LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 10 pp. 116-127
  • Meta Membru tal-Familja Jkun Marid

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta Membru tal-Familja Jkun Marid
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF TĦOSSOK DWAR DAN?
  • SPIRTU TAʼ FEJQAN
  • NISTABBILIXXU L-PRIJORITAJIET
  • NGĦINU LIT-TFAL
  • KIF GĦANDEK TĦARES LEJN IL-KURA MEDIKA
  • Huwa x-Xitan li Jġib il-Mard Fuqna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ġeħova se jieħu ħsiebek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Ġob—Bniedem taʼ Sabar u Integrità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Kif Tistaʼ Timmaniġġa Dar?
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 10 pp. 116-127

KAPITLU GĦAXRA

Meta Membru tal-Familja Jkun Marid

1, 2. Satana kif uża t-traġedja u l-mard biex jipprova jkisser l-integrità taʼ Ġob?

IL-BNIEDEM Ġob żgur li jrid jiġi magħdud fost dawk li gawdew ħajja hienja tal-familja. Il-Bibbja ssejjaħlu “l-aqwa wieħed fost il-popli kollha tal-lvant.” Kellu sebaʼ subjien u tlett ibniet, għaxart itfal b’kollox. Kellu wkoll il-mezzi biex jipprovdi tajjeb għall-familja tiegħu. L-iktar importanti, ħa t-tmexxija f’attivitajiet spiritwali u kien ikkonċernat dwar il-waqfa tat-tfal tiegħu quddiem Jehovah. Dan kollu rriżulta f’rabtiet mill-qrib u henjin tal-familja.—Ġob 1:1-5.

2 Is-sitwazzjoni taʼ Ġob kienet osservata minn Satana, l-għadu prinċipali t’Alla Jehovah. Satana, li l-ħin kollu qiegħed ifittex modi biex ikisser l-integrità tal-qaddejja t’Alla, attakka lil Ġob billi qered lill-familja hienja tiegħu. Imbagħad, “mela lil Ġob bi nfafet qalila minn qiegħ riġlejh sal-qorriegħa taʼ rasu.” B’hekk Satana ttama li juża t-traġedja u l-mard biex ikisser l-integrità taʼ Ġob.—Ġob 2:6, 7.

3. X’kienu s-sintomi tal-marda taʼ Ġob?

3 Il-Bibbja ma tagħtix l-isem mediku taʼ l-afflizzjoni taʼ Ġob. Tgħidilna, iżda, x’kienu s-sintomi. Laħmu kien miksi bil-larvi, u l-ġilda tiegħu fformat qxur u tnawret. In-nifs taʼ Ġob kien iħalli r-riħa, u ġismu kien jinten. Kien mifni bl-uġigħ. (Ġob 7:5; 19:17; 30:17, 30) F’agonija, Ġob qagħad bil-qiegħda qalb l-irmied u kien iħokk b’biċċa ċaqqufa. (Ġob 2:8) Verament dehra tal-biki!

4. Kull familja liema esperjenza jkollha minn żmien għal żmien?

4 Kif kont tirreaġixxi int kieku kont milqut minn marda serja bħal din? Illum, Satana ma jolqotx lill-qaddejja t’Alla b’mard bħalma laqat lil Ġob. Xorta waħda, minħabba l-imperfezzjoni umana, l-istress tal-ħajja taʼ kuljum, u l-ambjent deterjoranti li ngħixu fih, nistgħu biss nistennew li minn żmien għal żmien, membri tal-familja se jimirdu. Minkejja l-miżuri taʼ prevenzjoni li nistgħu nieħdu, ilkoll kemm aħna suxxettibbli għall-mard, għalkemm ftit se jsofru daqskemm sofra Ġob. Meta l-mard jinvadi d-dar tagħna, dan jistaʼ verament ikun taʼ sfida. Ejjew għalhekk naraw kif il-Bibbja tgħinna biex inkampaw maʼ dan l-għadu dejjem preżenti taʼ l-umanità.—Koħelet 9:11; 2 Timotju 3:16.

KIF TĦOSSOK DWAR DAN?

5. Membri tal-familja kif jirreaġixxu s-soltu f’każi taʼ mard temporanju?

5 Meta r-rutina normali tal-ħajja tiġi mfixkla, hu x’inhu l-kaġun, ikun dejjem diffiċli, u dan huwa speċjalment veru jekk it-tfixkil ikun ikkaġunat minn mard fit-tul. Saħansitra marda qasira titlob aġġustamenti, konċessjonijiet, u sagrifiċċji. Membri tal-familja f’saħħithom jistaʼ jkollhom joqogħdu kwieti biex iħallu lill-wieħed marid jistrieħ. Jistaʼ jkollhom jabbandunaw ċerti attivitajiet. Xorta waħda, fil-biċċa l-kbira tal-familji saħansitra t-tfal żgħar iħossu mogħdrija għal xi wieħed minn ħuthom jew ġenitur marid, għalkemm kultant jistaʼ jkollhom jiġu mfakkrin biex jaħsbu fil-marid. (Kolossin 3:12) Fil-każ taʼ mard temporanju, il-familja ġeneralment tkun lesta biex tagħmel dak li huwa meħtieġ. Minbarra dan, kull membru tal-familja jittama għal konsiderazzjoni simili jekk hu jew hi jkollhom jimirdu.—Mattew 7:12.

6. Liema reazzjonijiet jidhru kultant jekk membru tal-familja jintlaqat minn marda serja u dejjiema?

6 X’jiġri, iżda, jekk il-marda tkun serja ferm u t-tfixkil ikun drastiku u fit-tul? Per eżempju, x’jiġri jekk xi ħadd fil-familja jkun ipparalizzat minn xi puplesija, diżabilitat bil-marda t’Alzheimer, jew iddebolit b’xi marda oħra? Jew x’jiġri jekk membru tal-familja jkun milqut minn marda mentali, bħalma hija l-iskiżofrenja? Reazzjoni inizjali komuni hija l-ħasra—swied il-qalb li wieħed maħbub qiegħed isofri daqstant. Madankollu, il-ħasra tistaʼ tkun segwita minn reazzjonijiet oħrajn. Hekk kif membri tal-familja jsibu ruħhom effettwati ferm u l-libertajiet tagħhom illimitati minħabba l-marda taʼ persuna waħda, jistgħu jiddejqu. Jistgħu jirraġunaw: “Dan għala kellu jiġri lili?”

7. Il-mara taʼ Ġob kif irreaġixxiet għall-marda tiegħu, u x’insiet b’mod evidenti?

7 Xi ħaġa simili tidher li għaddiet minn ġo moħħ il-mara taʼ Ġob. Ftakar, hi kienet diġà esperjenzat it-telfa tat-tfal tagħha. Hekk kif dawk il-ġrajjiet traġiċi żviluppaw, hi bla dubju ħassitha b’mod progressiv iktar imħawda mentalment. Fl-aħħarnett, hekk kif rat lil żewġha, li darba kien attiv u vigoruż, milqut minn marda taʼ wġigħ u moqżieża, tidher li nsiet il-fattur vitali li kien jisboq it-traġedji kollha—ir-relazzjoni li hi u żewġha kellhom m’Alla. Il-Bibbja tgħid: “U qaltlu martu [mart Ġob]: ‘Għadek iżżomm sħiħ fis-sewwa tiegħek? Isħet ’l Alla u mut!’”—Ġob 2:9.

Il-Kristjani juru l-profondità taʼ mħabbithom meta l-imseħbin tagħhom jimirdu

8. Meta membru tal-familja jkun marid ħafna, liema skrittura se tgħin lil membri oħrajn tal-familja biex iżommu ħarsa xierqa?

8 Ħafna jħossuhom frustrati, saħansitra rrabjati, meta ħajjithom tiġi mibdula radikalment minħabba marda taʼ xi ħaddieħor. Xorta waħda, Kristjan li jirraġuna dwar is-sitwazzjoni għandu eventwalment jirrealizza li dan jagħtih opportunità biex juri kemm hija ġenwina mħabbtu. Il-vera mħabba “taf tistabar u tħenn . . . [u] ma tfittexx dak li hu tagħha . . . Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.” (1 Korintin 13:4-7) Għalhekk, minflok ma nħallu sentimenti negattivi jiddominaw, huwa essenzjali li nagħmlu l-almu tagħna biex nikkontrollawhom.—Proverbji 3:21.

9. Liema assiguranzi jistgħu jgħinu lil familja spiritwalment u emozzjonalment meta membru jkun marid serjament?

9 X’jistaʼ jsir biex jiġi ssalvagwardjat il-benesseri spiritwali u emozzjonali taʼ familja meta wieħed mill-membri tagħha jkun marid serjament? M’għandniex xi ngħidu, kull marda tirrikjedi l-attenzjoni u l-kura partikulari tagħha stess, u ma jkunx xieraq f’din il-pubblikazzjoni li nirrikmandaw xi proċeduri mediċi jew taʼ kura fid-dar. Minkejja dan, f’sens spiritwali, Jehovah “iqajjem ’il kull min hu mitluq.” (Salm 145:14) Is-Sultan David kiteb: “Hieni min jaħseb fil-fqir u d-dgħajjef; f’jum il-għawġ jeħilsu l-Mulej. Il-Mulej iħarsu, jagħtih il-ħajja. . . . Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard.” (Salm 41:2-4 [41:1-3, NW]) Jehovah jippreserva lill-qaddejja tiegħu ħajjin spiritwalment, saħansitra meta jiġu pprovati emozzjonalment lil hinn mil-limiti tagħhom stess. (2 Korintin 4:7) Bosta membri tal-familja li ffaċċjaw mard serju fid-dar tagħhom dwew il-kliem tas-salmista: “Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej; agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.”—Salm 119:107.

SPIRTU TAʼ FEJQAN

10, 11. (a) X’inhu vitali jekk familja trid tkampa b’suċċess mal-mard? (b) Waħda mara kif kampat mal-marda taʼ żewġha?

10 “L-ispirtu tal-bniedem igħinu fil-mard tiegħu,” jgħid proverbju Bibliku, “iżda spirtu mitluq min jistaʼ jqajmu?” (Proverbji 18:14, KŻ) Trawma tistaʼ tolqot l-ispirtu taʼ familja kif ukoll “l-ispirtu tal-bniedem.” Madankollu, “il-mistrieħ tal-moħħ il-ħajja lill-ġisem jagħti.” (Proverbji 14:30) Jekk familja tkampax b’suċċess maʼ marda serja jew le jiddependi fil-parti l-kbira mill-attitudni, jew spirtu, tal-membri tagħha.—Qabbel Proverbji 17:22.

11 Waħda mara Kristjana kellha tissaporti meta rat lil żewġha mmankat minn puplesija sitt snin biss wara li żżewġu. “Id-diskors taʼ żewġi kien effettwat ferm, u saret kważi ħaġa impossibbli li nitkellem miegħu,” irrakkontat hi. “It-tensjoni mentali taʼ li nipprova nifhem dak li kien qiegħed jissielet biex jgħid kienet kbira ferm.” Immaġina, ukoll, l-agonija u l-frustrazzjoni li r-raġel bil-fors li ġarrab. X’għamlet il-koppja? Avolja kienu jgħixu ’l bogħod ħafna mill-kongregazzjoni Kristjana, l-oħt għamlet l-almu tagħha biex tibqaʼ f’saħħitha spiritwalment billi żżomm ruħha aġġornata maʼ l-informazzjoni organizzazzjonali kollha l-iktar riċenti kif ukoll mal-provista kontinwa taʼ ikel spiritwali fir-rivisti Torri Taʼ L-Għassa u Awake! Dan taha s-saħħa spiritwali biex tieħu ħsieb l-għażiż żewġha sakemm miet erbaʼ snin wara.

12. Bħalma jidher fil-każ taʼ Ġob, il-wieħed marid liema kontribuzzjoni jagħmel kultant?

12 Fil-każ taʼ Ġob kien hu, il-wieħed milqut, li baqaʼ b’saħħtu. “Nilqgħu t-tajjeb minn għand Alla, u l-ħażin ma nilqgħuhx?” staqsa hu lil martu. (Ġob 2:10) Mhux taʼ b’xejn li d-dixxiplu Ġakbu iktar tard semma lil Ġob bħala eżempju li jispikka taʼ paċenzja u sabar! F’​Ġakbu 5:11 naqraw: “Smajtu bis-sabar taʼ Ġob, u tafu kif bil-għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta.” B’mod simili llum, f’ħafna każi l-attitudni kuraġġuża tal-membru marid tal-familja għenet lil oħrajn fid-dar biex iżommu ħarsa pożittiva.

13. Liema paragun m’għandux isir minn familja li qiegħda tesperjenza mard serju?

13 Il-biċċa l-kbira minn dawk li kellhom jittrattaw mal-mard fil-familja jaqblu li inizjalment huwa komuni għal membri tal-familja li jsibuha diffiċli biex jaċċettaw ir-realtà. Huma jindikaw ukoll li l-mod li bih wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni huwa estremament importanti. Bidliet u aġġustamenti fir-rutina tad-dar jistgħu jkunu diffiċli fil-bidu. Imma jekk persuna tassew tagħmel l-isforz, tistaʼ taddatta ruħha għal sitwazzjoni ġdida. F’li nagħmlu hekk, huwa importanti li ma nipparagunawx iċ-ċirkostanzi tagħna maʼ dawk t’oħrajn li m’għandhomx mard fil-familja, billi naħsbu li l-ħajja tagħhom hija iktar faċli u li ‘dan sempliċement m’huwiex ġust!’ Attwalment, ħadd ma jaf tassew liema tagħbijiet iridu jġorru l-oħrajn. Il-Kristjani kollha jsibu faraġ fil-kliem taʼ Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”—Mattew 11:28.

NISTABBILIXXU L-PRIJORITAJIET

14. Kif jistgħu jiġu stabbiliti prijoritajiet xierqa?

14 Meta tiffaċċja mard serju, familja tagħmel sewwa li tiftakar il-kliem imnebbaħ: ‘Bil-pariri taʼ ħafna wieħed imur tajjeb.’ (Proverbji 15:22) Jistgħu l-membri tal-familja jiltaqgħu flimkien u jiddiskutu s-sitwazzjoni kkaġunata mill-marda? Ċertament li jkun xieraq li jagħmlu hekk bit-talb u li jduru lejn il-Kelma t’Alla għal gwida. (Salm 25:4) X’għandu jiġi kkunsidrat f’diskussjoni bħal din? Sewwa, hemm deċiżjonijiet mediċi, finanzjarji, u tal-familja x’jittieħdu. Min prinċipalment se jieħu ħsieb il-marid? Il-familja kif tistaʼ tikkopera biex tappoġġja dik l-attenzjoni? L-arranġamenti li jsiru kif se jeffettwaw lil kull membru tal-familja? Wieħed kif se jieħu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali u oħrajn taʼ dak li prinċipalment jieħu ħsieb il-marid?

15. Jehovah jipprovdi liema appoġġ għal familji li qegħdin jesperjenzaw mard serju?

15 Li nitolbu bis-serjetà għad-direzzjoni taʼ Jehovah, li nimmeditaw fuq il-Kelma tiegħu, u li b’kuraġġ insegwu l-mogħdija indikata mill-Bibbja spiss jirriżultaw f’barkiet iktar milli nistennew. Il-marda taʼ membru muġugħ tal-familja mhux dejjem tistaʼ tittaffa. Imma li wieħed jistrieħ fuq Jehovah dejjem iwassal għall-aħjar riżultat fi kwalunkwe sitwazzjoni. (Salm 55:23 [55:22, NW]) Is-salmista kiteb: “Tjubitek, Mulej, tweżinni. Meta joktor il-hemm ġo qalbi, il-faraġ tiegħek ihennili ruħi.”—Salm 94:18, 19; ara wkoll Salm 63:7-9 [63:6-8, NW].

NGĦINU LIT-TFAL

Meta l-familja taħdem flimkien, il-problemi jistgħu jiġu ttrattati

16, 17. Liema punti jistgħu jintgħamlu meta wieħed jiddiskuti maʼ tfal żgħar il-marda taʼ ħuhom jew oħthom?

16 Mard serju jistaʼ jikkaġuna problemi għat-tfal fil-familja. Huwa importanti li l-ġenituri jgħinu lit-tfal biex jifhmu l-ħtiġijiet li nħolqu u x’jistgħu jagħmlu huma biex jgħinu. Jekk il-wieħed li marad hu tifel, ħutu jridu jiġu mgħejjunin biex jifhmu li l-attenzjoni u l-kura iktar mis-soltu li l-wieħed marid qiegħed jirċievi ma jfissirx li t-tfal l-oħrajn huma maħbubin inqas. Minflok ma jħallu r-risentiment jew ir-rivalità jiżviluppaw, il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-tfal l-oħrajn biex jifformaw rabta iktar mill-qrib maʼ xulxin u jkollhom affezzjoni ġenwina hekk kif jikkoperaw f’li jimmaniġġaw is-sitwazzjoni kkaġunata mill-marda.

17 Tfal żgħar ġeneralment jirrispondu iktar fil-pront jekk il-ġenituri jappellaw għas-sentimenti tagħhom minflok għal spjegazzjonijiet fit-tul jew ikkomplikati dwar kundizzjonijiet mediċi. Għalhekk jistgħu jingħataw xi idea dwar dak li għaddej minnu l-membru marid tal-familja. Jekk it-tfal f’saħħithom jaraw kif il-marda żżomm lill-wieħed marid milli jagħmel ħafna mill-affarijiet li huma nfushom ma japprezzawhomx biżżejjed, x’aktarx li se jkollhom iktar “affezzjoni taʼ l-aħwa” u ‘jagħdru b’mod teneru.’—1 Pietru 3:8, NW.

18. Tfal kbar kif jistgħu jiġu mgħejjunin biex jifhmu l-problemi kkaġunati mill-mard, u dan kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalihom?

18 Tfal kbar għandhom jiġu mgħejjunin biex jirrealizzaw li teżisti sitwazzjoni diffiċli u din tirrikjedi sagrifiċċji min-naħa taʼ kull wieħed fil-familja. Bl-ispejjeż tat-tobba u kontijiet tal-mediċina x’iħallsu, jistaʼ ma jkunx possibbli għal xi ġenituri li jipprovdu għat-tfal l-oħrajn bħalma kieku jixtiequ. Se jieħdu t-tfal fastidju b’dan u jħossu li qegħdin jiġu mċaħħdin? Jew se jifhmu s-sitwazzjoni u jkunu lesti biex jagħmlu s-sagrifiċċji meħtiġin? Ħafna jiddependi mill-mod kif tiġi diskussa l-kwistjoni u mill-ispirtu ġġenerat fil-familja. Tabilħaqq, f’ħafna familji l-marda taʼ membru tal-familja għenet f’li tħarreġ lit-tfal biex isegwu l-parir taʼ Pawlu: “Tagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.”—Filippin 2:3, 4.

KIF GĦANDEK TĦARES LEJN IL-KURA MEDIKA

19, 20. (a) Kapijiet tal-familja liema responsabbiltajiet għandhom fuq spallejhom meta membru tal-familja jkun marid? (b) Għalkemm m’hijiex ktieb mediku, il-Bibbja b’liema mod tipprovdi gwida f’li jiġi ttrattat il-mard?

19 Kristjani bbilanċjati ma joġġezzjonawx għal kura medika sakemm din ma tmurx kontra l-liġi t’Alla. Meta membru tal-familja tagħhom jimrad, ikunu ħerqanin biex ifittxu l-għajnuna ħalli jtaffu s-sofferenza tal-wieħed milqut. Xorta waħda, għandu mnejn ikun hemm opinjonijiet professjonali konfliġġenti li wieħed irid iqis. Iżjed minn hekk, fi snin riċenti mardiet u diżordnijiet ġodda bdew jinħolqu bla mistenni, u għal ħafna minn dawn, m’hemm ebda metodu taʼ kura aċċettat b’mod ġenerali. Saħansitra kultant huwa diffiċli biex tinkiseb dijanjosi eżatta. X’għandu, allura, jagħmel Kristjan?

20 Għalkemm kittieb wieħed tal-Bibbja kien tabib u l-appostlu Pawlu offra parir mediku t’għajnuna lill-ħabib tiegħu Timotju, l-Iskrittura hija gwida morali u spiritwali, mhux ktieb mediku. (Kolossin 4:14; 1 Timotju 5:23) Għalhekk, fi kwistjonijiet taʼ kura medika, kapijiet tal-familja Kristjani jridu jieħdu d-deċiżjonijiet ibbilanċjati tagħhom stess. Forsi għandhom mnejn iħossu li jkollhom bżonn jiksbu iktar minn opinjoni professjonali waħda. (Qabbel Proverbji 18:17.) Huma ċertament li se jkunu jridu l-aqwa għajnuna disponibbli għall-membru marid tal-familja tagħhom, u l-biċċa l-kbira jfittxu dan fost tobba mediċi regulari. Xi wħud iħossuhom iktar komdi b’terapiji taʼ saħħa alternattivi. Din ukoll hija deċiżjoni persunali. Xorta waħda, meta jittrattaw problemi taʼ saħħa, il-Kristjani ma jiqfux milli jħallu ‘l-kelma t’Alla tkun musbieħ għal riġlejhom, u dawl fil-mogħdija tagħhom.’ (Salm 119:105) Huma jkomplu jsegwu l-linji taʼ gwida miktubin fil-Bibbja. (Isaija 55:8, 9) B’hekk, jiskansaw tekniki dijanostiċi li għandhom traċċa taʼ spiritiżmu, u jevitaw kwalunkwe kura li tikser il-prinċipji tal-Bibbja.—Salm 36:10 [36:9, NW]; Atti 15:28, 29; Apokalissi 21:8.

21, 22. Waħda mara Asjatika kif irraġunat fuq prinċipju tal-Bibbja, u d-deċiżjoni li ħadet kif tat prova li kienet xierqa fis-sitwazzjoni tagħha?

21 Ikkunsidra l-każ taʼ mara żagħżugħa Asjatika. Ftit wara li bdiet titgħallem dwar il-Bibbja bħala riżultat taʼ studju maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, hi welldet qabel iż-żmien tarbija tifla li kienet tiżen biss tliet libbri u kwart. Il-mara kellha qalbha maqsuma meta tabib qalilha li t-tarbija kienet se tkun ritardata għall-aħħar u li qatt ma kienet se tkun kapaċi timxi. Hu taha parir biex titfaʼ lit-tarbija f’istitut. Żewġha kien inċert dwar il-kwistjoni. Lejn min setgħet iddur hi?

22 Hi tgħid: “Niftakarni nitgħallem mill-Bibbja li ‘wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.’” (Salm 127:3) Hi ddeċidiet li tieħu dan il-“wirt” id-dar u tieħu ħsiebha. L-affarijiet kienu diffiċli għall-ewwel, imma bil-għajnuna taʼ ħbieb Kristjani fil-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah, il-mara setgħet timmaniġġa u tipprovdi lit-tifla l-appoġġ speċjali li kien meħtieġ. Tnax-il sena wara, it-tifla kienet qiegħda tmur għal-laqgħat fis-Sala tas-Saltna u tgawdi l-kumpanija taż-żgħażagħ hemmhekk. L-omm tikkummenta: “Tant jien grata li l-prinċipji tal-Bibbja qanqluni biex nagħmel dak li huwa sewwa. Il-Bibbja għenitni biex inżomm kuxjenza nadifa quddiem Alla Jehovah u biex ma jkollix indiema li kienet tibqaʼ fuqi għall-bqija taʼ ħajti.”

23. Il-Bibbja liema faraġ tagħti għall-morda u għal dawk li jieħdu ħsiebhom?

23 Il-mard mhux se jibqaʼ magħna għal dejjem. Il-profeta Isaija pponta ’l quddiem lejn iż-żmien meta “ħadd minn min igħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Dik il-wegħda se titwettaq fid-dinja l-ġdida li riesqa bil-għaġla. Sa dak iż-żmien, madankollu, ikollna nitqabdu mal-mard u l-mewt. B’ferħ, il-Kelma t’Alla tagħtina gwida u għajnuna. Ir-regoli bażiċi taʼ kondotta li l-Bibbja tipprovdi huma dejjiema, u jisbqu l-opinjonijiet li dejjem jinbidlu taʼ bnedmin imperfetti. Għalhekk, persuna għarfa taqbel mas-salmista li kiteb: “Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja; ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx. . . . Il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għal kollox. . . . Ħlas tajjeb għandu min iħarishom.”—Salm 19:8, 10, 12 [19:7, 9, 11, NW].

DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LILL-FAMILJA BIEX TITTRATTA MAʼ MARD KIEFER U T-TFIXKIL LI JIKKAĠUNA?

L-imħabba ssofri fit-tul u tissaporti kollox.—1 Korintin 13:4-7.

Huwa importanti li tikkultiva spirtu tajjeb.—Proverbji 18:14.

Huwa tajjeb li tfittex parir qabel ma tieħu deċiżjonijiet importanti.—Proverbji 15:22.

Jehovah joffrilna appoġġ meta l-ħajja tkun diffiċli.—Salm 55:23 [55:22, NW].

Il-Kelma taʼ Jehovah hija gwida fis-sitwazzjonijiet kollha.—Salm 119:105.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja