Komunikazzjoni Bnina—Il-Muftieħ Għal Żwieġ Tajjeb
Fis-sena 1778, Robert Barron ivvinta serratura b’lieva t’azzjoni doppja li għadha l-bażi għas-serraturi li jintużaw illum. L-għan tiegħu kien għall-użu taʼ muftieħ wieħed li kapaċi jgħolli ż-żewġ lievi tas-serratura flimkien.
B’MOD simili, żwieġ taʼ suċċess jiddependi milli raġel u mara jaħdmu flimkien f’armonija. Biex jiżvelaw u jesperjenzaw il-ferħ prezzjuż taʼ żwieġ tajjeb, komunikazzjoni bnina hija xi ħaġa essenzjali.
Dak li Tinvolvi l-Komunikazzjoni Bnina
Komunikazzjoni bnina x’tinvolvi? Dizzjunarju wieħed jagħti t-tifsira taʼ komunikazzjoni bħala “l-għoti jew it-tpartit taʼ ħsibijiet, opinjonijiet, jew informazzjoni bid-diskors, bil-kitba, jew bis-sinjali.” Il-komunikazzjoni għalhekk tinvolvi li taqsam sentimenti u ideat maʼ ħaddieħor. U komunikazzjoni bnina tinkludi affarijiet li huma edifikanti, rifreskanti, virtużi, li ħaqqhom it-tifħir, u li jikkonslaw.—Efesin 4:29-32; Filippin 4:8.
Komunikazzjoni bnina tintgħamel possibbli permezz taʼ fidi f’xulxin, fiduċja, u fehma reċiproka. Dawn il-kwalitajiet jirriżultaw meta ż-żwieġ jitqies bħala relazzjoni tul il-ħajja kollha u meta jkun hemm determinazzjoni ġenwina li dan jirnexxi. Billi kkummenta dwar relazzjoni bħal din, Joseph Addison, kittieb tas-seklu 18, kiteb: “Żewġ persuni li għażlu lil xulxin minn fost il-bnedmin l-oħrajn kollha, bl-iskop li jkunu taʼ faraġ u taʼ pjaċir għal xulxin, b’dik l-azzjoni ntrabtu biex ikunu ferriħin, grazzjużi, diskreti, lesti li jaħfru, paċenzjużi, u ferħanin, inkwantu għall-fraġilitajiet u l-perfezzjonijiet taʼ xulxin, sa l-aħħar taʼ ħajjithom.” Kemm hija hienja unjoni bħal din! U ż-żwieġ tiegħek jistaʼ jkun imżejjen b’dawn il-kwalitajiet bħal ġawhar, għax jistgħu jkunu tiegħek permezz taʼ komunikazzjoni bnina.
Ostakli għal Komunikazzjoni Bnina
Il-biċċa l-kbira tal-koppji jidħlu għaż-żwieġ b’ottimiżmu, saħansitra b’ewforja. Madankollu, għal bosta wħud l-ewforja malajr tevapora, u l-ottimiżmu jisparixxi. Iċ-ċertezza għandha mnejn tinbidel f’taħlita morra taʼ frustrazzjoni, rabja, ostilità, u saħansitra antipatija kbira. Iż-żwieġ imbagħad isir sitwazzjoni taʼ sempliċi ssaportar “sakemm il-mewt tifridna.” Allura, biex titjieb jew tibqaʼ teżisti l-komunikazzjoni bnina, li hija neċessarja għal żwieġ tajjeb, ċerti ostakli jridu jingħelbu.
Ostaklu veru għal komunikazzjoni bnina jistaʼ jkun il-biżaʼ minn kif sieħeb fiż-żwieġ se jirreaġixxi għal ċerta informazzjoni jew xewqa espressa. Per eżempju, jistaʼ jitqanqal il-biżaʼ taʼ rifjut wara li wieħed isir jaf li qed tiżviluppa xi diżabilità persunali serja. Dak li jkun kif se jispjega lill-persuna l-oħra li l-proċedura li riesqa se tbiddel drastikament l-apparenza tiegħu jew l-abbiltà li jaħdem? F’każijiet bħal dawn, jinħtieġu iktar minn qatt qabel komunikazzjoni onesta u ppjanar bil-ħsieb għall-futur. Kliem kontinwu li jassigura li hemm l-imħabba, flimkien maʼ ġesti spissi taʼ tenerezza, se jikkomunikaw interess persunali li se jgħin biex jippromwovi żwieġ tassew sodisfaċenti. Dan il-proverbju jgħodd b’mod speċjali fiż-żwieġ: “Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.”—Proverbji 17:17.
Ir-risentiment huwa ostaklu ieħor għal komunikazzjoni bnina. Bix-xieraq intqal li żwieġ hieni huwa l-unjoni taʼ tnejn min-nies li jafu jaħfru. Biex taqbel maʼ dik id-deskrizzjoni, koppja miżżewġa għandha tagħmel kull sforz biex issegwi l-parir prattiku taʼ l-appostlu Pawlu: “Tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.” (Efesin 4:26) Li wieħed japplika dan il-parir minflok ma joqgħod iżomm ir-rabja jew ir-risentiment f’qalbu żgur li jirrikjedi komunikazzjoni umli. L-imseħbin fi żwieġ tajjeb ma jċedux b’mod persistenti għal rabja, tilwim, u żamma fil-qalb. (Proverbji 30:33) Huma jipprovaw jimitaw lil Alla, li ma jżommx fil-komma. (Ġeremija 3:12) Tabilħaqq, huma jaħfru lil xulxin minn qalbhom.—Mattew 18:35.
Ċertament li ostaklu għal kwalunkwe tip taʼ komunikazzjoni huwa s-skiet. Dan jistaʼ jinvolvi espressjonijiet biċ-ċiera, nifsijiet qawwijin, ġesti mekkaniċi, u li wieħed jaqaʼ fil-muta. Sieħeb fiż-żwieġ li jaġixxi b’dan il-mod qed jikkomunika ċerta għamla taʼ dispjaċir. Imma t-tlissin taʼ sentimenti persunali b’manjiera sinċiera u pjaċevoli huwa ferm iktar taʼ ġid biex itejjeb iż-żwieġ milli huma s-skiet u l-geddum.
Il-fatt li wieħed jonqos li jismaʼ tajjeb jew għalkollox meta l-persuna l-oħra tkun qed titkellem huwa ostaklu ieħor li jrid jingħeleb sabiex ikun hemm komunikazzjoni tajba fir-relazzjoni intima taż-żwieġ. Forsi nkunu għajjenin wisq jew sempliċement inkunu mħabbtin wisq biex niksbu l-enerġija mentali u emozzjonali meħtiġin biex nisimgħu lil xulxin bl-attenzjoni. Jistgħu jinqalgħu argumenti fuq xi arranġamenti mifhumin ħażin li xi ħadd mit-tnejn ikun ħaseb li spjegahom b’mod ċar u tond imma li l-ieħor jinsisti li qed jismagħhom għall-ewwel darba. Ovvjament, komunikazzjoni fjakka hija kaġun għal dawn id-diffikultajiet.
Kif Nippromwovu Komunikazzjoni Bnina
Kemm hu importanti li ssib il-ħin għal komunikazzjoni bnina u bl-imħabba! Xi wħud tant iqattgħu ħin quddiem it-TV joqogħdu jaraw il-ħajja taʼ ħaddieħor li jibqgħalhom ftit ħin għalihom infushom. Għaldaqstant, taʼ spiss pass neċessarju għal komunikazzjoni bnina jkun li titfi t-televixin.
Madankollu, l-istess bħalma hemm ħin xieraq biex titkellem, hemm ħin biex toqgħod kwiet. Il-bniedem l-għaref qal: “Kollox għandu żmienu, . . . żmien li tiskot, u żmien li titkellem.” Tabilħaqq, hemm ukoll kliem xieraq x’tgħid. “Kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!” jgħid proverbju. (Koħèlet 3:1, 7; Proverbji 15:23) Mela iddetermina meta jkun l-aħjar waqt biex toħroġ il-punt tiegħek jew biex tesprimi x’għandek f’qalbek. Staqsi lilek innifsek: ‘Il-persuna l-oħra għajjiena, jew inkella tħossha rilassata u friska? Is-suġġett li nixtieq niddiskuti għandu mnejn jiżbroffana? Il-persuna l-oħra għal liema ħaġa oġġezzjonat fil-kliem li wżajt l-aħħar li tkellimna dwar din il-kwistjoni?’
Tajjeb li tiftakar li n-nies jirreaġixxu l-aħjar meta jkunu jistgħu jaraw kif il-kooperazzjoni u l-qbil maʼ rikjesta se jkunu taʼ benefiċċju għalihom. Jekk żviluppat xi tensjoni bejn l-imseħbin, xi ħadd minnhom jistaʼ jkun inklinat li jgħid, “Hemm xi ħaġa li ilha ddejjaqni, u se niċċarawha issa stess!” M’għandniex xi ngħidu, il-kliem eżatt jiddependi miċ-ċirkustanzi, imma jistaʼ jkun aħjar li tgħid xi ħaġa hekk, “Qalbi, kont qed naħseb dwar il-kwistjoni li tkellimna dwarha qabel u kif nistgħu insolvu l-affarijiet.” Liema metodu se jiġi apprezzat l-iktar?
Iva, kif jintqal il-kliem huwa importanti ferm. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-melħ.” (Kolossin 4:6) Stinka biex turi ħlewwa fit-ton taʼ leħnek u fil-kliem li tagħżel. Żomm f’moħħok li “l-kliem ħelu bħal xehda għasel, hu ħlewwa tar-ruħ u saħħa tal-ġisem.”—Proverbji 16:24.
Għal xi koppji, il-fatt li jaħdmu flimkien f’xi proġetti fid-dar jistaʼ jipprovdi atmosfera mill-aħjar għall-komunikazzjoni. Kooperazzjoni bħal din tistaʼ tħeġġiġhom biex jaqsmu l-affarijiet flimkien filwaqt li tħalli ħin biżżejjed għal konversazzjoni bnina. Għal xi miżżewġin oħrajn, ħin fil-kwiet waħedhom flimkien mingħajr ma jipprovaw jagħmlu xi xogħol ikun aħjar u iktar iwassal għal komunikazzjoni bnina.
Taʼ spiss, nistgħu nitgħallmu ħafna jekk ninnotaw kif jikkomunikaw flimkien xi miżżewġin kompatibbli. X’ġagħalhom ikunu hekk? X’aktarx li l-armonija tagħhom u l-faċilità li jikkomunikaw biha rriżultaw minn sforz persunali, paċenzja, u konsiderazzjoni bl-imħabba. Huma nfushom milli jidher kellhom jitgħallmu ħafna affarijiet, għax żwiġijiet tajbin ma jiġux awtomatikament. Mela, kemm hu importanti li tikkunsidra l-ħarsa tal-persuna l-oħra, li tapprezza l-bżonnijiet tagħha, u tikkalma b’kelma bil-għaqal sitwazzjonijiet li jistgħu joħolqu tensjoni. (Proverbji 16:23) Mela, jekk int miżżewweġ, aħdem biex tkun bniedem li tieħu gost tgħix miegħu u li faċli li tiskuża ruħek miegħu. Dan żgur li se jkun t’għajnuna kbira f’li jagħmel iż-żwieġ tiegħek wieħed tajjeb.
Alla Jehovah jrid li n-nies igawdu żwiġijiet hienja u dejjiema. (Ġenesi 2:18, 21) Imma l-muftieħ jinsab f’idejn dawk li huma magħqudin fiż-żwieġ. Żewġ persuni mimlijin imħabba li tassew jaħdmu flimkien huma meħtiġin biex jiftħu l-bieb għal żwieġ taʼ suċċess billi jużaw bis-sengħa l-arti taʼ komunikazzjoni bnina.
[Stampa f’paġna 22]
Jekk jintefa t-TV ikun hemm iktar ħin għal komunikazzjoni
[Stampi f’paġna 23]
Komunikazzjoni bnina tgħin biex il-qlub jintrabtu f’imħabba dejjiema