Jehovah u Kristu Quddiemnett f’li Jikkomunikaw
“Il-Mulej Sovran Jehovah ma se jagħmel xejn jekk ma jkunx irrivela l-ħaġa kunfidenzjali tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.”−AMOS 3:7.
1. Liema metodi taʼ komunikazzjoni jintużaw illum?
ILLUM il-komunikazzjoni hija negozju li jinvolvi ħafna miljuni taʼ dollari. Il-kotba kollha li qed jiġu ppubblikati, il-gazzetti u r-rivisti kollha li qed jiġu stampati regolarment, il-programmi kollha tar-radju u tat-televiżjoni li qed jiġu mxandra, kif ukoll il-films u r-reċti tal-palk kollha, huma sforzi biex issir komunikazzjoni. L-istess jistaʼ jingħad dwar l-ittri kollha li jinkitbu u jiġu mpostati kif ukoll it-telefonati kollha. Dawn kollha sforzi biex issir komunikazzjoni.
2. Liema huma xi eżempji taʼ avvanzi li l-bniedem għamel fl-aspetti tekniċi tal-komunikazzjoni?
2 L-avvanzi li għamel il-bniedem fl-aspetti tekniċi tal-komunikazzjoni huma tal-għaġeb. Per eżempju, fibre-optic cables, li huma iktar avvanzati mill-cables tar-ram, jistgħu jġorru għaxriet taʼ eluf taʼ konverzazzjonijiet bit-telefon fl-istess ħin. Imbagħad hemm is-satelliti tal-komunikazzjoni, li jduru mad-dinja fl-ispazju u għandhom tagħmir biex jitrażmettu sinjali għat-telefon, għat-telegrafu, għar-radju, u għat-televiżjoni. Satellita waħda bħal dawn kapaċi tibgħat 30,000 messaġġ tat-telefon f’daqqa!
3. X’jiġri meta jkun hemm firdiet fil-komunikazzjoni?
3 Imma minkejja dawn il-mezzi kollha taʼ komunikazzjoni, hemm wisq niket fid-dinja minħabba nuqqas taʼ komunikazzjoni bejn l-individwi. B’hekk, jintqalilna li “hemm firda li dejjem tikber—‘firda fil-komunikazzjoni’ li dejjem tikber—bejn min jiggverna u dawk li jiġu ggvernati.” U x’inhi dik il-hekk imsejħa generation gap għajr in-nuqqas tal-ġenituri u taʼ wliedhom f’li jikkomunikaw b’suċċess bejniethom? Il-marriage counselors jirrapportaw li l-akbar problema fiż-żwiġijiet hi n-nuqqas taʼ komunikazzjoni bejn ir-raġel u l-mara. Nuqqas taʼ komunikazzjoni xierqa jistaʼ saħansitra jikkaġuna l-mewt. Kmieni fl-1990, 73 persuna tilfu ħajjithom fi kraxx taʼ ajruplan, billi fattur li kkaġuna dan x’aktarx li kien nuqqas taʼ komunikazzjoni bejn il-pilota u dak li jikkontrolla mill-art. It-titlu f’gazzetta ddikjara: “Problema fil-Komunikazzjoni Wasslet għal Traġedja.”
4. (a) Xi tfisser il-kelma “komunikazzjoni”? (b) X’inhi l-mira taʼ komunikazzjoni Kristjana?
4 X’inhi l-komunikazzjoni fil-kuntest Kristjan? Skond dizzjunarju wieħed, “il-komunikazzjoni” tfisser “li tittrażmetti informazzjoni, ħsieb, jew dak li tħoss sabiex jintlaqaʼ jew jiġi mifhum b’mod sodisfaċenti.” Dizzjunarju ieħor jiddefiniha bħala “teknika biex tesprimi ideat b’mod effettiv.” Innota, li “tesprimi ideat b’mod effettiv.” Komunikazzjoni Kristjana b’mod speċjali trid tkun effettiva għaliex hija għandha bħala l-mira tagħha li tilħaq il-qlub tan-nies bil-verità mill-Kelma t’Alla sabiex, huwa ttamat, huma jaġixxu fuq dak li jitgħallmu. B’mod uniku, hija mqanqla minn nuqqas taʼ egoiżmu, minn imħabba.
Jehovah Bħala Wieħed li Jikkomunika
5. Liema hu wieħed mill-ewwel modi li bih Alla Jehovah ikkomunika mal-bniedem?
5 Alla Jehovah huwa bla dubju l-aqwa Wieħed li Jikkomunika. Peress li hu ħalaqna fl-immaġni u x-xebh tiegħu, hu jistaʼ jikkomunika magħna, u huwa possibbli għalina li nikkomunikaw maʼ oħrajn dwaru. Mill-ħolqien tal-bniedem ’il hawn, Jehovah ikkomunika mal-ħlejjaq tiegħu tal-art dwaru nnifsu. Mod wieħed kif hu għamel dan kien permezz tal-ħolqien viżibbli tiegħu. B’hekk, is-salmista jgħidilna: “Is-smewwiet qegħdin jiddikjaraw il-glorja t’Alla; u dwar ix-xogħol taʼ jdejh il-firxa qiegħda tgħid. Jum wieħed wara jum ieħor iġiegħel id-diskors ibaqbaq, u lejl wieħed wara lejl ieħor juri fil-beraħ il-għarfien.” (Salm 19:1, 2) U Rumani 1:20 igħarrafna li “l-kwalitajiet inviżibbli [t’Alla] jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem.” Li “jidhru ċari” jindika komunikazzjoni effettiva!
6. Jehovah x’ikkomunika lill-ħlejjaq tiegħu tal-art meta kienu fil-ġnien taʼ Għeden
6 Dawk mingħajr fidi f’Alla u fir-rivelazzjoni divina tiegħu jriduna nemmnu li l-bniedem ġie mitluq għal riħu biex jiskopri għala hu jeżisti. Imma l-Kelma t’Alla tagħmilha ċara li Alla kkomunika mal-bniedem sa mill-bidu. B’hekk, lill-ewwel raġel u mara Alla ta l-kmand tal-prokreazzjoni: “Kunu għammiela u siru ħafna u imlew l-art u rażżnuha, u ħa jkollkom suġġetti lejkom . . . kull ħlejqa ħajja.” Alla ppermettielhom jieklu sa ma jixbgħu mill-frott tal-ġnien—b’eċċezzjoni waħda biss. Imbagħad, meta Adam u Eva ma obdewx, Jehovah ikkomunika l-ewwel wegħda Messjanika, billi ta lill-bnedmin raġġ taʼ tama: “Se nqiegħed għadwa bejnek [is-serpent] u l-mara u bejn iż-żerriegħa tiegħek u ż-żerriegħa tagħha. Hu se jbenġlek fir-ras u int se tbenġlu fil-għarqub.”−Ġenesi 1:28; 2:16, 17; 3:15.
7. X’jirrivela l-ktieb taʼ Ġenesi rigward il-komunikazzjoni taʼ Jehovah mal-qaddejja tiegħu?
7 Meta Kajjin, bin Adam, kien mimli b’għira qattiela, Alla Jehovah ikkomunika miegħu, billi qallu fi kliem ieħor: ‘Oqgħod attent! Riesaq lejn l-inkwiet!’ Imma Kajjin irrifjuta li jagħti kas taʼ dik it-twissija u qatel lil ħuh. (Genesi 4:6-8) Imbagħad, meta l-art saret mimlija bil-vjolenza u l-ħażen, Jehovah ikkomunika mar-raġel twajjeb Noè l-iskop Tiegħu biex inaddaf l-art minn dak kollu li kien qed iniġġisha. (Ġenesi 6:13-7:5) Wara d-Dulluvju, meta Noè u l-familja tiegħu ħarġu mill-arka, Jehovah ikkomunika magħhom dwar l-iskop tiegħu rigward il-qdusija tal-ħajja u tad-demm, u permezz tal-qawsalla hu ta ċ-ċertezza li ma kien qatt iżjed se jeqred l-affarijiet ħajjin kollha b’xi għarqa. Xi seklu wara, Jehovah ikkomunika maʼ Abraħam dwar il-għan Tiegħu li jġiegħel lill-familji kollha tal-bnedmin ibierku lilhom infushom permezz taż-Żerriegħa taʼ Abraham. (Ġenesi 9:1-17; 12:1-3; 22:11, 12, 16-18) U meta Alla ddeċieda li kien se jeqred in-nies perverti taʼ Sodom u Gomorra, hu b’imħabba kkommunika dak il-fatt lil Abraham, billi qal: “Qed inżomm mistur minn Abraham x’qed nagħmel?”—Ġenesi 18:17.
8. B’liema erbaʼ modi Jehovah ikkomunika mal-qaddejja tiegħu fuq l-art?
8 Billi beda b’Mosè, Jehovah uża linja twila taʼ profeti biex jikkomunika maʼ Izrael. (Ebrej 1:1) Xi drabi ddetta bil-fomm, bħal meta qal lil Mosè: “Ikteb għalik innifsek dawn il-kelmiet.” (Eżodu 34:27) Ħafna iżjed taʼ spiss Jehovah ikkomunika mal-kelliema tiegħu permezz taʼ viżjonijiet bħalma kien diġà għamel maʼ Abraham.a Jehovah uża wkoll ħolm biex jikkomunika maʼ bnedmin, u mhux biss mal-qaddejja tiegħu imma wkoll maʼ dawk li kellhom kuntatti mal-qaddejja tiegħu. Per eżempju, Jehovah ikkaġuna lil tnejn mill-priġunieri sħab taʼ Ġużeppi li jkollhom ħolmiet li Ġużeppi interpretalhom. Jehovah ukoll ikkaġuna lil Farawni u lil Nebukadneżżar li jkollhom ħolmiet, li l-qaddejja tiegħu Ġużeppi u Danjel interpretawlhom. (Ġenesi 40:8-41:32; Danjel, kapitli 2 u 4) Barra minn dan, f’ħafna okkażjonijiet Jehovah uża messaġġiera angeliċi biex jikkomunika mal-qaddejja tiegħu.—Eżodu 3:2; Imħallfin 6:11; Mattew 1:20; Luqa 1:26.
9. X’qanqal lil Jehovah li jikkomunika mal-poplu tiegħu Iżrael, kif jidher minn liema espressjonijiet tiegħu?
9 Din il-komunikazzjoni kollha minn Jehovah permezz tal-profeti tiegħu rriflettiet imħabbtu għall-poplu tiegħu Iżrael. B’hekk, hu stqarr permezz tal-profeta tiegħu Eżekjel: “Jien nitgħaxxaq, mhux fil-mewt tal-wieħed mill-agħar, imma f’li xi ħadd mill-agħar idur lura mill-mogħdija tiegħu u attwalment jibqaʼ jgħix. Dur lura, dur lura mill-mogħdijiet ħżiena tiegħek għax għala għandek tmut, O dar Iżrael?” (Eżekjel 33:11) Jehovah kien Komunikatur taʼ paċenzja u sabar fit-tul mal-poplu tal-qedem ribelluż tiegħu, kif jistaʼ jidher mit-2 Kronaki 36:15, 16: “Jehovah dak Alla taʼ missirijiethom tal-qedem baqaʼ jibgħat kontra tagħhom permezz tal-messaġġiera tiegħu, jibgħat darba wara l-oħra, għaliex ħass mogħdrija għall-poplu tiegħu u għall-post fejn joqgħod. Imma huma kienu . . . jistmerru kliemu u jżebilħu lill-profeti tiegħu . . . sakemm ma kien hemm ebda fejqan.”
10. Jehovah kif jikkomunika mal-poplu tiegħu llum, u sa liema punt huwa dak Alla tal-komunikazzjoni?
10 Illum, għandna l-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja Mqaddsa, li permezz tagħha Jehovah jikkomunika magħna informazzjoni dwaru nnifsu, dwar il-għanijiet tiegħu, u dwar ir-rieda tiegħu għalina. (2 Timotew 3:16, 17) Fil-fatt, bħalma l-Komunikatur minn taʼ Quddiemnett, Jehovah, jiddikjara: “Il-Mulej Sovran Jehovah ma se jagħmel xejn jekk ma jkunx irrivela l-ħaġa kunfidenzjali tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.” (Amos 3:7) Hu jgħarraf lill-qaddejja tiegħu b’dak li jippjana li jagħmel.
L-Iben t’Alla Bħala Komunikatur
11. Min hu l-istrument fuq quddiemnett taʼ Jehovah f’li jikkomunika mal-bniedem, u għala t-titlu tiegħu “I-Kelma” huwa xieraq?
11 Fost l-aġenti kollha wżati minn Jehovah biex jikkomunikaw ir-rieda Tiegħu quddiemnett huwa l-Kelma, il-Logos, li sar Ġesù Kristu. X’inhu s-sinjifikat f’li jissejjaħ il-Kelma, jew Logos? Għax huwa l-Kelliemi Ewlieni taʼ Jehovah. U x’inhu kelliemi? Wieħed li jikkomunika dak li ieħor għandu xi jgħid. Mela l-Logos sar il-wieħed li jikkomunika l-kelma t’Alla Jehovah lill-ħolqien intelliġenti tal-art Tiegħu. Dak l-irwol ħu tant importanti li huwa msejjaħ il-Kelma.—Ġwann 1:1, 2, 14.
12. (a) Għal liema għan Ġesù ġie fuq l-art? (b) X’jixhed li hu wettaq bil-fedeltà dak l-iskop?
12 Ġesu nnifsu qal lil Ponzju Pilatu li l-iskop ewlieni tiegħu għala ġie fuq l-art kien biex jikkomunika l-verità lill-umanità: “Għal dan jien twelidt, u għal dan jien ġejt fid-dinja, biex nagħti xiehda għall-verità.” (Ġwann 18:37) U r-rakkont fil-Vanġeli jitkellem dwar kemm wettaq tajjeb dak l-inkarigu. Il-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja hija magħrufa bħala l-aqwa priedka li qatt ġiet ippridkata minn bniedem. Kemm ikkomunika tajjeb permezz taʼ dik il-priedka! “L-effett kien li l-folol [li semgħu l-priedka] baqgħu mgħaġġbin bil-mod kif kien igħallem.” (Mattew 7:28) Rigward okkażjoni oħra, naqraw: “[I]l-folla kbira kienet qed tieħu pjaċir tisimgħu.” (Mark 12:37) Meta xi uffiċjali ntbagħtu biex jarrestaw lil Ġesù, huma marru lura mingħajru. Għala? Huma wieġbu lill-Fariżej: “Ebda bniedem ieħor ma qatt tkellem hekk.”−Ġwann 7:46.
Id-Dixxipli taʼ Kristu Inkarigati Biex Ikunu Komunikaturi
13. X’juri li Kristu ma kienx kuntent li jibqaʼ waħdu bħala komunikatur?
13 Mhux kuntent li jibqaʼ l-uniku wieħed li jikkomunika, Ġesù l-ewwel inkariga lit-12-il appostlu u mbagħad lil 70 evanġelizzatur biex imorru bħala wħud li jikkomunikaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Luqa 9:1; 10:1) Imbagħad ftit qabel telaʼ s-sema, hu inkariga lid-dixxipli tiegħu biex iwettqu inkarigu speċjali. Liema inkarigu? Kif naqraw f’Mattew 28:19, 20, hu kkmandahom biex ikunu wħud li jikkomunikaw; u kellhom igħallmu jerġaʼ wkoll lil oħrajn biex isiru komunikaturi.
14. Kemm kienu effettivi l-Kristjani tal-bidu bħala komunikaturi?
14 Kienu d-dixxipli komunikaturi effettivi? Huma ċertament li kienu! Bħala riżultat tal-ippridkar tagħhom fil-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K., 3,000 ruħ żdiedu mal-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ġiet iffurmata. Malajr il-għadd żdied għal 5,000 raġel. (Atti 2:41. 4:4) Mhux taʼ b’xejn li l-egħdewwa Lhud tagħhom akkużawhom li mlew Ġerusalemm kollha bit-tagħlim tagħhom u iktar tard ilmentaw li kienu qalbu l-art abitata bl-ippridkar tagħhom!—Atti 5:28; 17:6.
15. Liema strument uża Jehovah fiż-żminijiet moderni biex jikkomunika mal-bnedmin?
15 Xi ngħidu għaż-żminijiet moderni? Bħalma ġie mbassar f’Mattew 24:3, 45-47, is-Sid, Ġesù Kristu, ħatar “l-irsir fidil u diskret,” iffurmat minn Kristjani midlukin, biex jieħu ħsieb il-ġid kollu tiegħu fuq l-art matul dan il-jum tal-preżenza tiegħu. Dak l-irsir fidil u diskret hu rrappreżentat illum mill-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, li għandha l-aġenzija taʼ pubbliċità tagħha l-Watch Tower Bible and Tract Society. B’mod l-iktar xieraq, dak l-irsir fidil u diskret ġie msejjaħ ukoll il-mezz taʼ komunikazzjoni t’Alla. Hu, mill-banda l-oħra, jinkuraġġina biex inkunu wħud li nikkomunikaw tajjeb. Fil-fatt, l-ewwel ħarġa stess taʼ Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence tat parir lill-qarrejja tagħha: “Jekk għandek xi ġar jew ħabib li taħseb li jkunu interessati jew li jibbenefikaw mill-istruzzjonijiet [taʼ din ir-rivista], int tistaʼ tiġbed l-attenzjoni tagħhom; b’hekk tkun qed tippriedka l-Kelma u tkun qed tagħmel il-ġid lill-bnedmin kollha kif ikollok opportunità.”
16. X’juri li iżjed huwa meħtieġ milli l-Bibbja waħedha biex Alla jikkomunika b’mod effettiv mal-qaddejja tiegħu fuq l-art?
16 Madankollu, li sempliċement ikollok il-Kelma t’Alla u li taqraha personalment mhux biżżejjed biex takkwista għarfien eżatt li jpoġġi lil dak li jkun fit-triq tal-ħajja. Ftakar fl-uffiċjal tal-qorti Etjopjan li kien qed jaqra l-profezija taʼ Isaija imma ma kienx qed jifhem x’qed jaqra. Filippu l-evanġelizzatur spjegalu l-profezija, u wara dan kien lest li jitgħammed bħala dixxiplu taʼ Kristu. (Atti 8:27-38) Li iktar hu meħtieġ minn sempliċi qari privat tal-Bibbja jistaʼ jidher minn Efesin 4:11-13, fejn Pawlu juri li Kristu mhux biss ta xi wħud bħala appostli u profeti mnebbħin imma wkoll ta “xi wħud bħala evanġelizzaturi, xi wħud bħala ragħajja u għalliema, bil-ħsieb li l-qaddisin jiġu aġġustati mill-ġdid, għal xogħol ministerjali, għall-bini tal-ġisem tal-Kristu, sakemm ilkoll kemm aħna nilħqu l-unità fil-fidi u fil-għarfien eżatt tal-Iben t’Alla, sa raġel li kiber għal-kollox.”
17. Minn liema marki li jidentifikaw nistgħu nagħrfu l-aġenzija li Jehovah qed juża llum biex jikkomunika l-għanijiet tiegħu lill-bnedmin?
17 Kif nistgħu nidentifikaw lil dawk li qed jintużaw minn Alla Jehovah u Ġesù Kristu biex igħinu lin-nies li jridu jkunu Kristjani biex jilħqu l-istatura taʼ raġel li kiber għal-kollox? Skond Ġesù, waħda mill-marki li jidentifikaw kellha tkun li dawn iħobbu lil xulxin bħalma Ġesù ħabb lis-segwaċi tiegħu. (Ġwann 13:34, 35) Marka oħra li tidentifika: Ma huma ebda parti mid-dinja saħansitra bħalma Ġesù ma kien ebda parti mid-dinja. (Ġwann 15:19; 17:16) Jerġaʼ marka oħra kellha tkun li huma jirrikonoxxu l-Kelma t’Alla bħala l-verità, bħalma għamel Ġesù, billi kontinwament jappellaw għall-awtorità tagħha. (Mattew 22:29; Ġwann 17:17) Li jpoġġu l-isem t’Alla fuq quddiem, bħalma għamel Ġesù, kellha tkun marka oħra. (Mattew 6:9; Ġwann 17:6) U marka oħra kellha tkun li jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù f’li jippridkaw is-Saltna t’Alla. (Mattew 4:17; 24:14) Hemm grupp wieħed biss li jwettaq dawn il-ħtiġijiet, jiġifieri dawk il-komunikaturi internazzjonali magħrufin bħala x-Xhieda Kristjani taʼ Jehovah.
18. Liema tliet oqsma għal komunikazzjoni se jiddiskutu artikli oħra?
18 Il-komunikazzjoni, madankollu, timplika responsabbiltà lejn oħrajn. Il-Kristjani maʼ min huma responsabbli li jikkomunikaw? Bażikament, hemm tliet oqsma li fihom il-Kristjani jridu jkunu kkonċernati f’li jżommu l-linji taʼ komunikazzjoni miftuħin: fil-familja, fil-kongregazzjoni Kristjana, u fil-ministeru tal-għalqa Kristjan. L-artikli li ġejjin se jittrattaw dawn l-aspetti tas-suġġett tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Ara Ġenesi 15:1; 46:2; Numri 8:4; 2 Samwel 7:17; 2 Kronaki 9:29; Isaija 1:1; Eżekjel 11:24. Danjel 2:19; Obadija 1; Naħum 1:1; Atti 16:9; Rivelazzjoni 9:17.
Int Kif Twieġeb?
◻ Xi ħsara tistaʼ tirriżulta minn nuqqas taʼ komunikazzjoni?
◻ Min huma l-iktar tnejn quddiemnett f’li jikkomunikaw?
◻ Liema mezzi varjati uża Alla biex jikkomunika mal-bniedem?
◻ Ġesù kif kien eċċellenti bħala wieħed li jikkomunika?
◻ Kemm kienu taʼ suċċess il-Kristjani tal-bidu f’li jikkomunikaw?
[Stampa f’paġna 6]
Bhal Missieru tas-sema, Ġesù kien wieħed li jikkomunika b’mogħdrija