Agħmel id-Dirgħajn taʼ Dejjem taʼ Jehovah l-Appoġġ Tiegħek
“Dak Alla etern huwa l-post taʼ għamartek, u taħt huma d-dirgħajn taʼ dejjem.”—DEWTERONOMJU 33:27, American Standard Version.
1, 2. Għala jistaʼ l-poplu taʼ Jehovah ikun fiduċjuż mill-appoġġ tiegħu?
JEHOVAH jimportah mill-poplu tiegħu. Iva, matul in-niket kollu tal-Iżraeliti, “kien taʼ niket għalih”! B’imħabba u mogħdrija, hu “ssokta jerfagħhom ’il fuq u jġorrhom.” (Isaija 63:7-9) Mela jekk aħna leali lejn Alla, nistgħu nkunu fiduċjużi mill-appoġġ tiegħu.
2 Il-profeta Mosè qal: “Post taʼ moħba huwa dak Alla taʼ żmien il-qedem, u taħt huma d-dirgħajn dejjiema b’mod indefinit.” (Dewteronomju 33:27) Traduzzjoni oħra tgħid: “Dak Alla etern huwa l-post taʼ għamartek, u taħt huma d-dirgħajn taʼ dejjem.” (American Standard Version) Imma dirgħajn Alla kif jappoġġjaw lill-qaddejja tiegħu?
Għala Daqstant Tbatijiet?
3. L-umanità ubbidjenti meta se tgawdi għalkollox “il-libertà glorjuża tat-tfal t’Alla”?
3 Li naqdu lil Jehovah ma jiskansaniex mit-tbatijiet komuni għall-bnedmin imperfetti. Ġob il-qaddej t’Alla qal: “Il-bniedem, imwieled mill-mara, huwa għomru qasir u mimli sax-xifer bl-inkwiet.” (Ġob 14:1) Inkwantu għall-“jiem tas-snin tagħna,” qal is-salmista: “L-insistenza tagħhom hi fuq l-inkwiet u affarijiet li jweġġgħu.” (Salm 90:10) Il-ħajja se tibqaʼ hekk sakemm ‘il-ħolqien jinħeles mill-jasar għall-korruzzjoni u jkollu l-libertà glorjuża tat-tfal t’Alla.’ (Rumani 8:19-22) Dak se jiġri matul ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu. Fuq il-bażi tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù, sudditi umani tas-Saltna mbagħad se jġarrbu ħelsien mid-dnub u mill-mewt. Sat-tmiem tal-Millenju, Kristu u sħabu s-slaten u qassisin se jkunu għenu lill-bnedmin ubbidjenti biex jilħqu l-perfezzjoni, u dawk leali lejn Alla matul il-prova finali minn Satana u d-demonji tiegħu se jkollhom isimhom miktub b’mod permanenti “fil-ktieb tal-ħajja.” (Rivelazzjoni 20:12-15) Imbagħad huma se jgawdu għalkollox il-libertà glorjuża tat-tfal t’Alla.
4. Minflok ma nilmentaw dwar is-sehem tagħna fil-ħajja, x’għandna nagħmlu?
4 Sadattant, minflok nilmentaw dwar is-sehem tagħna fil-ħajja ejjew nafdaw f’Jehovah. (1 Samwel 12:22. Ġuda 16) Ejjew inkunu grati wkoll għall-Qassis il-Kbir tagħna, Ġesù, li permezz tiegħu aħna nistgħu navviċinaw lil Alla “biex nistgħu niksbu l-ħniena u nsibu qalb tajba mhix mistħoqqa għal għajnuna fil-ħin xieraq.” (Ebrej 4:14-16) Qatt m’għandna nkunu bħal Adam. Fil-fatt, hu b’mod żballjat akkuża lil Jehovah li kien tah mara ħażina, billi qal: “Il-mara li int tajt biex tkun miegħi hi tatni l-frott mis-siġra u hekk jien kilt.” (Ġenesi 3:12) Alla jagħti affarijiet tajbin u ma jġibx tbatijiet fuqna. (Mattew 5:45; Ġakbu 1:17) Kuntrarjetajiet huma taʼ spiss ir-riżultat tan-nuqqas taʼ għerf tagħna stess jew tal-iżballji taʼ xi ħadd ieħor. Jistgħu jiġu fuqna wkoll minħabba li aħna midinbin u ngħixu f’dinja li qiegħda fis-setgħa taʼ Satana. (Proverbji 19:3; 1 Ġwann 5:19) Madankollu, id-dirgħajn taʼ dejjem taʼ Jehovah dejjem jappoġġjaw lill-qaddejja leali tiegħu li jistrieħu fuqu bit-talb u li japplikaw personalment il-parir tal-Kelma tiegħu.—Salm 37:5; 119:105.
Imwieżna Waqt il-Mard
5. Uħud morda liema inkuraġġiment jistgħu jsibu f’Salm 41:1-3?
5 Il-mard jikkaġuna lill-biċċa l-kbira minna niket xi drabi. Madankollu, David qal: “Hieni hu kulmin qed jaġixxi b’konsiderazzjoni lejn il-baxx; f’jum il-gwaj Jehovah se jipprovdi ħarba għalih. Jehovah innifsu se jgħassu u jżommu ħaj. Hu se jkun ippronunzjat hieni fl-art; u ma tistax possibilment tgħaddih għand ruħ l-egħdewwa tiegħu. Jehovah innifsu se jwieżnu fuq divan tal-mard; soddtu kollha int ċertament li se tbiddilha matul il-mard tiegħu.”−Salm 41:1-3.
6, 7. Alla kif għen lil David meta kien fuq sodda tal-mard, u dan kif jistaʼ jinkuraġġixxi lill-qaddejja t’Alla llum?
6 Persuna li turi konsiderazzjoni tgħin lil dawk fil-bżonn. “Jum il-gwaj” jistaʼ jkun kwalunkwe okkażjoni taʼ gwaj jew perijodu twil taʼ tbatija li jdgħajjef lil individwu. Hu jafda f’Alla biex igħassu matul nuqqas taʼ saħħa, u oħrajn ‘jippronunzjawh hieni fl-art’ billi jxerrdu l-aħbar tal-aġir taʼ ħniena taʼ Jehovah miegħu. Alla wieżen lil David “fuq divan tal-mard,” forsi matul iż-żmien taʼ niket meta Absalom bin David fittex li jaħtaf it-tron taʼ Iżrael.—2 Samwel 15:1-6.
7 Ladarba David kien wera konsiderazzjoni lejn il-baxx, hu ħass li Alla kien se jwieżnu waqt li ħu kien bla saħħa f’sodda tal-mard. (Salm 18:24-26) Għalkemm marid serjament, hu kien fiduċjuż li Alla kien se ‘jbiddillu soddtu,’ mhux billi b’mod mirakoluż ineħħilu l-mard, imma billi jsaħħu bi ħsibijiet taʼ faraġ. Dan ikun bħal li kieku Jehovah kien qed ibiddel soddtu minn waħda taʼ mard għal waħda taʼ fejqan. B’mod simili, jekk aħna qed inbatu minn xi mard bħala qaddejja t’Alla, id-dirgħajn taʼ dejjem taʼ Jehovah se jappoġġjawna.
Konsolazzjoni għad-Dipressi
8. Wieħed Kristjan marid kif wera li hu jistrieħ fuq Alla?
8 Il-mard jistaʼ jikkaġuna dipressjoni mentali. Kristjan marid serjament, li xi drabi lanqas ikollu biżżejjed saħħa saħansitra biex jaqra, jirrakkonta: “Dan igħaddini minn ħafna emozzjonijiet taʼ dipressjoni, sentimenti taʼ nuqqas taʼ stima, u saħansitra dmugħ.” Billi jaf li Satana jrid igħaffġu bl-iskuraġġiment, hu qed jiġġieled lura, konxju li bil-għajnuna taʼ Jehovah hu żgur li ma jfallix. (Ġakbu 4:7) Dan ir-raġel huwa taʼ nkuraġġiment għal oħrajn li jafu li qed jafda f’Alla. (Salm 29:11) Saħansitra meta jkun fl-isptar, hu jċempel lil uħud morda u lil oħrajn biex jibnihom spiritwalment. Hu nnifsu jiġi mibni billi jismaʼ l-cassettes taʼ melodiji tas-Saltna u artikli f’din ir-rivista u fir-rivista msieħba magħha, Awake!, u billi jassoċja maʼ Kristjani sħabu. Dan il-ħu jgħid: “Jien nitkellem regolarment maʼ Jehovah fit-talb, billi nitolbu biex jagħtini s-saħħa, il-gwida, il-faraġ, u l-għajnuna biex nissaporti.” Jekk int Kristjan li qed iġġarrab problemi serji taʼ saħħa, afda dejjem f’Jehovah u agħmel id-dirgħajn taʼ dejjem tiegħu l-appoġġ tiegħek.
9. Liema eżempji juru li d-dipressjoni mentali xi drabi tinkwieta lil nies taʼ tjieba?
9 Id-dipressjoni hija problema qadima. Waqt li kien taħt prova, Ġob tkellem bħala raġel li ħassu abbandunat minn Alla. (Ġob 29:2-5) Tħassib dwar l-istat taʼ ħerba taʼ Ġerusalemm u l-ħitan tagħha għamel lil Neħemija qalbu sewda, u Pietru kien tant dipress dwar li ċaħad lil Kristu li beka biki taʼ mrar. (Neħemija 2:1-8; Luqa 22:62) Epafroditus kien dipress għaliex Kristjani ġo Filippi semgħu li hu kien waqaʼ f’marda. (Filippin 2:25, 26) Id-dipressjoni ħaqret lil xi Kristjani f’Tessalonika, għax Pawlu ħeġġeġ lill-aħwa rġiel hemmhekk biex “[i]lissnu kliem taʼ faraġ lill-erwieħ dipressi.” (1 Tessalonkin 5:14) Mela Alla kif igħin lil individwi bħal dawn?
10. X’jistaʼ jkun taʼ għajnuna f’li tipprova tegħleb id-dipressjoni mentali?
10 Deċiżjoni persunali trid tittieħed dwar kura għal dipressjoni qawwija.a (Galatin 6:5) Mistrieħ addattat u attività bbilanċjata jistgħu jgħinu. Minflok ma jħares lejn għadd taʼ problemi bħala theddida waħda kbira, individwu dipress jistaʼ jsibha taʼ għajnuna li jaħdem biex isolvihom waħda wara l-oħra. Għajnuna taʼ faraġ mill-anzjani tal-kongregazzjoni tistaʼ tkun ħafna taʼ benefiċċju, b’mod speċjali jekk din il-problema emozzjonali qed tikkaġuna tħassib spiritwali. (Ġakbu 5:13-15) Fuq kollox, huwa vitali li nistrieħu fuq Jehovah, billi ‘nitfgħu l-anzjetà kollha tagħna fuqu, għaliex hu jimportah minna.’ Talb persistenti u mill-qalb jistaʼ jġibilna ‘l-paċi t’Alla li se tgħasses lill-qalb u l-qawwiet mentali permezz taʼ Kristu Ġesù.’—1 Pietru 5:6-11; Filippin 4:6, 7.
Jehovah Igħinna Nissaportu n-Niket
11-13. X’jistaʼ jgħin biex itaffi n-niket tal-mewt taʼ xi ħadd maħbub?
11 Esperjenza oħra taʼ niket hija l-mewt taʼ xi ħadd li nħobbu. Abraham esprima niket kbir għat-telfa taʼ martu, Sara. (Ġenesi 23:2) Meta miet ibnu Absalom, David inħakem minn niket kbir. (2 Samwel 18:33) Iva, saħansitra r-raġel perfett Ġesù “qabiżlu d-dmugħ” minħabba l-mewt taʼ ħabibu Lażżru! (Ġwann 11:35) Mela hemm il-għali meta l-mewt tieħu lil xi ħadd li nħobbu. Imma x’jistaʼ jgħin biex itaffi dan in-niket?
12 Alla jgħin lill-poplu tiegħu biex jissaportu n-niket estrem taʼ telfa fil-mewt. Il-Kelma tiegħu tgħid li se jkun hemm irxoxt. Għaldaqstant, aħna ma ‘nsewdux qalbna sewwa sew bħalma jagħmlu wkoll il-bqija li m’għandhomx tama.’ (1 Tessalonkin 4:13; Atti 24:15) L-ispirtu taʼ Jehovah igħinna biex ikollna l-paċi u l-fidi u biex nimmeditaw fuq il-futur tal-għaġeb imwiegħed fil-Kelma tiegħu, sabiex ma niġux megħlubin għalkollox bi ħsibijiet taʼ dwejjaq dwar min mitilna. Il-konsolazzjoni tiġi wkoll billi naqraw l-Iskrittura u nitolbu lil “dak Alla tal-faraġ kollu.”−2 Korintin 1:3, 4; Salm 68:4-6.
13 Aħna nistgħu nsibu faraġ fit-tama tal-irxoxt bħalma għamel it-twajjeb Ġob, li esklama: “O li f’Xeol int [Jehovah] kont tgħattini, li kont iżżommni sigriet sakemm ir-rabja tiegħek tmur lura, li kont taħtar limitu taʼ żmien għalija u tiftakar fija! Jekk bniedem f’saħħtu jmut jistaʼ jgħix mill-ġdid? Il-jiem kollha tas-servizz obbligatorju tiegħi se nistenna, sakemm jiġi s-serħan tiegħi. Int se ssejjaħ, u jien stess se nwieġbek. Għax-xogħol taʼ jdejk se jkollok xenqa.” (Ġob 14:13-15) Ġeneralment ma nġarrbux dwejjaq kbar meta ħabib għażiż imur fuq vjaġġ, għax aħna nistennew li nerġgħu narawh. In-niket profond li ġġib magħha l-mewt taʼ xi ħadd maħbub jistaʼ jitnaqqas xi ftit jekk inħarsu lejn il-mewt taʼ xi Kristjan leali b’mod simili. Jekk hu kellu tama għall-art, hu se jiġi mqajjem mir-raqda tal-mewt hawn fuq l-art matul ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu. (Ġwann 5:28, 29; Rivelazzjoni 20:11-13) U jekk aħna nittamaw li ngħixu fuq l-art għal dejjem, għandna mnejn inkunu hawn biex nilqgħu lil dak il-maħbub tagħna li jiġi rxoxtat.
14. Żewġ Kristjani romol kif stabru wara l-mewt taʼ żwieġhom?
14 Wara l-mewt taʼ żewġha, waħda oħt kienet taf li riedet tibqaʼ sejra b’ħajjitha fis-servizz t’Alla. Minbarra li żammet ruħha attiva b’‘ħafna x’tagħmel fix-xogħol tal-Mulej,’ hi għamlet quilt bi 800 biċċa. (1 Korintin 15:58) “Dan kien proġett tajjeb,” qalet, “għaliex waqt li kont inkun qed naħdem jien stajt nismaʼ l-melodiji tas-Saltna u t-tapes tal-Bibbja, li żammewli moħħi okkupat.” Hi tiftakar b’għożża żjara minn anzjan taʼ esperjenza mal-mara tiegħu. Mill-Bibbja, l-anzjan urieha li Alla verament jimportah mir-romol. (Ġakbu 1:27) Mara Kristjana oħra ma ċedietx għal li titħassar lilha nfisha meta miet żewġha. Hi apprezzat l-appoġġ tal-ħbieb u ħadet iżjed interess f’oħrajn. “Jien kont nitlob iżjed spiss u żviluppajt relazzjoni eqreb maʼ Jehovah,” qalet. U x’barka hi li jkollok l-appoġġ tad-dirgħajn taʼ dejjem t’Alla!
Għajnuna Meta Niżballjaw
15. X’inhi s-sustanza tal-kliem taʼ David f’Salm 19:7-13?
15 Għalkemm inħobbu l-liġi taʼ Jehovah, aħna nonqsu xi drabi. Dan bla dubju jnikkitna, bħalma għamel lil David, li għalih il-liġijiet, it-tfakkiriet, l-ordnijiet, u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji t’Alla kienu iktar taʼ min jixtieqhom mid-deheb. Hu qal: “Il-qaddej tiegħek stess ġie mwissi minnhom; fiż-żamma tagħhom hemm rigal kbir. Żballji—min jistaʼ jagħrafhom b’dehen? Minn dnubiet moħbijin ippronunzjani innoċenti. Ukoll minn atti prużuntużi żomm lura lill-qaddej tiegħek; tħallihomx jiddominawni. F’dak il-każ jien se nkun komplut, u se nkun bqajt innoċenti minn ħafna nuqqas.” (Salm 19:7-13) Ejjew nanalizzaw dawn il-kelmiet.
16. Għala għandna nevitaw il-prużunzjoni?
16 Atti prużuntużi huma dnubiet iżjed serji minn żballji. Sawl ġie miċħud bħala sultan talli bi prużunzjoni offra sagrifiċċju u talli ħeles lis-sultan Amalakit Agag u lill-aqwa priża, għalkemm Alla kien ikkmanda li l-Amalakiti jiġu mogħtijin il-qerda. (1 Samwel 13:8-14; 15:8-19) Is-Sultan Użżija ntlaqat bil-ġdiem talli bi prużunzjoni ħataf dmirijiet saċerdotali. (2 Kronaki 26:16-21) Meta l-arka tal-patt kienet qed tittieħed Ġerusalemm u l-barrin li kienu qed jiġbdu l-karru kważi qalbuh, Alla qatel lil Użża talli b’mod bla rispett ħataf l-Arka biex iżommha dritta. (2 Samwel 6:6, 7) Mela, jekk ma nafux x’għandna nagħmlu jew aħniex awtorizzati biex nagħmlu xi ħaġa, għandna nuru l-modestja u nikkonsultaw lil dawk li għandhom id-dehen. (Proverbji 11:2; 13:10) M’għandniex xi ngħidu, jekk qatt konna prużuntużi, għandna nitolbu lil Alla għall-maħfra u biex igħinna ngħassu kontra l-prużunzjoni fil-futur.
17. Dnubiet moħbijin kif jistgħu jeffetwaw lil dak li jkun, madankollu kif jistgħu jinkisbu l-maħfra u s-serħan?
17 Dnubiet moħbijin jistgħu jikkaġunaw niket. Skond Salm 32:1-5, David ipprova jaħbi dnubu, imma hu qal: “Meta bqajt sieket għadmi ttiekel minħabba l-krib tiegħi l-jum kollu. Għax lejl u nhar idek kienet tqila fuqi. Il-fwar taʼ ħajti ġie mibdul bħal fis-sħana xotta tas-sajf.” Li jipprova jsikket kuxjenza ħatja fileġ lil David, u l-għali naqqaslu l-vitalità tiegħu bħalma siġra titlef l-ilma li jagħtiha l-ħajja matul żmien taʼ nixfa jew fis-sħana xotta tas-sajf. Hu milli jidher bata effetti ħżiena mentalment u fiżikament u tilef il-ferħ minħabba li naqas li jqerr. Il-qrar maʼ Alla biss setaʼ jġib maħfra u serħan. Qal David: “Hieni hu dak li l-irvell tiegħu huwa maħfur, li dnubu huwa mgħotti. . . . Dnubi sa fl-aħħar qerrejt miegħek, u l-iżball tiegħi m’għattejtx. Jien għedt: ‘Se nagħmel qrara dwar in-nuqqasijiet tiegħi lil Jehovah.’ U int innifsek ħfirt l-iżball taʼ dnubieti.” Għajnuna taʼ mħabba mingħand anzjani Kristjani tistaʼ tgħin biex tavvanza fejqan spiritwali.—Proverbji 28:13; Ġakbu 5:13-20.
18. X’evidenza hemm li d-dnub jistaʼ jkollu effetti dejjiema, imma x’jistaʼ jkun sors tat faraġ f’ċirkostanzi bħal dawn?
18 Id-dnub jistaʼ jkollu effetti dejjiema. Hekk ġralu lil David, li kkommetta adulterju maʼ Batxeba, immanovra l-mewt taʼ żewġha, u żżewġux l-armla li kien se jkollha tarbija. (2 Samwel 11:1-27) Għalkemm Alla wera ħniena minħabba l-patt tas-Saltna, l-indiema taʼ David, u l-aġir tiegħu bi ħniena maʼ oħrajn, David ġarrab ‘gwaj mid-dar tiegħu stess.’ (2 Samwel 12:1-12) It-tarbija tal-adulterju mietet. Amnon bin David għamel stupru fuq Tamar oħtu mill-missier u ġie maqtul bl-ordni taʼ ħuha Absalom. (2 Samwel 12:15-23; 13:1-33) Absalom ġab diżunur fuq David billi kellu x’jaqsam mal-konkubini taʼ David. Hu pprova jisraq it-tron imma ltaqaʼ mal-mewt. (2 Samwel 15:1-18:33) Id-dnub xorta għad għandu l-konsegwenzi. Per eżempju, wieħed li jiġi maqtugħ mis-sħubija minħabba xi ħażen li jkun għamel jistaʼ jindem u jerġaʼ jiġi aċċettat bħala membru tal-kongregazzjoni, imma forsi jridu jgħaddu snin sħaħ biex jegħleb it-tebgħa fir-reputazzjoni u l-ferita emozzjonali li jikkaġuna d-dnub. Sadattant, kemm hu taʼ faraġ li jkollok il-maħfra taʼ Jehovah u l-appoġġ tad-dirgħajn taʼ dejjem tiegħu!
Meħlusin mill-Istress Fuqna
19. L-ispirtu t’Alla kif jistaʼ jkun taʼ għajnuna meta niġu mġarrbin bl-aħrax?
19 Meta niġu mġarrbin bl-aħrax, forsi jonqsuna l-għerf u s-saħħa biex nieħdu deċiżjoni u nwettquha. F’dak il-każ, l-ispirtu t’Alla “jissieħeb b’għajnuna għad-djufija tagħna; għax il-problema taʼ x’għandna nitolbu skond ma neħtieġu ma nafux, imma l-ispirtu nnifsu jidħol għalina bi krib mhux imlissen.” (Rumani 8:26) Jekk Jehovah iġib bidla fiċ-ċirkostanzi, aħna għandna nkunu grati. Madankollu, dirgħajh jistgħu jsalvawna b’mod ieħor. Jekk nitolbu għall-għerf, Jehovah jistaʼ bl-ispirtu tiegħu jindikalna x’għandna nagħmlu u jipprovdi s-saħħa meħtieġa biex nagħmluh. (Ġakbu 1:5-8) Bil-għajnuna tiegħu, aħna nistgħu nissaportu meta nkunu ‘mnikktin b’ħafna tiġrib’ u noħorġu minnu b’fidi ppruvata u msaħħa.—1 Pietru 1:6-8.
20. X’se ngawdu jekk aħna verament nagħmlu d-dirgħajn taʼ dejjem taʼ Jehovah l-appoġġ tagħlima?
20 Ejjew ma ngħajjew qatt f’li nduru lejn Alla bit-talb. “Għajnejja huma l-ħin kollu lejn Jehovah, għax hu dak li joħroġli saqajja minn ġox-xibka,” qal David. “Dawwar wiċċek lejja, u urini favur; għax jien waħdi u milqut. Tnikkit taʼ qalbi mmoltiplikaw; mill-pressjonijiet taʼ fuqi O oħroġni. Ara dak li qed jolqotni u l-inkwiet tiegħi, u aħfer id-dnubiet kollha tiegħi.” (Salm 25:15-18) Bħal David, aħna se ngawdu ħelsien divin, favur, u maħfra jekk verament nagħmlu d-dirgħajn taʼ dejjem taʼ Jehovah l-appoġġ tagħna.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artikli fuq id-dipressjoni mentali fl-Awake! tat-22 t’Ottubru, 1987, paġni 2-16, u tat-8 ta’ Novembru, 1987, paġni 12-16.
Int Kif Twieġeb?
◻ Jehovah kif igħin lill-qaddejja tiegħu li huma morda?
◻ X’jistaʼ jkun taʼ għajnuna meta nkunu qed nippruvaw negħlbu d-dipressjoni mentali?
◻ X’jistaʼ jgħin biex itaffi n-niket fuq il-mewt taʼ xi ħadd maħbub?
◻ Kif jistgħu jiksbu serħan dawk li jaħbu dnubiethom?
◻ X’għajnuna hemm meta n-nies taʼ Jehovah jiġu mġarrbin bl-aħrax?