Ikkultiva l-Ispirtu tal-Gratitudni
TABIB fl-Istat taʼ New York isalva l-ħajja taʼ Marie f’sitwazzjoni t’emerġenza. Imma Marie, li għandha 50 sena, la tirringrazzja lit-tabib u lanqas tħallas il-kont. Kemm huwa dan tipiku taʼ l-ingratitudni!
Il-Bibbja tirrakkonta li darba, hekk kif wasal ġo raħal, Ġesù ltaqaʼ m’għaxart irġiel li kellhom il-marda terribbli tal-lebbra. Huma għajtulu b’ilħna għoljin: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” Ġesù kkmanda: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin.” Il-lebbrużi għamlu kif qalilhom, u fi triqithom, bdew jaraw u jħossu ’l saħħithom ġejja ’l quddiem.
Disgħa mil-lebbrużi mfejqin komplew fi triqithom. Imma l-lebbruż l-ieħor, Samaritan, mar lura jfittex lil Ġesù. Dan li qabel kien lebbruż faħħar lil Alla, u malli sab lil Ġesù, inxteħet fl-art quddiemu, u raddlu ħajr. Bi tweġiba Ġesù qal: “M’hux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġaʼ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!”—Luqa 17:11-19.
Lezzjoni importanti hija implikata fil-mistoqsija: “Fejn huma d-disgħa l-oħra?” Bħal Marie, id-disaʼ lebbrużi kellhom nuqqas serju—ma wrewx gratitudni. Ingratitudni bħal din hija prevalenti ħafna llum. X’inhi r-raġuni għal dan?
Il-Kaġun Bażiku taʼ l-Ingratitudni
L-ingratitudni bażikament toriġina mill-egoiżmu. Ikkunsidra l-ewwel ġenituri umani tagħna, Adam u Eva. Jehovah ħalaqhom b’attributi divini u pprovda kull ħaġa għall-hena tagħhom, inklużi dar mill-isbaħ forma taʼ ġnien, ambjent perfett, u xogħol sinjifikanti u sodisfaċenti. (Ġenesi 1:26-29; 2:16, 17) Madankollu, taħt il-pressjoni li poġġielhom Satana biex ifittxu l-interessi tagħhom infushom, bħala koppja huma saru diżubbidjenti u aġixxew bi stmerrija lejn il-benefiċenza taʼ Jehovah.—Ġenesi 3:1-5; Apokalissi 12:9.
Ikkunsidra wkoll il-poplu taʼ Iżrael tal-qedem, li Alla kien għażel biex ikun il-propjetà speċjali tiegħu. Min jaf kemm kienu grati l-ġenituri Iżraeliti kollha fil-lejl taʼ l-14 taʼ Nisan, 1513 Q.E.K.! F’dak il-lejl importanti, l-anġlu t’Alla ġab il-mewt fuq “kull min hu l-ewwel fost l-imweldin fl-art taʼ l-Eġittu” imma qabeż lid-djar Iżraeliti li kienu mmarkati kif suppost. (Eżodu 12:12, 21-24, 30) U malli ġew meħlusin mill-armata taʼ Fargħun fil-Baħar l-Aħmar, bi qlub mimlijin gratitudni, ‘Mosè flimkien maʼ wlied Iżrael għanna lill-Mulej.’—Eżodu 14:19-28; 15:1-21.
Minkejja dan kollu, ftit ġimgħat biss wara li telqu mill-Eġittu, “il-ġemgħa kollha taʼ wlied Iżrael bdew igergru.” Kemm waqgħu vittma malajr taʼ l-ingratitudni! Kienu jħossu n-nuqqas taʼ li joqogħdu ‘ħdejn il-borom tal-laħam . . . u jieklu ħobż bix-xabaʼ,’ li kienu gawdew fl-Eġittu, l-art tas-servitù tagħhom. (Eżodu 16:1-3) B’mod ċar, l-egoiżmu jaħdem kontra l-ikkultivar u t-turija tal-gratitudni.
Billi huma dixxendenti tal-midneb Adam, il-bnedmin kollha jitwieldu bi traċċa t’egoiżmu u b’tendenza għall-ingratitudni. (Rumani 5:12) In-nuqqas taʼ gratitudni huwa wkoll parti mill-ispirtu egoistiku li jiddomina lin-nies taʼ din id-dinja. Bħall-arja li nibilgħu, dak l-ispirtu jinsab kullimkien, u jeffettwana. (Efesin 2:1, 2) Aħna, allura, jeħtieġ li nikkultivaw dispożizzjoni għall-gratitudni. Kif nistgħu nagħmluh dan?
Il-Meditazzjoni Hija Neċessità!
Il-Webster’s Third New International Dictionary jiddefinixxi l-gratitudni bħala “l-istat taʼ li tkun grat: sentiment kordjali u dħuli lejn benefattur u li jqanqal lil dak li jkun biex ipatti għal xi favur.” Sentiment ma tistax tixegħlu u titfih qisu xi swiċċ; dan irid joħroġ spontanjament minn ġewwa persuna. Il-gratitudni tinvolvi iktar minn sempliċement turija taʼ manjieri tajbin jew xi għamla t’etikett; din trid tiġi mill-qalb.
Kif nistgħu nitgħallmu nkunu grati mill-qalb? Il-Bibbja tattribwixxi ħafna minn dak li aħna nħossu lill-għażla tagħna taʼ ħsibijiet. (Efesin 4:22-24) Li nitgħallmu nkunu grati jibda billi nimmeditaw b’apprezzament fuq l-atti taʼ qalb tajba li nirċievu. Fi qbil maʼ dan, Dr. Wayne W. Dyer, li jaħdem fil-qasam tas-saħħa mentali, jgħid: “Ma jistax ikollok sentiment (emozzjoni) mingħajr ma qabel tesperjenza xi ħsieb.”
Ħu, per eżempju, il-kwistjoni tal-gratitudni għall-ħolqien taʼ madwarna. Meta tħares lejn sema mimli kwiekeb f’lejla mingħajr sħab, kif tħossok dwar dak li qed tesperjenza? Is-sultan David esprima l-għaġeb li ħass: “[I]nħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb fih?” U fil-ħemda tal-lejl, il-kwiekeb kellmuh lil David, tant li qanqluh biex jikteb: “Is-smewwiet ixandru l-glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.” Is-smewwiet kollha kwiekeb għala effettwawh daqshekk lil David? Hu stess iwieġeb: “Naħseb f’kull ma int għamilt, għemil idejk dejjem fi ħsiebi.”—Salm 8:4, 5; 19:2 (Salm 8:3, 4; Salm 19:1, NW); Salm 143:5.
Salamun, bin David, apprezza wkoll il-valur taʼ li jaħseb fuq l-għeġubijiet tal-ħolqien. Per eżempju, rigward l-irwol li għandu s-sħab tax-xita f’li jiffriska l-art tagħna, hu kiteb: “Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-baħar bihom; mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom, ’l hemmhekk ix-xmajjar jerġgħu jmorru.” (Koħèlet 1:7) Fil-fatt hekk jiġri, wara li x-xita u x-xmajjar ikunu ffriskaw l-art, l-ilmijiet tagħhom jiġu rriċiklati mill-ibħra lura għal ġos-sħab. Tgħid kif tkun id-dinja mingħajr dan l-ippurifikar u r-riċiklaġġ taʼ l-ilma? Min jaf kemm ħassu grat Salamun meta qagħad jimmedita fuq dawn il-ħsibijiet!
Wieħed grat jgħożż ukoll ir-relazzjonijiet tiegħu mal-membri tal-familja, mal-ħbieb, jew maʼ dawk li jkun jaf. L-atti tagħhom taʼ qalb tajba jiġbdulu l-attenzjoni. Hekk kif jikkunsidra b’apprezzament il-pjaċiri li jkunu għamlulu, hu jħossu grat mill-qalb.
Nesprimu l-Gratitudni
Kemm hija sempliċi l-kelma “grazzi”! Huwa tant faċli li tlissen kelma bħal din. U hemm għadd kbir t’opportunitajiet biex tagħmel dan. Kemm hija rifreskanti l-espressjoni kordjali u sinċiera Grazzi lil xi ħadd li jiftaħlek il-bieb jew jiġborlok xi ħaġa li tkun waqqajt maʼ l-art! Li jisimgħu din l-espressjoni jistaʼ jagħmel ix-xogħol taʼ skrivan f’ħanut jew taʼ waitress f’restorant jew taʼ pustier eħfef u iktar premjanti.
Li jintbagħtu kartolini taʼ ringrazzjament huwa mod konvenjenti kif wieħed jesprimi gratitudni għal atti taʼ qalb tajba. Ħafna mill-kartolini disponibbli fil-ħwienet jesprimu s-sentimenti b’mod mill-isbaħ. Imma ma jkunx ġest persunali sabiħ li kieku int stess iżżid xi kliem t’apprezzament? Xi wħud saħansitra jippreferu li ma jużawx kartolini li jinxtraw, u minflok jibagħtu nota persunali.—Qabbel Proverbji 25:11.
X’aktarx, dawk li l-iktar jistħoqqilhom il-gratitudni tagħna huma dawk l-eqreb tagħna fid-dar. Il-Bibbja tgħid dwar mara kapaċi: “Żewġha wkoll ifaħħarha.” (Proverbji 31:28) Ma jwasslux għal ambjent taʼ paċi u kuntentizza ġewwa d-dar l-espressjonijiet taʼ ringrazzjament mill-qalb taʼ raġel lil martu? U ma jiħux pjaċir ukoll ir-raġel li jmur id-dar u jiġi milqugħ minn martu b’mod kordjali u b’apprezzament? Illum il-ġurnata, il-pressjonijiet fuq iż-żwieġ huma bosta, u meta jiżdiedu l-pressjonijiet, it-tempri jitilgħu faċilment. Il-wieħed dispost li jkun grat ikun lest li jagħder u malajr jagħlaq għajn waħda u jaħfer.
Iż-żgħażagħ ukoll għandhom bżonn ikunu konxji taʼ li joffru lill-ġenituri tagħhom espressjonijiet t’apprezzament mill-qalb. M’għandniex xi ngħidu, il-ġenituri m’humiex perfetti, imma dik mhix raġuni biex tkun ingrat għal dak li għamlu għalik. Imkien m’int se ssib tixtri l-imħabba u l-attenzjoni li tawk minn mindu twelidt. Jekk huma għallmuk l-għarfien dwar Alla, int għandek iktar għalfejn tkun grat.
“Wirt il-Mulej huma l-ulied,” jiddikjara Salm 127:3. Mela l-ġenituri għandhom ifittxu opportunitajiet biex ifaħħru lil uliedhom minflok ma joqogħdu jaqbdu magħhom fuq il-ħmerijiet. (Efesin 6:4) U xi privileġġ għandhom li jgħinu liż-żgħar taħt il-ħarsien tagħhom biex jikkultivaw l-ispirtu tal-gratitudni!—Qabbel Proverbji 29:21.
Grati Lejn Alla
Alla Jehovah hu d-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) Taʼ importanza speċjali hija l-għotja tal-ħajja, għax dak kollu li għandna jew li nistgħu nippjanaw isir bla valur jekk nitilfu l-ħajja. L-Iskrittura tħeġġiġna biex niftakru li maʼ Alla Jehovah “hemm l-għajn tal-ħajja.” (Salm 36:6, 8, 10 [Salm 36:5, 7, 9, NW]; Atti 17:28) Biex nikkultivaw qalb grata lejn Alla, jeħtieġ li nimmeditaw fuq il-provvedimenti ġenerużi tiegħu biex isostni l-ħajjiet fiżiċi u spiritwali tagħna. (Salm 1:1-3; Salm 77:12, 13 [Salm 77:11, 12, NW]) Qalb bħal din se tqanqalna biex nuru apprezzament bil-kliem u bil-fatti.
It-talb huwa mod wieħed ovvju biex nesprimu l-gratitudni tagħna lejn Alla. Is-salmista David iddikjara: “Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi; taʼ l-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina; ħadd ma jħabbatha miegħek! Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; iżda huma ħafna biex insemmihom.” (Salm 40:6 [Salm 40:5, NW]) Jalla aħna niġu mqanqlin bl-istess mod.
David kien ukoll determinat li juri lil Alla l-apprezzament tiegħu b’dak li qal lil oħrajn. Hu qal: “[I]nfaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha; [i]nxandar għeġubijietek kollha!” (Salm 9:2 [Salm 9:1, NW]) Li nitkellmu m’oħrajn dwar Alla, u nesprimu lilna nfusna billi naqsmu magħhom il-verità mill-Kelma tiegħu, huwa x’aktarx l-aħjar mod biex nuruh il-gratitudni tagħna. U dan se jgħinna nkunu iktar grati f’oqsma oħrajn tal-ħajja.
“Min iroddli sagrifiċċju taʼ radd il-ħajr, dan isebbaħni; lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni taʼ Alla,” jgħid Jehovah. Jalla int tesperjenza l-ferħ li jiġi milli turih kemm int grat mill-qalb.—Salm 50:23; 100:2.
[Stampa f’paġna 7]
Il-ħajja hija għotja mingħand Alla. Kun ċert li tniżżel xi nota persunali