Fatturi Essenzjali li Jgħinuk Tikkomunika mas-Sieħeb jew is-Sieħba Tiegħek
‘MA JMISSNIX għedt hekk.’ ‘M’esprimejtx ruħi b’mod ċar.’ Qatt ħassejtek hekk wara li pprovajt tikkomunika mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek? Il-komunikazzjoni hija sengħa li trid tiġi żviluppata. Bħal kull sengħa oħra, ħafna nies għandhom il-kapaċità li jħaddmuha faċilment, filwaqt li oħrajn isibuha iżjed diffiċli. Jekk int wieħed minn dawk li jsibuha diffiċli, xorta waħda huwa possibbli li titgħallem twassal il-ħsibijiet tiegħek b’manjiera ħelwa, li tikkomunika b’mod effettiv.
Kultant il-kultura tinfluwenza lin-nies b’ċertu mod meta jiġu biex jittrattaw mas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom. Għandu mnejn intqal lill-irġiel: ‘Biex tkun raġel ma tridx titkellem ħafna.’ Irġiel li jitkellmu ħafna jitqiesu bħala moħħ ir-riħ u li m’humiex sinċieri. Huwa minnu li l-Bibbja tgħid: “Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem.” (Ġakbu 1:19) Madankollu, din it-twissija tapplika kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u turi li l-komunikazzjoni tinvolvi iktar milli sempliċement titkellem. Tnejn min-nies jistgħu jkunu qed jitkellmu għal ħin twil, iżda x’jiġri jekk jonqsu li jisimgħu lil xulxin? X’aktarx, ma jkunx hemm komunikazzjoni vera. Il-biċċa l-kbira mill-komunikazzjoni li tirnexxi, bħalma turi l-iskrittura t’hawn fuq, hija s-sengħa taʼ li tismaʼ.
Nikkomunikaw Mingħajr Kliem
F’xi pajjiżi, huwa mistenni li n-nisa miżżewġin iżommu l-opinjonijiet tagħhom għalihom infushom. L-irġiel miżżewġin għandhom jibqgħu indifferenti b’mod riżolut lejn kwistjonijiet fil-familja. F’ambjent bħal dan, ir-raġel u l-mara ma jafux xi jrid is-sieħeb jew is-sieħba f’xi ċirkustanza partikulari. Xi nisa miżżewġin isiru tas-sengħa f’li jagħrfu l-bżonnijiet taʼ żwieġhom u jaġixxu malajr sabiex jissodisfawhom. F’każi bħal dawn ikun hemm tip taʼ komunikazzjoni bla kliem bejn ir-raġel u l-mara. Però, normalment komunikazzjoni bħal din tkun ġejja minn naħa waħda biss. Filwaqt li l-mara għandha mnejn titgħallem tagħraf dak li żewġha jkun qed jaħseb jew iħoss, ir-raġel rari huwa mistenni li jiżviluppa l-istess sengħa u jagħraf is-sentimenti taʼ martu.
Huwa minnu li f’xi kulturi, l-irġiel jagħrfu l-bżonnijiet emozzjonali tan-nisa tagħhom u jipprovaw jissodisfawhom. Madankollu, anki f’kulturi bħal dawn ħafna żwiġijiet kieku jibbenefikaw minn komunikazzjoni aħjar.
Il-Komunikazzjoni Hi Vitali
Komunikazzjoni sinċiera tistaʼ tevita nuqqas taʼ ftehim u miżinterpretazzjonijiet. Kmieni fl-istorja taʼ l-Iżraelin, it-tribujiet taʼ Ruben, Gad, u n-nofs tribù taʼ Manassi li kienu jgħammru lejn il-lvant tax-Xmara Ġordan bnew “artal kbir li jidher” ħdejn il-Ġordan. Tribujiet oħra fehmu ħażin l-azzjonijiet tagħhom. Peress li ħasbu li ħuthom tan-naħa l-oħra tal-Ġordan kienu kkommettew l-apostasija, it-tribujiet fuq in-naħa tal-punent ippreparaw ruħhom biex jiggwerraw mar-“ribelli.” Iżda qabel ma ħarġu għall-gwerra huma bagħtu delegazzjoni biex tikkomunika mat-tribujiet tal-lvant. X’azzjoni għaqlija kienet din! Huma sabu li l-artal ma kienx biex isiru offerti tal-ħruq u sagrifiċċji kontra l-liġi. Minflok, it-tribujiet tal-lvant beżgħu li fil-futur it-tribujiet l-oħrajn jgħidulhom: “Intom ma għandkomx sehem fil-Mulej.” L-artal kellu jservi taʼ xiehda li huma wkoll kienu aduraturi taʼ Ġeħova. (Ġożwè 22:10-29) Huma semmew l-artal Xhud, x’aktarx minħabba li serva bħala xiehda li għalihom Ġeħova kien l-Alla l-veru.—Ġożwè 22:34.
L-ispjegazzjoni tagħhom kienet biżżejjed biex tikkonvinċi lit-tribujiet l-oħrajn. Dawn kienu biddlu l-ħsieb li jieħdu azzjoni kontra ż-żewġ tribujiet u nofs. Iva, komunikazzjoni sinċiera u bil-miftuħ biegħdet konflitt bl-armi. Iktar tard, meta Iżrael irribella kontra Alla Ġeħova, ir-raġel figurattiv tagħhom, qalilhom li kellu ‘jkellem lil qlubhom bil-ħniena.’ (Hosegħa 2:16 [2:14, NW]) X’mudell mill-isbaħ għal dawk miżżewġin! Iva, stinka biex tilħaq qalb is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek sabiex hu jew hi tkun tistaʼ tifhem is-sentimenti tiegħek. Dan huwa importanti, speċjalment meta jkun hemm emozzjonijiet qawwijin. “Il-kliem ma jiswiex wisq, xi wħud jistgħu jgħidu,” tosserva Pattie Mihalik, ġurnalista fl-Istati Uniti, “imma l-kliem jistaʼ jkun imprezzabbli. U filwaqt li xi wħud jistgħu jsibuha diffiċli jesprimu s-sentimenti, ir-riżultat jistaʼ jrendi ħafna iktar mill-flus fil-bank.”
Kompli Żviluppa s-Sengħa tal-Komunikazzjoni
‘Iż-żwieġ tagħna kien falliment mill-bidu,’ xi wħud jistgħu jsostnu. ‘Dan iż-żwieġ ma jistax jiġi salvat,’ oħrajn jistgħu jikkonkludu. Huma jistgħu jħossu li huwa impossibbli li jtejbu s-sengħa tal-komunikazzjoni wara żżwieġ. Madankollu, aħseb f’dawk li jgħixu f’soċjetajiet fejn iż-żwiġijiet huma rranġati mill-qraba. Bosta nies f’kulturi bħal dawn fl-aħħar jistabbilixxu komunikazzjoni b’suċċess fil-ħajja miżżewġa tagħhom.
Koppja waħda f’pajjiż Orjentali ngħaqdu fi żwieġ irranġat. Medjatur kien ġie mitlub jivvjaġġa distanza twila biex isib għarusa għar-raġel. Xorta waħda, il-koppja miżżewġa, li għexu kważi 4,000 sena ilu, urew sengħa li tispikka fl-arti tal-komunikazzjoni. Ir-raġel, Iżakk, iltaqaʼ mal-medjatur u maʼ dik li kellha tkun martu, ġo għalqa. Ir-raġel li qeda bħala medjatur “qal lil Iżakk kull ma kien għamel.” Ir-rakkont fil-Bibbja dwar dan iż-żwieġ ikompli: “U Iżakk daħħalha [lil Rebekka] fl-għarix taʼ Sara ommu [dan il-ġest kien turija taʼ żwieġ uffiċjali], u ħa ’l Rebekka u saret martu u ħabbha; u hekk tfarraġ Iżakk wara l-mewt taʼ ommu.”—Ġenesi 24:62-67.
Innota li Iżakk l-ewwel semaʼ r-rapport u wara dan hu ħa lil Rebekka bħala martu. Il-medjatur kien qaddej taʼ min jafdah u kien devot lejn Alla Ġeħova, li lilu Iżakk kien iqim. Iżakk kellu raġuni tajba biex jafda lil dan ir-raġel. Minn dakinhar ’l hemm Iżakk sar ‘iħobbha’ lil Rebekka, il-mara li kien iżżewweġ.
Irnexxielhom Iżakk u Rebekka jiżviluppaw komunikazzjoni tajba? Wara li Għesaw, it-tifel tagħhom, iżżewweġ lil tnejn mill-bniet taʼ Ħet, inqalgħet problema serja fil-familja. Rebekka baqgħet tgħid lil Iżakk: “Iddejjaqt minn ħajti minħabba l-bniet taʼ Ħet. Jekk Ġakobb [it-tifel iż-żgħir tagħhom] jiżżewweġ xi waħda mill-bniet taʼ Ħet . . . , xi tkun tiswieli ħajti?” (Ġenesi 26:34; 27:46) Bla dubju hi esprimiet it-tħassib tagħha b’mod ċar.
Iżakk qal lil Ġakobb, it-tewmi t’Għesaw, biex ma jiħux b’martu lil waħda mill-bniet taʼ Kangħan. (Ġenesi 28:1, 2) Rebekka kienet għamlitu l-punt tagħha. Din il-koppja kien irnexxielha titkellem dwar suġġett sensittiv ħafna għall-familja, u b’hekk ipprovdiet eżempju tajjeb għalina llum. Iżda xi ngħidu jekk il-koppja ma tistax tasal għal qbil? X’jistaʼ jsir?
Meta Jkun Hemm Nuqqas taʼ Qbil
Jekk hemm xi nuqqas taʼ qbil serju bejnek u bejn is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek, taġixxix miegħu jew magħha billi ma tkellimhiex. Dan jistaʼ jwassal messaġġ ċar ħafna: Int m’intix ferħan, u trid li lanqas is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek ma tkun ferħana. Xorta waħda, il-parti l-oħra għandha mnejn ma tifhimx sewwa x-xewqat u s-sentimenti tiegħek.
Forsi int u s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek għandkom bżonn tikkomunikaw b’mod sinċier. Jekk is-suġġett huwa sensittiv, probabbli ma jkunx faċli tibqaʼ kalm. Darba minnhom, Abraham u Sara, il-ġenituri taʼ Iżakk, iffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli. Minħabba li Sara kienet ħawlija, hi segwiet id-drawwa taʼ dak iż-żmien u tatu lil Ħagar, il-qaddejja tagħha, bħala konkubina biex ikollhom it-tfal. Ħagar wildet iben lil Abraham, Ismagħel. Madankollu, iktar tard Sara nfisha ħarġet tqila u wildet iben lil Abraham, Iżakk. Meta wasal iż-żmien biex Iżakk jinfatam, Sara nnotat lil Ismagħel iwaqqaʼ lil binha għaċ-ċajt. Għalhekk, Sara, billi ħasset li binha setaʼ jkun fil-periklu, ħeġġet lil Abraham ikeċċi lill-qaddejja u lil Ismagħel. Iva, Sara tkellmet dwar kif ħassitha b’mod dirett. Iżda dak li talbet m’għoġbu xejn lil Abraham.
Id-differenza kif ġiet irranġata? Ir-rakkont fil-Bibbja jgħid hekk: “Alla qal lil Abraham: ‘La tinkwetax għaż-żagħżugħ u għall-qaddejja; kull ma qaltlek Sara, ismaʼ minn kliemha, għax b’Iżakk jissemma nislek.’” Abraham semaʼ u aġixxa fi qbil mad-direzzjoni t’Alla Ġeħova.—Ġenesi 16:1-4; 21:1-14.
‘Tabilħaqq,’ int forsi tgħid, ‘kieku Alla kellu jkellimna mis-sema, faċilment naslu għal qbil!’ Dan iwassalna għal fattur ieħor biex insolvu tilwim fiż-żwieġ. Koppji miżżewġin jistgħu jisimgħu lil Alla. Kif? Billi jaqraw il-Kelma t’Alla flimkien u jaċċettaw dak li tgħid bħala direzzjoni t’Alla.—1 Tessalonikin 2:13.
Waħda mara miżżewġa li kienet Kristjana matura qalet: “Ħafna drabi, meta mara żagħżugħa tiġi għandi għal xi parir fuq iż-żwieġ, jien nistaqsiha jekk hi u żewġha humiex qed jaqraw il-Bibbja flimkien. Ħafna minn dawk li jkollhom problemi fiż-żwieġ tagħhom m’għandhomx din id-drawwa.” (Titu 2:3-5) Ilkoll nistgħu nibbenefikaw mill-osservazzjoni tagħha. Aqra l-Kelma t’Alla mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek regolarment. B’dan il-mod, int “tismaʼ” kliem Alla dwar kif għandek iġġib ruħek jum wara jum. (Isaija 30:21) Madankollu oqgħod attent: Tużax il-Bibbja bħala bastun biex tweġġaʼ lis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek, billi kontinwament tipponta lejn skritturi li int tħoss li s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek qed tonqos milli tapplika. Minflok, ipprova ara kif it-tnejn li intom tistgħu tpoġġu fil-prattika dak li taqraw.
Jekk qed tipprova tittratta maʼ problema diffiċli, għala ma tiċċekkjax il-Watch Tower Publications Indexa fuq dak li jikkonċerna lilek b’mod partikulari? Jistaʼ jagħti l-każ li int qed tieħu ħsieb il-ġenituri tiegħek li huma mdaħħlin fiż-żmien, u dan qed joħloqlok tensjoni fiż-żwieġ. Minflok ma targumenta dwar x’għandu jew m’għandux jagħmel is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek, għaliex ma tpoġġux bil-qiegħda u tiċċekkjaw l-Index flimkien? L-ewwel, fittxu taħt it-titlu “Parents.” Forsi tkunu tridu tfittxu r-referenzi taħt is-sottitli, bħal per eżempju “caring for aged parents” (nieħdu ħsieb il-ġenituri mdaħħlin fiż-żmien). Flimkien aqraw l-artikli relatati mill-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Tistaʼ tkun sorpriż dwar kemm int u s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tistgħu tibbenefikaw mill-informazzjoni bbażata fuq il-Bibbja, li għenet lil ħafna Kristjani sinċieri.
Se tiġu megħjunin tiksbu ħarsa reali tal-problema tagħkom jekk tiċċekkjaw dawn ir-referenzi u taqraw il-materjal flimkien. Se ssibu skritturi kwotati u ċitati li juru l-ħarsa t’Alla. Fittxuhom fil-Bibbja u aqrawhom flimkien. Iva, intom se tisimgħu dak li jgħid Alla fuq il-problema li qed tiffaċċjaw!
Żomm Komunikazzjoni Tajba
Qatt ipprovajt tiftaħ bieb li ma ntużax għal xi żmien? B’ħafna żaqżiq, iċ-ċappetti msaddin bil-mod il-mod iċedu. Iżda xi ngħidu kieku l-bieb intuża regolarment u ċ-ċappetti tiegħu ngħataw iż-żejt? Kien ikun faċli biex tiftħu. L-istess jiġri fil-“bieb” tal-komunikazzjoni. Bħalma huwa iktar faċli li tiftaħ bieb li jintuża regolarment u li jingħata ż-żejt, jekk tiħduha drawwa li tikkomunikaw spiss u bi mħabba Kristjana se jkun iktar faċli li tikkomunikaw il-ħsibijiet tagħkom anki meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil serju.
Minn xi mkien trid tibda. Għalkemm il-komunikazzjoni tistaʼ tirrikjedi ħafna sforz fil-bidu, aħdem fuqha. Imbagħad tistaʼ verament tgawdi relazzjoni iżjed faċli mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek, u dan iwassal biex tibdew tifhmu iktar lil xulxin.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 7]
Meta tiffaċċja nuqqas taʼ qbil, se tfittex int id-direzzjoni t’Alla?