Kif Tuża Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
Browxer Ġdid Disinjat Biex Jidderieġi lill-Istudenti tal-Bibbja Lejn l-Organizzazzjoni
1. X’inhuma tliet raġunijiet għala sar il-browxer Ir-Rieda taʼ Ġeħova?
1 Bdejt tużah il-browxer ġdid Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum? L-iskop tiegħu hu li (1) jgħin lill-istudenti tal-Bibbja jsiru midħla tax-Xhieda taʼ Ġeħova bħala nies, (2) jgħinhom jitgħallmu dwar l-attivitajiet tagħna, u (3) jurihom l-organizzazzjoni tagħna fl-azzjoni. Il-browxer Ir-Rieda taʼ Ġeħova fih lezzjonijiet taʼ paġna waħda li faċilment tistaʼ tgħaddihom f’ħames sa għaxar minuti fl-aħħar taʼ kull studju.
2. Iddeskrivi kif ġie disinjat il-browxer u spjega xi aspetti minnu.
2 Kif Ġie Disinjat: Il-browxer hu maqsum fi tliet sezzjonijiet, u kull waħda minnhom tiddiskuti aspett differenti tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif semmejna hawn fuq. It-titlu taʼ kull waħda mit-28 lezzjoni hu miktub f’forma taʼ mistoqsija, u s-sottitli b’tipa grassa li jiġu wara jwieġbu dik il-mistoqsija. Fih insibu ritratti minn iktar minn 50 pajjiż u hemm miktub fejn ittieħdu. Dan iservi biex juri kemm hu internazzjonali x-xogħol tagħna. Għadd taʼ lezzjonijiet għandhom kaxxi bit-titlu “Sir Af Iktar,” li fihom suġġerimenti li jistgħu jħeġġu lill-istudent tiegħek biex jattwahom.
3. Kif nistgħu nużaw il-browxer Ir-Rieda taʼ Ġeħova?
3 Kif Tistaʼ Tużah: Ibda billi tiġbed l-attenzjoni lejn il-mistoqsija li hi t-titlu tal-lezzjoni. Imbagħad, hekk kif tgħaddu l-lezzjoni flimkien, enfasizza is-sottitli b’tipa grassa. Fl-aħħar, ikkunsidra l-mistoqsijiet bħala reviżjoni li jidhru fin-naħa t’isfel tal-paġna. Tistaʼ taqra l-lezzjoni mill-bidu sal-aħħar jew inkella tistaʼ tgħaddiha biċċa biċċa. Uża l-għaqal meta tagħżel liema skritturi ċitati se taqra. Tinsiex tikkunsidra l-istampi u l-kaxxi bit-titlu “Sir Af Iktar.” F’ħafna każi, il-lezzjonijiet għandhom jiġu diskussi fl-ordni li qegħdin. Madanakollu, tiddejjaqx tgħaddi għal lezzjoni li tiddiskuti xi ħaġa li hi taʼ interess partikulari. Pereżempju, jekk tkun riesqa xi assemblea jew konvenzjoni, tistaʼ tgħaddi għal lezzjoni 11.
4. Għala int ferħan b’din l-għodda ġdida?
4 Meta nistudjaw il-Bibbja maʼ xi ħadd ngħinuh jibni relazzjoni maʼ Missierna tas-sema. Iżda, irridu ngħallmuh ukoll dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (Prov. 6:20) Kemm aħna ferħanin li għandna din l-għodda ġdida li tagħmilhielna faċli biex nagħmlu dan!