lil Gidegħon biex jgħid lis-suldati li kienu qed jibżgħu biex imorru d-dar. Kulma kien għad fadal kienu 10,000 raġel. Imma Ġeħova ra li xorta kien għad baqaʼ ħafna suldati u qallu biex jinnota l-irġiel tiegħu waqt li kienu qed jixorbu l-ilma. Is-suldati li niżlu għarkopptejhom u għamlu wiċċhom viċin l-ilma biex jixorbu kellhom jitilqu. Imma dawk li tbaxxew u tellgħu l-ilma b’idejhom biex jixorbu waqt li baqgħu attenti għal x’qed jiġri madwarhom, kellhom jibqgħu. Allura Gidegħon spiċċa bi 300 raġel biss!
Għalkemm kellu armata veru żgħira, Gidegħon kien kuraġġuż u kien lest biex jattakka. Ġeħova reġaʼ aċċertah li kien qiegħed miegħu. Hu qallu biex mal-lejl jidħol fil-kampijiet u ma jagħmilx storbju. Gidegħon hekk għamel. Malli daħal, hu semaʼ suldat jgħid lil suldat ieħor dwar ħolma li kellu. Is-suldat l-ieħor qallu li l-ħolma kienet tfisser li l-Iżraelin kienu se jirbħu din il-battalja. Grazzi għal Ġeħova, Gidegħon ħassu iktar kunfidenti. Għalhekk, hu mar lura ħdejn l-irġiel tiegħu u tahom direzzjonijiet dwar kif għandhom jirbħu l-battalja. Hu qalilhom: “Ħarsu lejja u agħmlu eżatt bħali.” Mal-lejl, Gidegħon u l-irġiel tiegħu daru mal-kampijiet tal-għadu u magħhom kellhom ġarar kbar, torċi, u qarn. Meta Gidegħon tahom sinjal, huma daqqew il-qarn u kissru l-ġarar, u mbagħad għajtu: “Ix-xabla taʼ Ġeħova u taʼ Gidegħon.” Minħabba l-ħoss kbir li għamlu u d-dawl li kien hemm, l-għedewwa tagħhom ħasbu li kienu mdawrin b’armata kbira u li kienet qed tattakkahom. Huma bdew jibżgħu u kollha kienu f’konfużjoni! Imbagħad Ġeħova ġegħelhom jattakkaw u joqtlu lil xulxin. Madwar 15,000 biss salvaw u ħarbu.
Gidegħon mar jiġri warajhom. Fl-aħħar hu għeleb lill-Midjanin u qatel lill-mexxejja tagħhom. Gidegħon ikkastiga wkoll lil xi Iżraelin li ma ridux jagħtu ikel lilu u lis-suldati tiegħu waqt li kienu qed jiġġieldu għal Ġeħova. Imbagħad in-nies pruvaw jagħmlu lil Gidegħon re. Imma hu kien umli u rrifjuta u qalilhom: “Ġeħova se jmexxi fuqkom.” Alla ppremja lil dan ir-raġel li kien kuraġġuż u li dejjem qagħad attent. Kien hemm il-paċi matul iż-żmien li Gidegħon kien imħallef fuq Iżrael u hu għex ħajja twila. Iktar minn elf sena wara, l-appostlu Pawlu niżżel lil Gidegħon fil-lista taʼ rġiel u nisa li wrew fidi kbira.—Lhud 11:32.
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Gidegħon kif wera kuraġġ?
Fittex Iktar
1. F’ħolma, is-suldat ra “ftira tax-xgħir.” Dan għala jirrappreżenta sew l-armata taʼ Gidegħon? (Imħ. 7:13; it “Xgħir” ¶7-wcgr)
2. Il-ħoss taʼ 300 qarn għala tefaʼ f’konfużjoni u beżżaʼ lill-Midjanin? (it “Qarn” ¶3-wcgr) A
Stampa A: Il-qarn kien jindaqq biex jagħti sinjal
3. Gidegħon u l-armata tiegħu x’kellhom jagħmlu biex jirbħu lill-Midjanin? (w04 10/15 15 ¶9-10) B
Stampa B: Gidegħon ġera wara l-Midjanin għal madwar 80 kilometru sa Ġogbegħa (ma nafux eżatt minn fejn għadda)
4. X’dettalji hemm fil-Bibbja li jagħtuk prova li din l-istorja hi eżatta? (w05 4/15 32)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Gidegħon wassal lin-nies t’Alla għal rebħa. Imma hu baqaʼ umli u dejjem żamm il-paċi meta tkellem m’oħrajn. (Imħ. 8:1-3) Il-kapijiet tal-familja u l-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Gidegħon meta xi ħadd ma jiħux pjaċir b’dak li jkunu għamlu?
F’liema sitwazzjonijiet jaf ikollna bżonn inkunu kemm kuraġġużi kif ukoll attenti? Ċ
Stampa Ċ
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wera Gidegħon?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Gidegħon, x’nixtieq nistaqsih?
Tgħallem Iktar
Kif tistaʼ timita lil Gidegħon meta tirċievi privileġġ?
Uża din l-istorja tal-Bibbja bl-istampi biex tgħin lit-tfal tiegħek jafdaw f’Alla.