Inrażżnu l-Pjaga taʼ l-Inugwaljanza
Il-Ħallieq dalwaqt se jġib l-ugwaljanza li l-bnedmin tant jixtiequ. Sadanittant, aħna nistgħu nieħdu passi biex għall-inqas inrażżnu l-pjaga taʼ l-inugwaljanza li teffettwa lilna u lill-familji tagħna. Bħalma osserva Nelson Mandela, ex-president taʼ l-Afrika t’Isfel, “huwa l-mod kif nużaw dak li għandna, u mhux dak li ningħataw, li jiddistingwi persuna minn oħra.”
L-ISTORJA tivverifika kliemu. Ħafna huma dawk l-irġiel u nisa li ngħataw ftit fi twelidhom imma li, billi wżaw dak li kellhom, kisbu suċċessi li ġagħluhom jispikkaw fuq sħabhom li forsi kienu ngħataw iktar minnhom. Mill-banda l-oħra, individwi oħrajn li kienu mberkin b’ħafna vantaġġi mit-twelid ħlew dak li kellhom u m’għamlux użu mill-potenzjal kollu tagħhom.
Uża Dak li Għandek bl-Aħjar Mod li Tistaʼ!
Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma interessati ferm f’li jgħinu lin-nies jiksbu għarfien taʼ l-iskopijiet t’Alla permezz taʼ studju tal-Bibbja. Madankollu, huma jirrealizzaw li biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-informazzjoni Biblika, in-nies iridu jkunu letterati. Għal din ir-raġuni, ix-Xhieda taʼ Jehovah għallmu lil għaxriet t’eluf taʼ nies jaqraw u jiktbu, inkluż 23,000 ruħ (sa nofs is-snin disgħin) f’pajjiż wieħed biss taʼ l-Afrika tal-Punent. B’referenza għas-servizz soċjali impressjonanti li jipprovdu x-Xhieda taʼ Jehovah, is-San Francisco Examiner osservat: “Tistaʼ tqishom bħala ċittadini mudell. Huma diliġenti fil-ħlas tat-taxxi, jieħdu ħsieb il-morda, u jitħabtu biex ma jħallux nies illetterati.”
Iktar minn hekk, permezz taʼ kors progressiv fuq kif wieħed ikun kelliemi tajjeb, ix-Xhieda taʼ Jehovah ħarrġu mijiet t’eluf taʼ nies biex isiru kelliema kwalifikati, li huma kapaċi jesprimu lilhom infushom b’mod fluwenti fil-pubbliku. Fost dawn l-eluf hemm uħud li darba kellhom problemi serji tad-diskors. Ikkunsidra lir-raġel mill-Afrika t’Isfel li jikteb: “Tant kont intemtem li kont sirt introvert, u normalment kont inserraħ fuq oħrajn biex jitkellmu għalija. . . . Meta nktibt fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u kelli nagħmel qari mill-Bibbja quddiem udjenza żgħira . . . , tant temtimt bl-ikrah li ma kontx kapaċi nispiċċa l-inkarigu fil-ħin allokat. Wara l-laqgħa [dak li jagħti l-pariri] tani parir bil-ħlewwa. Hu ssuġġerixxa li nipprattika naqra ngħajjat waħdi. Jien hekk għamilt, billi kont inqattaʼ ftit ħin, jum wara jum, naqra ngħajjat mill-Bibbja tiegħi u mir-rivista Torri taʼ l-Għassa.” Dan ir-raġel tant għamel progress li issa jagħti taħditiet pubbliċi lil udjenzi li jkunu jgħoddu bil-mijiet, saħansitra bl-eluf.
Ingawdu l-Ugwaljanza fost l-Aħwa
Fejn jidħlu l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, u l-qagħda ekonomika u soċjali, iċ-ċirkustanzi fost ix-Xhieda taʼ Jehovah jvarjaw bil-kbir. Dawn id-differenzi sempliċement jirriflettu l-kundizzjonijiet imperfetti tad-dinja li jgħixu fiha. Imma f’kuntrast maʼ gruppi reliġjużi oħrajn, il-preġudizzji razzjali, soċjali, u ekonomiċi tistaʼ tgħid li tneħħew minn fost il-membri tagħhom.
Huma wettqu dan billi għamlu l-aħjar li setgħu f’li jipprattikaw dak li tgħallmu mill-Bibbja. Huma jħaddnu b’qalbhom kollha prinċipji Bibliċi bħal: “Il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.” (1 Samwel 16:7) “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) “Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi maʼ kulħadd.”—Rumani 12:17, 18; ara wkoll l-1 Timotju 6:17-19; Ġakbu 2:5, 9.
Billi jżommu mill-qrib maʼ dawn il-prinċipji Bibliċi li jippromwovu l-unità, ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrifjutaw li jittolleraw fost il-membri tagħhom kwalunkwe eżerċitar taʼ inugwaljanza bbażata fuq differenzi razzjali, soċjali, jew ekonomiċi. Per eżempju, dawn il-fatturi m’għandhom ebda effett meta jiġi deċiż min se jingħata privileġġi taʼ servizz fil-kongregazzjoni Kristjana. Karigi taʼ responsabbiltà, bħalma huma t-tagħlim u l-indokrar, jingħataw biss fuq il-bażi taʼ kwalifiki spiritwali.—1 Timotju 3:1-13; Titu 1:5-9.
Fil-każ taʼ individwi li batew taħt l-inugwaljanzi taʼ dinja preġudikata, kemm hu rifreskanti li jkollhom oħrajn li jittrattawhom bħala aħwa rġiel u nisa li huma ndaqs f’għajnejn il-Ħallieq tagħhom! Martina tistaʼ tixhed dan. Wara li missierha abbanduna l-familja tagħha, hi trabbiet f’familja fqira, b’ġenitur wieħed. Taʼ spiss kienet tiġi trattata bħala waħda mwarrba mis-soċjetà, ftit li xejn kellha fiduċja fiha nfisha, u kienet issibha iebsa li tingwalaha m’oħrajn. Hi żviluppat attitudni taʼ x’jimpurtani. Madankollu, l-affarijiet inbidlu wara li bdiet tistudja l-Bibbja u saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hi tgħid: “Xorta għadni rrid niġġieled ħsibijiet negattivi, imma issa nistaʼ nkampa aħjar mal-problema. Ir-rispett lejja nnifsi tjieb, u sirt nitkellem b’iktar kunfidenza. Il-verità tatni sens taʼ responsabbiltà. Issa naf li Jehovah jħobbni u li l-ħajja hi vallapena li tgħixha.”
Bħala grupp internazzjonali taʼ Kristjani, ix-Xhieda taʼ Jehovah f’iktar minn 230 pajjiż igawdu grad taʼ ugwaljanza li hu verament uniku fid-dinja tal-lum. Tistaʼ xi organizzazzjoni reliġjuża oħra tgħidu dan u tappoġġah bil-fatti?
M’għandniex xi ngħidu, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma realistiċi. Mill-ewwel jammettu li minħabba li huma riżultat t’ambjent imperfett, m’għandhomx il-ħila jneħħu l-inugwaljanza fost il-bnedmin iktar milli jistgħu dawk kollha li pprovaw jagħmlu dan matul is-sekli—u fallielhom. Minkejja dan, huma jithennew minħabba l-fatt li fost il-membri tagħhom, twettaq ħafna biex titrażżan din il-pjaga qerrieda. U b’fidi qawwija fil-wegħda t’Alla, huma jħarsu ’l quddiem lejn dinja ġdida taʼ tjieba li fiha l-inugwaljanza se tkun għal dejjem xi ħaġa tal-passat.
Iva, l-bnedmin ubbidjenti kollha dalwaqt se tingħatalhom lura l-ugwaljanza “fid-dinjità u fid-drittijiet” li l-Ħallieq tagħhom kellu l-iskop li jgawdu fil-bidu. Xi ħsieb sabiħ! U din id-darba se jkun realtà!
[Stampa f’paġna 7]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jitħabtu biex ma jħallux nies illetterati billi jgħallmu għaxriet t’eluf taʼ nies jaqraw u jiktbu
[Stampa f’paġna 8]
Il-verità tal-Bibbja tgħin biex jitneħħew għalkollox preġudizzji razzjali, soċjali, u ekonomiċi