Għodda Ġdida Biex Tgħin lin-Nies Jitgħallmu Dwar Dak Li Alla Jirrikjedi
“IL-MOD sempliċi, dirett u ħlejju li bih huwa mwassal se jipproduċi riżultati iktar milli huwa mistenni. Is-suġġetti huma ppreżentati b’manjiera tant mhix ikkomplikata u pjaċevoli li kull persuna sinċiera li qiegħda tfittex se tkun imqanqla biex tgħid, ‘Tassew li Alla f’nofskom.’” (1 Korintin 14:25) Hekk qal wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah mit-Tajlandja waqt li ddeskriva l-brochure il-ġdid, Alla X’Jirrikjedi Minna? Dan ġie maħruġ mill-Watch Tower Society fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Messaġġiera Tal-Paċi Divina” matul l-1996/97.
Dan il-brochure taʼ 32 paġna bil-kulur, huwa ddisinjat bħala kors taʼ studju tal-Bibbja. Dan ikopri t-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Il-kliem użat huwa sempliċi u konċiż, billi jispjega b’mod ċar dak li Alla jirrikjedi minna. Il-qarrejja m’għandu jkollhom ebda diffikultà biex jifhmuh. Kif tistaʼ tikkonduċi studju tal-Bibbja b’dan il-brochure il-ġdid?
Uża l-mistoqsijiet. Hemm mistoqsijiet fil-bidu taʼ kull lezzjoni. Fil-parentesi wara kull mistoqsija, se ssib in-numri tal-paragrafi li fihom jinstabu t-tweġibiet. Dawn il-mistoqsijiet jistgħu jiġu wżati bħala għajnuna taʼ tagħlim kemm bħala previżjoni u kemm bħala reviżjoni. Per eżempju, fil-bidu taʼ studju tal-Bibbja fid-dar, tistaʼ tistaqsi l-mistoqsijiet lill-istudent sabiex tikseb il-kummenti tiegħu. Minflok ma tikkorreġi xi tweġibiet żbaljati immedjatament, tistaʼ tissokta bl-istudju. Fit-tmiem tal-lezzjoni, tistaʼ terġaʼ lura lejn il-mistoqsijiet biex tara jekk l-istudent huwiex issa kapaċi jweġibhom f’armonija mal-Bibbja.
Fittex l-iskritturi. F’kull lezzjoni, stqarrijiet qosra taʼ veritajiet Bibliċi huma akkumpanjati minn skritturi li jappoġġjawhom. Ladarba l-biċċa l-kbira taʼ l-iskritturi huma ċċitati u mhux ikkwotati, huwa importanti li tinkuraġġixxi lill-istudent biex ifittex dawn is-siltiet fil-Bibbja tiegħu stess. Hu għandu bżonn jaqra u jimmedita fuq il-Kelma t’Alla qabel ma japplikaha fil-ħajja.—Ġożwè 1:8.
Agħti importanza lill-istampi. Il-brochure fih abbundanza taʼ ritratti u tpinġijiet—b’kollox iżjed minn 50 biċċa xogħol artistika. Dawn huma pprovduti mhux biss biex ipaxxu l-għajn imma wkoll bħala iżjed għajnuniet taʼ tagħlim. Per eżempju, l-aħħar żewġ lezzjonijiet (kull waħda taʼ paġna, faċċata taʼ xulxin) huma intitolati “Ngħinu Lil Oħrajn Jagħmlu R-Rieda T’Alla” u “Id-Deċiżjoni Tiegħek Biex Taqdi Lil Alla.” Ir-ritratti mifruxin maż-żewġ faċċati juru l-progress spiritwali taʼ l-istess persuna, billi juruh jagħti xiehda informali, jieħu sehem fix-xogħol minn dar għal dar, jagħmel id-dedikazzjoni tiegħu, u finalment jitgħammed. Billi tidderieġi l-attenzjoni taʼ l-istudent lejn dawn l-istampi, int tgħinu jara l-passi li huma meħtiġin sabiex jaqdi lil Alla.
Xi ngħidu jekk persuna interessata ma taqrax sew jew ma taf taqra xejn? Is-Soċjetà qiegħda tagħmel dan il-brochure il-ġdid disponibbli fuq audiocassette f’numru taʼ lingwi. Il-cassette fih it-test tal-brochure kif ukoll ħafna mill-iskritturi ċċitati. Huwa rrekordjat kif ġej: Tinqara l-ewwel mistoqsija, segwita mill-paragrafu (jew paragrafi) li jweġibha, flimkien maʼ xi wħud mill-iskritturi ċċitati. Imbagħad tinqara l-mistoqsija li jmiss, segwita mit-test u l-iskritturi li jweġbuha, u jibqaʼ sejjer hekk. L-istudent jistaʼ jismaʼ r-rikording hu u jipprepara għall-istudju. Il-cassette jistaʼ jintuża wkoll meta tkun qiegħda tikkonduċi l-istudju.
Dawk preżenti għall-konvenzjoni kienu ħerqanin biex jużaw dan il-brochure il-ġdid fil-ministeru taʼ l-għalqa tagħhom. Per eżempju, ftit jiem biss wara li rċevew dan il-brochure, żewġ pijunieri (evanġelizzaturi full-time) mill-Istati Uniti ħallew dan il-brochure maʼ koppja żagħżugħa li kienu qegħdin iżuru. Meta l-koppja ħarset lejn il-werrej, il-lezzjoni “Prattiċi Li Alla Jobgħod” ġibdet l-attenzjoni tagħhom. “Jien dejjem kont mgħallma li Alla ma setaʼ qatt jobgħod—hu kollu mħabba,” qalet il-mara żagħżugħa. “Dan hu dak li se naqra l-ewwel.” Meta ż-żewġ pijunieri reġgħu lura l-ġimgħa taʼ wara, il-mara żagħżugħa qalet: “Kont qiegħda naqra l-brochure il-ġdid. Kemm hu diffiċli li nagħmlu l-affarijiet kollha li suppost nagħmlu. Jehovah mhux qiegħed jieħu pjaċir bina—aħna m’aħniex miżżewġin. Imma għamilna deċiżjoni. Għamilna arranġamenti biex niżżewġu nhar il-Ġimgħa li ġejja.” Waqt li ħaddnu lill-koppja pijunieri, huma żiedu: “Niskużaw ruħna talli m’għandniex l-istudju regulari, imma din neħħietilna piż kbir.”
Bil-qalb kollha, uża l-brochure il-ġdid Jirrikjedi. Dan huwa għodda mill-aħjar biex tgħin lil oħrajn jitgħallmu dwar dak li Alla jirrikjedi.(w97 1/15)
[Stampi f’paġna 11]
Kif se tużah il-brochure il-ġdid?