Huwa x-Xitan li Jġib il-Mard Fuqna?
IL-MARD QATT MA MISSU EŻISTA. Alla ħalaqna biex ngħixu għal dejjem b’saħħa perfetta. Kien minħabba Satana, ħliqa spirtu, li l-mard, l-uġigħ, u l-mewt laqtu lill-familja umana meta dan waqqaʼ fid-dnub lill-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva.—ĠENESI 3:1-5, 17-19; RUMANI 5:12.
IFISSER dan li l-mard kollu huwa riżultat dirett taʼ ndħil mid-dinja taʼ l-ispirti? Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, ħafna nies illum hekk jaħsbuha. In-nanna taċ-ċkejkna Owmadji kienet waħda minn dawn. Imma d-dijarea li kellha Owmadji—marda li xi kultant tkun fatali fost it-tfal żgħar fit-tropiki—tassew kienet kaġunata minn spirti li ma jidhrux?
L-Irwol taʼ Satana
Il-Bibbja twieġeb din il-mistoqsija b’mod ċar ħafna. L-ewwelnett, din turi li l-ispirti taʼ l-antenati tagħna ma jistgħux jeffettwaw lill-ħajjin. Meta n-nies imutu, dawn “ma [jkunu] jafu xejn.” M’għandhomx xi spirtu li jibqaʼ jgħix wara l-mewt. Huma jinsabu reqdin fil-qabar, fejn “ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf.” (Koħèlet 9:5, 10) Bl-ebda mod ma jistgħu l-mejtin imarrdu lill-ħajjin!
Madankollu, il-Bibbja tirrevela li l-ispirti mill-agħar jeżistu tassew. L-ewwel ribell fl-univers kollu kien il-ħliqa spirtu li issa nafuh bħala Satana. Oħrajn ngħaqdu miegħu u bdew jissejħu demonji. Jistgħu Satana u d-demonji jikkaġunaw il-mard? Din il-ħaġa ġrat. Xi wħud mill-mirakli taʼ fejqan li wettaq Ġesù kienu jinvolvu t-tkeċċija tad-demonji. ((Luqa 9:37-43; 13:10-16) Madankollu, ħafna mill-fejqan li wettaq Ġesù kellu x’jaqsam maʼ mard li ma kienx kaġunat direttament mid-demonji. (Mattew 12:15; 14:14; 19:2) L-istess illum, ġeneralment il-mard jiġi minn kawżi naturali, u mhux soprannaturali.
Xi ngħidu għas-seħer? Proverbji 18:10 jassigurana: “Isem il-Mulej hu torri qawwi; fih jistkenn il-ġust b’moħħu mistrieħ.” Ġakbu 4:7 jgħid: “Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom.” Iva, Alla jistaʼ jipproteġi lin-nies leali tiegħu mis-seħer u minn kwalunkwe qawwa mhix normali oħra. Dan huwa mod wieħed kif għandu x’jaqsam il-kliem taʼ Ġesù: “[I]l-verità teħliskom.”—Ġwann 8:32.
‘Xi ngħidu dwar Ġob?’ xi wħud għandhom mnejn jistaqsu. ‘Mhux spirtu mill-agħar kien dak li marrdu?’ Iva, il-Bibbja tgħid li kien Satana li kkaġuna l-mard taʼ Ġob. Imma l-każ taʼ Ġob ma kienx wieħed tas-soltu. Ġob kien ilu jgawdi protezzjoni divina kontra attakki demoniċi diretti. Imbagħad Satana sfida lil Jehovah biex jolqot lil Ġob, u peress li kienu involuti kwistjonijiet kbar, f’dan il-każ partikulari Jehovah neħħa ftit mill-protezzjoni li kien ta lill-adoratur tiegħu.
Madankollu, Alla għamel limiti. Meta ppermetta lil Satana biex iweġġaʼ lil Ġob, Satana setaʼ jġib il-mard fuq Ġob għal perijodu taʼ żmien, imma ma setax joqtlu. (Ġob 2:5, 6) Eventwalment, is-sofferenza taʼ Ġob intemmet, u Jehovah ppremjah bl-abbundanza għall-integrità li kien wera. (Ġob 42:10-17) Il-prinċipji li ġew provati permezz taʼ l-integrità taʼ Ġob ilhom żmien twil dokumentati fil-Bibbja u huma evidenti għal kulħadd. M’hemmx bżonn taʼ każ ieħor bħal dan biex jiġi stabbilit preċedent.
X’Inhi t-Tattika taʼ Satana?
Kważi f’kull każ, l-unika konnessjoni bejn Satana u l-mard li jolqot lin-nies hija l-fatt li Satana ttanta lill-ewwel koppja umana, u t-tnejn li huma waqgħu fid-dnub. Hu u d-demonji tiegħu m’humiex il-kawża diretta taʼ kull marda li teżisti. Madankollu, Satana m’huwiex se joqgħod jiddejjaq biex jinfluwenzana ħalli nagħmlu deċiżjonijiet bla għaqal u nikkompromettu l-fidi tagħna, u minħabba f’hekk nagħmlu ħsara lil saħħitna. Hu m’għamilx xi magħmul fuq Adam u Eva, qatilhom, jew laqathom b’xi marda. Hu pperswada lil Eva biex ma tobdix lil Alla, u Adam m’obdiex bħalha. Il-mard u l-mewt kienu parti mill-konsegwenzi.—Rumani 5:19.
Darba, profeta żleali jismu Balgħam tqabbad mis-sultan taʼ Mowab biex jisħet lill-ġens taʼ Iżrael, li kien waqqaf it-tined qrib iżżejjed tal-fruntieri taʼ Mowab. Balgħam ipprova jisħet lil Iżrael, imma ma rnexxilux għax il-ġens kien taħt il-protezzjoni taʼ Jehovah. Imbagħad il-Mowabiti qatgħuha li jħajru lill-Iżraeliti biex jikkommettu idolatrija u immoralità sesswali. Din it-tattika rnexxiet, u Iżrael tilef il-protezzjoni taʼ Jehovah.—Numri 22:5, 6, 12, 35; 24:10; 25:1-9; Apokalissi 2:14.
Nistgħu nitgħallmu tagħlima importanti minn din il-ġrajja tal-qedem. L-għajnuna divina tagħti protezzjoni lill-adoraturi leali taʼ Jehovah mill-attakki diretti taʼ l-ispirti mill-agħar. Madankollu, Satana għandu mnejn jipprova jġiegħel lil individwi biex jikkompromettu l-fidi tagħhom. Forsi jistaʼ jipprova jħajjarhom biex jaqgħu fl-immoralità. Jew, bħal iljun jgħajjat, jistaʼ jipprova jbeżżagħhom biex jaġixxu b’tali mod li ma jibqgħux igawdu l-protezzjoni t’Alla. (1 Pietru 5:8) Huwa għalhekk li l-appostlu Pawlu jsejjaħ lil Satana “dak li kellu l-mewt f’idejh [“dak li għandu l-mezzi biex jikkaġuna l-mewt,” NW].”—Lhud 2:14.
In-nanna taʼ Owmadji pprovat tipperswadi li Hawa biex tuża l-amuleti u l-fetiċċi bħala protezzjoni kontra l-mard. X’kien jiġri li kieku Hawa ċediet? Hi kienet tkun uriet nuqqas taʼ fiduċja sħiħa f’Alla Jehovah, u ma kinitx tkun tistaʼ tibqaʼ fiduċjuża fil-protezzjoni tiegħu.—Eżodu 20:5; Mattew 4:10; 1 Korintin 10:21.
Satana ipprova l-persważjoni fil-każ taʼ Ġob ukoll. Li jiħodlu l-familja, ġidu, u saħħtu ma kienx biżżejjed. Ġob ngħatalu wkoll parir ħażin ħafna mingħand martu meta din qaltlu: “Isħet ’l Alla u mut!” (Ġob 2:9) Imbagħad tlett “iħbieb” żaru lil Ġob bil-ħsieb li jikkonvinċuh li kien it-tort tiegħu li issa kien jinsab marid. (Ġob 19:1-3) B’dan il-mod Satana ħa vantaġġ mill-qagħda dgħajfa taʼ Ġob biex jipprova jiskuraġġih u jdgħajjef il-fiduċja tiegħu fit-tjieba taʼ Jehovah. Madankollu, Ġob baqaʼ jistrieħ fuq Jehovah bħala l-unika tama tiegħu.—Qabbel Salm 55:23 [Salm55:22, NW].
Meta nimirdu, aħna wkoll nistgħu nispiċċaw dipressi. F’sitwazzjoni bħal din, Satana huwa ħafif biex jipprova jġagħalna naġixxu b’tali mod li nikkompromettu l-fidi tagħna. Għaldaqstant, meta jiġi l-mard fuqna, huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-kawża bażika tas-sofferenzi tagħna hija x’aktarx l-imperfezzjoni li writna u mhux xi influwenza barra min-normal. Ftakar, ir-raġel leali Iżakk tilef id-dawl t’għajnejh għadd taʼ snin qabel mewtu. (Ġenesi 27:1) Il-kawża ma kinitx spirti mill-agħar imma x-xjuħija. Rakel mietet hi u twelled, mhux tort taʼ Satana, imma tort tal-ġisem dgħajjef. (Ġenesi 35:17-19) Eventwalment, l-uħud leali tal-qedem kollha mietu—mhux minħabba xi seħer jew magħmul imma minħabba l-imperfezzjoni li kienu wirtu.
Nistgħu naqgħu f’nassa jekk noqogħdu nimmaġinaw li l-ispirti li ma jidhrux għandhom influwenza diretta fuq kull marda li tiġi fuqna. Dan jistaʼ jqajjem ġo fina biżaʼ tal-waħx mill-ispirti. Imbagħad, meta nimirdu, nistgħu niġu mħajrin biex nipprovaw nikkwitaw lid-demonji minflok ma nżommu ’l bogħod minnhom. Jekk Satana jirnexxilu jdawwarna lejn prattiċi spiritistiċi, inkunu qed niċħdu lill-veru Alla, Jehovah. (2 Korintin 6:15) Aħna għandna niġu gwidati minn biżaʼ mimli rispett lejn Alla, u mhux minn biżaʼ superstizzjuż mill-Avversarju tiegħu.—Apokalissi 14:7.
Iċ-ċkejkna Owmadji diġà għandha l-aqwa protezzjoni possibbli kontra l-ispirti mill-agħar. Skond l-appostlu Pawlu, Alla jqisha ‘qaddisaʼ għax għandha lil ommha fil-verità, u ommha tistaʼ titlob lil Alla biex ikun maʼ bintha permezz taʼ l-ispirtu qaddis. (1 Korintin 7:14) Imbierka b’għarfien eżatt bħal dan, Hawa rnexxielha tikseb kura effettiva għal Owmadji minflok ma strieħet fuq l-amuleti.
Diversi Kawżi tal-Mard
Il-biċċa l-kbira tan-nies ma jemmnux fl-ispirti. Meta jimirdu, dawn imorru għand it-tabib—jekk ikunu jaffordjawh. M’għandniex xi ngħidu, persuna marida tistaʼ tmur għand tabib u xorta ma tfiqx. It-tobba ma jagħmlux mirakli. Imma ħafna individwi superstizzjużi li jistgħu jitfejqu jmorru għand tabib wara li jkun tard wisq. Huma l-ewwel jipprovaw il-metodi superstizzjużi taʼ fejqan, u meta dawn ma jirnexxux imorru għand it-tabib bħala l-aħħar sforz. Ħafna nies imutu bla bżonn.
Oħrajn isibu l-mewt maʼ wiċċhom qabel il-waqt minħabba l-injoranza. Dawn ma jindunawx bis-sintomi u ma jafux x’miżuri prattiċi għandhom jittieħdu biex ma jimirdux. L-għarfien jgħin biex ineħħi s-sofferenza bla bżonn. Taʼ min jinnota li l-ommijiet li jkunu jafu jaqraw imutulhom inqas tfal minħabba l-mard minn dawk l-ommijiet li ma jkunux jafu jaqraw. Iva, l-injoranza tistaʼ tkun fatali.
It-traskuraġni hija kawża oħra tal-mard. Per eżempju, ħafna nies jimirdu għax iħallu l-insetti joqogħdu fuq l-ikel li jkunu se jieklu iktar tard jew għax dawk li jkunu ħejjew l-ikel ma jaħslux idejhom qabel. Li torqod mingħajr il-purtiera tan-nemus huwa wkoll perikoluż f’reġjuni infettati bil-malarja.a F’affarijiet taʼ saħħa, sewwa jgħid il-qawl Ingliż li “uqija prevenzjoni tiswa iktar minn libbra kura.”
Stil taʼ ħajja mingħajr għaqal wassal lil miljuni taʼ nies biex jimirdu u jmutu qabel iż-żmien. Ix-xorb żejjed, l-immoralità sesswali, l-użu tad-drogi, u l-użu tat-tabakk ħassru s-saħħa taʼ ħafna nies. Jekk individwu jagħtiha għal dawn il-vizzji u mbagħad jimrad, ikun dan ġralu hekk għax xi ħadd ikun għamillu xi magħmul jew għax xi spirtu jkun dar għalih? Le. Hu jaħti għall-mard tiegħu. Jekk wieħed iwaħħal fl-ispirti, ikun qed jirrifjuta li jaċċetta r-responsabbiltà taʼ stil taʼ ħajja bla għaqal.
M’għandniex xi ngħidu, ċerti affarijiet ma nistgħux nikkontrollawhom. Per eżempju, nistgħu niġu esposti għal mikrobi li jġorru l-mard jew għat-tniġġis. Dan hu dak li ġralha Owmadji. Ommha ma kinitx taf x’qed jikkaġuna d-dijarea. It-tfal tagħha ma jimirdux daqs tfal oħra għax hi żżomm id-dar u l-bitħa tagħha nodfa u dejjem taħsel idejha qabel ma tħejji l-ikel. Imma xi darba jew oħra t-tfal kollha jimirdu. Hemm madwar 25 infezzjoni organika differenti li jistgħu jikkawżaw id-dijarea. Probabbilment, ħadd qatt ma se jkun jaf liema waħda minnhom ikkaġunat il-problema t’Owmadji.
Is-Soluzzjoni Dejjiema
Alla ma jaħtix għall-mard. “Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:13) Jekk xi ħadd mill-adoraturi tiegħu jimrad, Jehovah jsostnih spiritwalment. “Il-Mulej jieqaf miegħu meta jkun fuq is-sodda tal-mard tiegħu; int tbiddel is-sodda tiegħu kollha tal-mard.” (Salm 41:3, Karm Żammit) Iva, Jehovah jagħder. Hu jgħinna jrid, mhux iweġġagħna.
Tabilħaqq, Jehovah għandu soluzzjoni dejjiema għall-mard—il-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù. Permezz tas-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-fidwa, nies b’qalb retta jiġu mifdijin mill-qagħda midinba tagħhom u eventwalment se jgawdu saħħa perfetta u ħajja eterna f’art magħmula ġenna. (Mattew 5:5; Ġwann 3:16) Il-mirakli taʼ Ġesù kienu previżjoni tal-fejqan veru li se ġġib is-Saltna t’Alla. Barra minn hekk Alla se jneħħi min-nofs lil Satana u d-demonji tiegħu. (Rumani 16:20) Tabilħaqq, Jehovah għandu affarijiet taʼ l-għaġeb merfugħin għal dawk li jeżerċitaw fidi fih. Kulma rridu hu li nkunu paċenzjużi u nissaportu.
Sadanittant, Alla jipprovdi għerf prattiku u direzzjoni spiritwali permezz tal-Bibbja u tal-fratellanza dinjija t’adoraturi leali. Hu jurina kif nistgħu nevitaw il-vizzji li jġibu l-problemi taʼ saħħa. U jipprovdilna wkoll ħbieb veri li se jgħinuna meta jqumu l-problemi.
Erġaʼ ġib quddiem għajnejk lil Ġob. Kienet tkun l-agħar ħaġa li qatt setaʼ għamel li kieku Ġob mar għand tabib saħħâr! Dan kien iċaħħdu mill-protezzjoni t’Alla, u kollha kien jitlifhom dawk il-barkiet li kienu qed jistennewh wara li jgħaddi mill-burraxka. Alla ma nsiehx lil Ġob, u lanqas lilna m’hu se jinsa. “Smajtu bis-sabar taʼ Ġob, u tafu kif bl-għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu,” jgħid id-dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 5:11) Jekk qatt ma naqtgħu qalbna, aħna wkoll nistgħu nirċievu barkiet taʼ l-għaġeb meta Alla jara li huwa l-waqt.
Kif baqgħet iċ-ċkejkna Owmadji? Ommha ftakret f’artiklu dwar l-oral rehydration therapy li kienet rat fl-Awake!, ir-rivista li toħroġ flimkien maʼ It-Torri taʼ l-Għassa.b Hi mxiet fuq l-istruzzjonijiet li kien hemm u ħejjiet it-taħlita għal Owmadji biex tixrobha. Issa t-tifla tinsab qawwija u sħiħa.
[Noti taʼ taħt]
a Madwar nofs biljun ruħ huma infettati bil-malarja. Madwar żewġ miljuni fis-sena jmutu b’din il-marda, il-biċċa l-kbira minnhom fl-Afrika.
b Ara l-Awake! tat-22 taʼ Settembru, 1985, paġni 24-5, “Xarba Mielħa li Ssalva l-Ħajjiet!”
[Stampi f’paġna 7]
Jehovah ħejja soluzzjoni dejjiema għall-problema tal-mard