Tistaʼ Teżisti Tassew Soċjetà Mingħajr Klassijiet Soċjali?
JOHN ADAMS, li sar it-tieni president taʼ l-Istati Uniti, kien wieħed minn dawk li ffirmaw il-magħrufa Dikjarazzjoni taʼ l-Indipendenza, li kienet tinkludi dan il-kliem nobbli: “Aħna nemmnu li dawn il-veritajiet ma jeħtieġu ebda evidenza, li l-bnedmin kollha huma maħluqin indaqs.” Minkejja dan, John Adams mid-dehra kellu d-dubji tiegħu dwar jekk in-nies humiex tassew ugwali, għax kiteb: “In-nuqqas t’ugwaljanza tal-Moħħ u tal-Ġisem tant hu stabbilit minn Alla li Jistaʼ Kollox fil-Kostituzzjoni tiegħu tan-Natura Umana li l-ebda pjan jew regola ma tistaʼ ġġibhom livell wieħed.” B’kuntrast, l-istudjuż taʼ l-istorja Britanniku H. G. Wells kien kapaċi jimmaġina soċjetà fejn kulħadd ikun ugwali, u li tkun ibbażata fuq tliet affarijiet: reliġjon komuni imma pura u safja mad-dinja kollha, l-istess edukazzjoni għal kulħadd, u t-tneħħija tal-forzi armati.
S’issa, l-istorja ma pproduċietx soċjetà fejn kulħadd ikun ugwali kif immaġina Wells. Il-bnedmin żgur li għadhom m’humiex ugwali, u d-distinzjonijiet bejn il-klassijiet għadhom fattur li jaħkem lis-soċjetà. Ġabu xi benefiċċji dawn il-klassijiet lis-soċjetà in ġenerali? Le. Is-sistemi taʼ klassijiet soċjali jifirdu lin-nies, u dan jirriżulta f’għira, mibegħda, uġigħ taʼ qalb, u ħafna tixrid taʼ demm. Il-mentalità tas-supremazija tal-bojod li kien hemm qabel fl-Afrika, fl-Awstralja, u fl-Amerika taʼ Fuq ġabet miżerja kbira lil dawk li m’humiex bojod—inkluż il-ġenoċidju totali taʼ l-Aboriġini f’Van Diemen’s Land (issa t-Tasmanja). Fl-Ewropa, il-fatt li l-Lhud ġew klassifikati bħala inferjuri ta bidu għall-Olokawst. L-għana kbir taʼ l-aristokrazija u l-miżerja fost dawk tal-klassi baxxa u l-klassi tan-nofs kienu fatturi li wasslu għar-Rivoluzzjoni Franċiża tas-seklu 18 u r-Rivoluzzjoni Bolxevista tar-Russja fis-seklu 20.
Raġel għaqli tal-passat kiteb: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.” (Koħèlet 8:9) Kliemu huwa minnu kemm jekk dawk li jiddominaw huma individwi u kemm jekk huma klassijiet taʼ nies. Meta grupp taʼ nies jgħolli lilu nnifsu iktar minn grupp ieħor, dan żgur li jirriżulta f’miżerja u sofferenza.
Quddiem Alla Kulħadd Huwa Ugwali
Hemm xi gruppi taʼ bnedmin li min-natura huma superjuri minn gruppi oħra? Mhux f’għajnejn Alla. Il-Bibbja tgħid: “Minn bniedem wieħed [Alla] għamel il-ġens kollu tal-bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-art kollha.” (Atti 17:26) Iktar minn hekk, il-Ħallieq “ma jimxix bil-favuri mal-kbarat, lanqas jistma l-għani aktar mill-fqir, għax kollha huma xogħol idejh.” (Ġob 34:19) Il-bnedmin kollha jiġu minn xulxin, u quddiem Alla kollha jitwieldu ugwali.
Ftakar ukoll, li meta bniedem imut, taʼ xejn kien jippretendi li kien superjuri għal oħrajn. L-Eġizzjani fl-antik ma kinux jemmnuh dan. Meta xi Fargħun kien imut, kienu jpoġġu oġġetti taʼ valur kbir fil-qabar tiegħu sabiex setaʼ jgawdihom hekk kif ikompli jokkupa l-pożizzjoni għolja tiegħu fil-ħajja wara l-mewt. Veru dan? Le. Ħafna minn dan l-għana spiċċa f’idejn dawk li jisirqu mill-oqbra, u ħafna oġġetti li ma nsterqux mill-ħallelin illum tistaʼ tarahom fil-mużewijiet.
Ladarba kien mejjet, il-Fargħun żgur li ma setax juża dawn l-oġġetti li jiswew il-flus. Fil-mewt, m’hemm l-ebda klassi għolja u l-ebda klassi baxxa, l-ebda għana u l-ebda faqar. Il-Bibbja tistqarr: “L-għorrief imutu, l-iblah u l-belhieni lkoll jintemmu, u lil taʼ wrajhom iħallu ġidhom. Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, qisu bħall-bhejjem li jintemmu.” (Salm 49:11, 13 [49:10, 12, NW]) Kemm jekk aħna slaten u kemm jekk qaddejja, dan il-kliem ispirat japplika għalina lkoll: “Il-mejtin ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqaʼ għalihom . . . Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet fejn inti sejjer.”—Koħèlet 9:5, 10.
Aħna lkoll nitwieldu ugwali f’għajnejn Alla, u kollha nispiċċaw ugwali fil-mewt. Mela, kemm hu bla siwi li ngħollu lil xi grupp taʼ nies iktar minn ieħor matul ħajjitna li hi tant qasira!
Soċjetà Mingħajr Klassijiet—Kif?
Madankollu, hemm xi tama li xi darba se jkun hemm soċjetà fost il-ħajjin fejn il-klassi soċjali ma tkunx importanti? Iva hemm. Kważi 2,000 sena ilu meta Ġesù kien fuq l-art, tqiegħed il-pedament għal soċjetà bħal din. Ġesù ta ħajtu bħala sagrifiċċju taʼ fidwa għall-umanità kollha li temmen biex b’hekk “kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 3:16.
Biex juri li ħadd mis-segwaċi tiegħu m’għandu jitgħolla iktar minn dawk li jemmnu bħalu, Ġesù qal: “Intom tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa.” (Mattew 23:8-12) F’għajnejn Alla, id-dixxipli veri kollha taʼ Ġesù huma ugwali.
Kienu l-Kristjani tal-bidu jqisu lilhom infushom ugwali? Min ħa s-sens tat-tagħlim taʼ Ġesù hekk għamel. Kienu jqisu lil xulxin ugwali fit-twemmin u wrew dan billi indirizzaw lil xulxin bħala “ħija.” (Filemon 1, 7, 20) Ħadd ma kien jiġi inkuraġġit biex iqis lilu nnifsu bħala li huwa aħjar minn ħaddieħor. Per eżempju, ikkunsidra l-mod umli li bih Pietru ddeskriva lilu nnifsu fit-tieni ittra tiegħu: “Xmun Pietru, qaddej u appostlu taʼ Ġesù Kristu, lil dawk li laqgħu fidi . . . [“miżmuma bi privileġġ,” NW] daqs tagħna.” (2 Pietru 1:1, Saydon) Pietru ġie mgħallem personalment minn Ġesù, u bħala appostlu, kellu pożizzjoni importanti taʼ responsabbiltà. Madankollu, hu qies lilu nnifsu bħala qaddej u kien konxju li l-Kristjani l-oħra kellhom fidi miżmuma bi privileġġ daqs tiegħu.
Xi wħud jistgħu jgħidu li l-prinċipju taʼ l-ugwaljanza ma jaqbilx mal-fatt li fiż-żminijiet taʼ qabel il-Kristjanità Alla għamel lil Iżrael il-ġens speċjali tiegħu. (Eżodu 19:5, 6) Jistgħu jsostnu li dan huwa eżempju taʼ superjorità razzjali, imma m’huwiex hekk. Huwa veru li l-Iżraelin, bħala dixxendenti t’Abraham, gawdew relazzjoni speċjali m’Alla u ntużaw bħala l-mezz biex jitwasslu r-rivelazzjonijiet divini. (Rumani 3:1, 2) Imma l-iskop taʼ dan ma kienx biex jitpoġġew fuq xi pedestall. Pjuttost, kien sabiex permezz tagħhom “jitbierku l-ġnus kollha.”—Ġenesi 22:18; Galatin 3:8.
Irriżulta li l-biċċa l-kbira mill-Iżraelin ma imitawx il-fidi taʼ missierhom Abraham. Ma kinux leali u ċaħdu lil Ġesù bħala l-Messija. Minħabba dan, Alla warrabhom. (Mattew 21:43) Madankollu, l-umlin fost il-bnedmin ma naqsux li jirċievu l-barkiet imwegħdin. F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., twieldet il-kongregazzjoni Kristjana. Din l-organizzazzjoni taʼ Kristjani li ġew midlukin bl-ispirtu qaddis kienet tissejjaħ l-“Iżrael taʼ Alla,” u saret il-mezz li permezz tiegħu kellhom jiġu dawk il-barkiet.—Galatin 6:16.
Xi membri taʼ din il-kongregazzjoni kellhom bżonn jiġu edukati fil-kwistjoni taʼ l-ugwaljanza. Per eżempju, id-dixxiplu Ġakbu widdeb lil dawk li kienu qed jittrattaw b’iktar ġieħ lill-Kristjani għonja minn dawk foqra. (Ġakbu 2:1-4) Dan kien żbaljat. L-appostlu Pawlu wera li l-Kristjani Ġentili ma kienu bl-ebda mod inferjuri għall-Kristjani Lhud, u l-Kristjani nisa ma kinux inferjuri għall-irġiel. Hu kiteb: “Intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. Intom, li intom mgħammda fi Kristu, lbistu ’l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.”—Galatin 3:26-28.
Nies Mingħajr Klassijiet Soċjali Llum
Ix-Xhieda taʼ Jehovah illum jipprovaw jgħixu fi qbil mal-prinċipji taʼ l-Iskrittura. Huma jirrikonoxxu li l-klassijiet soċjali ma jagħmlux sens f’għajnejn Alla. B’hekk, m’humiex maqsumin fi kleru u lajċi, u m’humiex maqsumin skond il-kulur tal-ġilda jew il-mezzi finanzjarji. Għalkemm forsi hemm uħud minnhom li huma għonja, dawn ma jiffokawx fuq il-“kburija tal-ħajja,” għax jirrealizzaw li dawn l-affarijiet huma biss temporanji. (1 Ġwann 2:15-17) Minflok, ilkoll huma magħqudin permezz tal-qima tagħhom lejn is-Sovran Universali, Alla Jehovah.
Ix-Xhieda kollha jaċċettaw ir-responsabbiltà li jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna lill-bnedmin sħabhom. Bħal Ġesù, huma jistmaw lill-maħqurin u lill-abbandunati billi jżuruhom fi djarhom, u joffru li jgħallmuhom il-Kelma t’Alla. Dawk li huma taʼ pożizzjoni soċjali baxxa jaħdmu spalla maʼ spalla maʼ dawk li jistgħu jitqiesu minn xi wħud bħala taʼ klassi għolja. Li jgħodd f’għajnejn Alla hu l-kwalitajiet spiritwali, u mhux il-klassi soċjali. Bħal fl-ewwel seklu, ilkoll huma aħwa fil-fidi.
L-Ugwaljanza Tħalli Post għall-Varjetà
M’għandniex xi ngħidu, l-ugwaljanza ma tfissirx li kollox ikun l-istess. Irġiel u nisa, kbar u żgħar, huma kollha rappreżentati f’din l-organizzazzjoni Kristjana li tinkludi nies minn ħafna u ħafna sfondi razzjali, lingwistiċi, nazzjonali, u ekonomiċi. Bħala individwi, huma għandhom kapaċitajiet mentali u fiżiċi differenti. Imma dawn id-differenzi ma jagħmlux lil xi wħud superjuri jew lil oħrajn inferjuri. Minflok, differenzi bħal dawn jirriżultaw f’varjetà pjaċevoli. Dawn il-Kristjani jirrikonoxxu li kwalunkwe talent li għandhom ġej minn Alla u m’hemm l-ebda raġuni biex iħossuhom superjuri.
Il-firda bejn il-klassijiet hija riżultat taʼ kif il-bniedem jipprova jaħkem lilu nnifsu minflok isegwi l-gwida t’Alla. Dalwaqt, is-Saltna t’Alla se tieħu f’idejha t-tmexxija diretta taʼ l-art, u r-riżultat se jkun tmiem għad-distinzjonijiet li l-bniedem ġab bejn il-klassijiet, flimkien maʼ l-affarijiet l-oħrajn kollha li kkaġunaw sofferenza matul is-snin. Imbagħad, fil-veru sens, ‘il-ġwejdin jirtu l-art.’ (Salm 37:11) Se jintemmu r-raġunijiet kollha għal ftaħir taʼ min jaħseb li hu superjuri għal ħaddieħor. Qatt iktar il-klassijiet soċjali ma se jitħallew jifirdu lill-fratellanza mad-dinja kollha.
[Kumment f’paġna 5]
Il-Ħallieq “lanqas jistma l-għani aktar mill-fqir, għax kollha huma xogħol idejh.”—Ġob 34:19.
[Stampa f’paġna 6]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistmaw lill-ġirien tagħhom
[Stampi f’paġna 7]
Li jgħodd fost il-Kristjani veri huma l-kwalitajiet spiritwali