Il-Problemi tad-Distinzjoni bejn il-Klassijiet
“L-UGWALJANZA TISTAʼ FORSI TKUN DRITT, IMMA L-EBDA QAWWA FUQ L-ART QATT MA TISTAʼ TAGĦMILHA REALTÀ.”
Hekk qal Honoré de Balzac, rumanzier Franċiż tas-seklu 19. Taqbel miegħu int? Ħafna jħossu li hija ħaġa naturali li d-distinzjonijiet bejn il-klassijiet huma ħżiena. Madankollu, saħansitra f’dan is-seklu 21, is-soċjetà umana għadha maqsuma f’diversi klassijiet soċjali.
CALVIN COOLIDGE, li kien president taʼ l-Istati Uniti mill-1923 sa l-1929, kien konċernat dwar il-problema tad-distinzjonijiet bejn il-klassijiet soċjali u tkellem dwar “it-tneħħija fundamentali taʼ kull klassi għolja.” Minkejja dan, xi 40 sena wara l-presidenza taʼ Coolidge, il-Kummissjoni taʼ Kerner, li nħatret biex tagħmel studju dwar ir-relazzjonijiet bejn ir-razez, esprimiet il-biżaʼ li l-Istati Uniti kienu żgur se jinqasmu f’żewġ soċjetajiet: “waħda tas-suwed, waħda tal-bojod—separati u mhux ugwali.” Xi wħud isostnu li din it-tbassira diġà seħħet u li “l-firda ekonomika u razzjali qed tikber” f’dan il-pajjiż.
Għala huwa daqshekk diffiċli li l-idea li n-nies kollha jkunu ugwali ssir realtà? Fattur ewlieni hu n-natura umana. William Randolph Hearst, ex-membru tal-kungress taʼ l-Istati Uniti, darba qal: “Il-bnedmin kollha nħolqu ugwali f’aspett wieħed, għallinqas, u dan l-aspett hu x-xewqa tagħhom li ma jkunux ugwali.” X’ried ifisser? Forsi l-awtur Franċiż tas-seklu 19 Henry Becque esprima ruħu iktar ċar meta qal: “Dak li jagħmel l-ugwaljanza biċċa xogħol daqshekk diffiċli hu li aħna rriduha biss maʼ dawk li qegħdin fuqna.” Fi kliem ieħor, in-nies iridu jkunu ugwali maʼ dawk li għandhom pożizzjoni ogħla fis-soċjetà minn tagħhom; imma m’hemmx ħafna li huma lesti li jillimitaw il-privileġġi u l-vantaġġi tagħhom biex jagħtu l-ugwaljanza lil dawk li jqisuhom bħala inferjuri għalihom.
Fil-passat, in-nies kienu jitwieldu bħala nies komuni, bħala parti minn xi aristokrazija, jew saħansitra bħala membri rjali. Dan għadu minnu f’ċertu pajjiżi. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi llum huma l-flus—jew in-nuqqas taʼ flus—li jiddeterminaw jekk bniedem hux taʼ klassi baxxa, tan-nofs, jew għolja. Madankollu, hemm fatturi oħrajn li jiddeterminaw il-klassi soċjali taʼ dak li jkun, bħalma huma r-razza, l-edukazzjoni, u jekk wieħed ikunx jaf jaqra u jikteb. U f’xi pajjiżi teżisti wkoll id-diskriminazzjoni bejn is-sessi, fejn in-nisa huma meqjusin bħala klassi inferjuri.
Xaqq taʼ Tama?
Il-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem għenet biex tkisser xi ftit mill-firdiet bejn il-klassijiet. Għaddew liġijiet kontra l-firda razzjali fl-Istati Uniti. L-apartheid saret kontra l-liġi fl-Afrika t’Isfel. L-iskjavitù, għalkemm għadha teżisti, hija illegali fil-biċċa l-kbira tad-dinja. Deċiżjonijiet legali ġagħlu li jiġi rikonoxxut id-dritt taʼ ċerti nies tal-post, bħall-Aboriġini, biex jiksbu l-art, u liġijiet kontra d-diskriminazzjoni pprovdew għajnuna għal xi wħud li kienu parti minn xi klassi żvantaġġata.
Jindika dan li mhux se jkun hemm iktar distinzjonijiet bejn il-klassijiet soċjali? Xejn affattu. Għalkemm xi distinzjonijiet bejn il-klassijiet soċjali issa forsi qed jiddgħajfu, bdew jidhru xi firdiet ġodda. Il-ktieb Class Warfare in the Information Age jgħid: “Il-klassijiet ġenerali taʼ kapitalisti u ħaddiema ma jidhrux xierqa llum, imma sempliċement għax dawn iż-żewġ klassijiet kbar inqassmu fi gruppi iżgħar taʼ nies irrabjati.”
Se jibqgħu d-distinzjonijiet bejn il-klassijiet soċjali jifirdu lin-nies għal dejjem? Bħalma se juri l-artiklu li jmiss, hemm tama għal din is-sitwazzjoni.