Dalwaqt M’Hemmx Iktar Mard jew Mewt!
ĦADD ma jieħu gost ikun marid, u l-bnedmin lanqas ma jridu li jmutu.Professur tas-soċjoloġija medika jinsisti: “It-tfittxija għal ħajja itwal tidher li hi kważi universali matul l-istorja u fil-biċċa l-kbira tas-soċjetajiet. Hija relatata mal-ġirja bażika biex wieħed jippreserva lilu nnifsu . . . Ponce de Leon huwa l-iktar wieħed famuż minn lista sħiħa taʼ rġiel li qattgħu ħajjithom ifittxu ħajja itwal. Il-maġġoranza tax-xjenza medika hija ddedikata biex tippriserva ħajja itwal billi tikkumbatti l-mard u l-mewt.”
Il-mewt tant toffendi n-natura ġewwinija tagħna li meta tmiss lill-ħbieb u membri tal-familja, aħna kważi b’mod naturali nippruvaw inrattbu l-impatt tagħha. Il-ktieb Funeral Customs the World Over josserva: “M’hemm ebda grupp, primittiv kemm hu primittiv b’mod estrem jew ċivilizzat min-naħa l-oħra, li meta jiġi mħolli liberu u bil-mezzi tiegħu ma jiħux ħsieb l-iġsma tal-membri tiegħu b’ċerimonja.... Jissodisfa xewqat profondi u universali. Jekk jiġu mwettqin jidhru ‘tajbin,’ u jekk ma jiġux imwettqin, partikolarment għal dawk li jkunu konnessi mal-familja, jew emozzjonalment, jew għaliex għexu flimkien, jew kellhom esperjenza komuni jew xi rabtiet oħra, jidhru ‘ħżiena,’ nuqqas mhux naturali, kwistjoni li għandha tingħata apoloġija għaliha jew xi ħaġa taʼ misthija.... [Il-bniedem] huwa maħluq li jidfen il-mejtin tiegħu b’ċerimonja.”
L-Oriġini tal-Mard u l-Mewt
L-idea li l-mard u l-mewt xi darba se jiġu eliminati b’hekk għandha appell qawwi, imma hemm xi bażi għal twemmin bħal dan? Tabilħaqq li hemm, u huwa kemm raġonevoli, taʼ min joqgħod fuqu, u infallibbli. Huwa l-Kelma mnebbħa tal-Ħallieq tagħna—Il-Bibbja Mqaddsa.
Dak il-ktieb jispjega ċar u tond l-oriġini tal-miżerja umana. Jgħidilna kif l-ewwel bniedem, Adam, ġie maħluq minn Alla u mqiegħed fi ġnien ġenna bħala daru li kien jinsab xi mkien fil-Lvant Nofsani. Adam ġie maħluq perfett; il-mard u l-mewt ma kienx jaf bihom. Hu malajr ġie msieħeb minn mara perfetta daqsu, u flimkien huma gawdew il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art.—Ġenesi 2:15-17, 21-24.
Dan l-istat ideali ma damx wisq. Għala? Minħabba li Adam b’mod egoist għażel mod taʼ ħajja indipendenti minn Alla. Ir-riżultat kien xogħol iebes, uġigħ, mard, u eventwalment il-mewt. (Ġenesi 3:17-19) In-nisel tiegħu wiret ix-xorta taʼ ħajja mdejqa li Adam kien għażel. Rumani 5:12 jispjega: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja u l-mewt permezz tad-dnub, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għaliex kollha kienu dinbu.” Rumani 8:22 iżid: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu jibqaʼ jitniegħed flimkien u jkun fl-uġigħ flimkien stissa.”
Fuq l-Art jew fis-Sema?
Minkejja dan, il-Bibbja tiżżgurana li Alla dalwaqt se jirrestawra lill-umanità ubbidjenti għall-kundizzjoni ferrihija li tilfu Adam u Eva. Igħid Rivelazzjoni 21:3, 4: “Alla nnifsu se jkun magħhom. U se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.” Profeta tal-qedem bl-istess mod ra bil-quddiem iż-żmien meta “ebda wieħed li joqgħod hemm ma se jgħid: ‘Jien marid.”ˈ—Isaija 33:24.
Tistaʼ timmaġina dinja mingħajr sptarijiet, kmamar mortwarji, u oqbra? Tistaʼ timmaġinak tkompli tgħix għal snin u snin, ħieles saħansitra mit-theddida tat-tbatija u l-mewt? Iva, l-wegħda t’Alla tqanqal emozzjonijiet profondi ġo fina lkoll. Iżda, kif nistgħu nkunu żguri li dan il-prospett tal-għaġeb huwa għal pjaneta Art tagħna—mhux għas-sema? Innota l-kuntest tal-iskritturi li semmejna qabel. L-ewwel versi taʼ Rivelazzjoni kapitlu 21 jitkellem dwar “sema ġdid u art ġdida.” L-istqarrija ċara hija magħmula li Alla se jkun mal-umanità u li huma se jkunu l-poplu tiegħu. Il-wegħda fil-ktieb taʼ Isaija li ħadd ma se jkun marid hija segwita b’referenza għan-“nies li qed igħammru fl-art,” li ġew “maħfurin għall-iżball tagħhom.”
Mela dawn il-wegħdi inkuraġganti jirreferu għall-ħajja fuq l-art! U huma jaqblu mat-talba taʼ Ġesù lil Missieru: “Ħa tintgħamel ir-rieda tiegħek, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.”—Mattew 6:10.
Għala Dalwaqt?
Ix-Xhieda taʼ Jehovah għenu lil miljuni biex jirrealizzaw li dawn il-wegħdiet se jiġu mwettqin fil-futur qarib. Fuq liema bażi, iżda, huma jħossuhom tant żguri dwar dan? Fuq il-bażi taʼ evidenza li ma tistax tmeriha li aħna qegħdin ingħixu fl-“aħħar jiem” tas-sistema, jew arranġament, preżenti taʼ affarijiet fuq l-art. (2 Timotew 3:1-5) Id-dixxipli taʼ Ġesù staqsew għal sinjal dwar meta kellha tkun il-konklużjoni taʼ din is-sistema taʼ affarijiet. Bi tweġiba Ġesù bassar fid-dettal il-ġrajjiet tad-dinja li dejjem jiżdiedu li seħħew mindu faqqgħet l-ewwel gwerra dinjija fl-1914.a Imbagħad hu żied: “Meta taraw dawn l-affarijiet kollha, kunu afu li hu qrib wara l-bieb. Verament ingħidilkom li din il-ġenerazzjoni bl-ebda mod ma se tgħaddi sakemm dawn l-affarijiet kollha jseħħu.” Mela xi wħud minn tal-generazzjoni li kienet tgħix fl-1914 se jkunu ħajjin biex jaraw it-tmiem tas-sistema dinjija preżenti.—Mattew 24:33, 34.
F’dak iż-żmien Alla Jehovah se jinkariga lill-Ibnu, Kristu Ġesù, biex joħroġ u jeqred il-kaġuni kollha taʼ sofferenzi u miżerji minn fuq wiċċ din il-ġmiel taʼ pjaneta Art. Il-Bibbja titkellem dwar l-eliminazzjoni tal-ħażen bħala l-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” f’Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16.
Numru kbir taʼ bnedmin li għandhom il-biżaʼ t’Alla se jsalvaw minn dan l-iżvilupp li jqanqal biżaʼ u jgħixu biex jaraw ir-renju paċifiku taʼ Kristu Ġesù jibda. (Rivelazzjoni 7:9, 14; 20:4) Għalkemm il-ħakma tiegħu se tkun mis-sema, ir-riżultati taʼ benefiċċju tagħha se jiġu gawduti minn dawk kollha li jgħixu fuq l-art—kemm dawk li salvaw mill-gwerra taʼ Armageddon u kemm il-miljuni taʼ miljuni li se j igu mqaj min ftit ftit mill-imwiet. Il-wegħda mbagħad se ssir realtà: “Hu [Kristu] jrid jaħkem bħala sultan sakemm Alla jkun qiegħed l-egħdewwa kollha taħt saqajh. Bħala l-aħħar għadu, il-mewt trid tinġieb fix-xejn.”−1 Korintin 15:25, 26.
Aħna b’hekk b’mod kunfidenti nesklamaw: “Dalwaqt ma jkunx hawn iktar mard jew mewt!” Din mhix xi ħolma, lanqas ma hi xewqa fiergħa. Hija l-wegħda żgura taʼ Alla Jehovah, “li ma jistax jigdeb.” Sejjer int tpoġġi l-fiduċja tiegħek f’din it-tama? Tistaʼ tkun taʼ ġid għalik għal dejjem!—Titus 1:2.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar evidenza li l-bnedmin qegħdin igħixu fl-aħħar jiem, ara kapitlu 18 tal-ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem f’Ġenna tal-Art, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.