Il-Misteru tal-Mard
IĊ-ĊKEJKNA OWMADJI tinsab marida bid-dijarea. Hawa, ommha, tinsab inkwetata li se tinxfilha mill-ilma; hi semgħet li dan l-aħħar il-kuġina tagħha li tgħix fil-villaġġ kienet għadha kemm mititilha t-tarbija minħabba f’hekk. In-nanna taʼ Owmadji, il-kunjata taʼ Hawa, trid tieħu lil Owmadji għand tabib saħħâr tat-tribù. “Xi spirtu mill-agħar qed imarrad lit-tifla,” hi tgħid. “Int ma ridtx tlibbisha amulet għall-protezzjoni, u issa qed jinqalgħu l-problemi!”
DIN ix-xena hija komuni f’ħafna partijiet tad-dinja. Mijiet taʼ miljuni taʼ nies jemmnu li l-ispirti mill-agħar huma l-kaġun tal-mard. Huwa veru dan?
Jinħoloq il-Misteru
Forsi int personalment ma temminx li spirti li ma jidhrux jikkaġunaw il-mard. Fil-fatt, għandek mnejn tistagħġeb kif xi ħadd jistaʼ qatt jaħseb hekk, għax ix-xjenzati wrew li ħafna mill-mard huwa kaġunat minn xi virus u mill-batterji. Ftakar, iżda, li l-bnedmin mhux minn dejjem kienu jafu b’dawn il-patoġeni żgħar. Kellu jkun l-iżvilupp tal-mikroskopju minn Antonie van Leeuwenhoek fis-seklu 17 biex id-dinja mikroskopika ssir viżibbli għall-għajn umana. Minkejja dan, kien biss grazzi għall-iskoperti li għamel Louis Pasteur fis-seklu 19 li x-xjenza bdiet tifhem ir-relazzjoni li hemm bejn il-patoġeni u l-mard.
Peress li l-kawżi tal-mard ma kinux magħrufa matul il-biċċa l-kbira taʼ l-istorja umana, żviluppaw ħafna ideat superstizzjużi, inkluż it-teorija li l-mard kollu huwa kaġunat minn spirti mill-agħar. The New Encyclopædia Britannica tissuġġerixxi mod wieħed kif din setgħet żviluppat. Din tgħid li l-ewwel uħud li bdew ifejqu kienu jipprovaw ifejqu lill-morda billi jużaw tipi differenti t’għeruq, weraq, u kwalunkwe ħaġa oħra li kienu jsibu. Xi drabi, xi ħaġa minnhom kienet taħdem. Imbagħad il-wieħed li jfejjaq kien iżid ħafna riti u prattiċi superstizzjużi flimkien mat-terapija tal-fejqan, sabiex ma jurix x’kienet dik il-ħaġa li fil-fatt irnexxielu jfejjaq biha. B’hekk dak li jfejjaq kien ikollu moħħu mistrieħ li n-nies kienu se jkomplu jinqdew bis-servizzi tiegħu. B’dan il-mod, il-mediċina nżammet moħbija f’misteru, u n-nies kienu inkuraġġiti biex iduru lejn is-soprannaturali għall-għajnuna.
Dawn il-metodi tradizzjonali taʼ fejqan għadhom jintużaw f’diversi artijiet. Ħafna nies jgħidu li l-mard huwa kaġunat mill-ispirti taʼ l-antenati mejta. Oħrajn jgħidu li hu Alla li jġib il-mard fuqna u li l-mard huwa kastig għad-dnubiet tagħna. Saħansitra meta nies informati jifhmu n-natura bijoloġika tal-mard, xorta għandhom mnejn jibżgħu minn influwenzi soprannaturali.
Is-sħaħar u dawk li jfejqu b’mod tradizzjonali jużaw dan il-biżaʼ biex jisfruttaw lin-nies. X’għandna nemmnu allura? Ikun t’għajnuna jekk induru lejn l-ispirti għall-kura tas-saħħa? Il-Bibbja x’tgħidilna?