Dawn Għamlu l-Qalb
M’HUWIEX dejjem faċli li tagħmel il-qalb sabiex tippriedka. Fil-fatt, l-appostlu Pawlu qal li darba minnhom, dan għamlu “fost ħafna taħbit.” (1 Tessalonikin 2:2) Jiswa l-isforz li ‘titħabat’ biex tippriedka? M’hemm ebda garanzija taʼ xi esperjenzi spettakolari, imma n-nies t’Alla spiss ikunu henjin li jkunu għamlu l-qalb. Ikkunsidra xi eżempji.
Tifla taʼ tmien snin jisimha Tara qagħdet attenta tismaʼ hekk kif l-għalliema tagħha qalet lill-klassi li matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-priġunieri Lhud fil-kampijiet taʼ konċentrament kellhom jilbsu Stilla taʼ David safra biex jiġu identifikati. Tara bdiet ittellaʼ u tniżżel jekk għandhiex tiftaħ fommha. “Tlabt b’għajnejja miftuħin,” tiftakar hi. Imbagħad għolliet idha u qalet li f’dawk il-kampijiet kien hemm ukoll ix-Xhieda taʼ Jehovah, u dawn kellhom jilbsu trijanglu vjola. L-għalliema wriet interess u rringrazzjatha. ll-kumment taʼ Tara fetaħ it-triq għal iktar diskussjonijiet maʼ l-għalliema, li iktar tard saħansitra wriet lill-klassi kollha tagħha l-vidjo Jehovahʼs Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda ta’ Jehovah Jieqfu Sod Kontra l-Attakki tan-Nazi).
Fil-Ginea, fl-Afrika tal-Punent, Irène, pubblikatriċi żagħżugħa mhix mgħammda, riedet tipprogressa fil-ministeru tagħha. ll-missjunarja li studjat il-Bibbja magħha inkuraġġietha biex tipprova tħalli r-rivisti Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! maʼ sħabha l-istudenti fl-iskola. Irène qagħdet taħsibha għaliex sħabha tal-klassi ma kinux tawha widen qabel. Madankollu, billi tqanqlet mill-inkuraġġiment tal- missjunarja, Irène ddeċidiet li l-ewwel tavviċina lill-istudenta li kienet tidher li kienet l-iktar waħda li topponi. Irène tgħidx kif issorprendiet ruħha meta t-tfajla tatha widen u bil-ħerqa aċċettat ir-rivisti. Studenti oħrajn għamlu bħalha. Irène ħalliet iktar rivisti dak ix-xahar milli kienet ħalliet fil-ħames xhur taʼ qabel magħdudin flimkien.
Anzjan fi Trinidad qagħad jaħsibha jekk għandux javviċina lill-madam taʼ skola biex juriha l-valur edukattiv tar-rivista Stenbaħ! Minkejja dan, għamel il-qalb. Hu jgħid: “Bdejt nitlob jien u dieħel fil-kumpless. Ma stajtx nemmen lili nnifsi kemm kienet dħulija l-madam.” Hi aċċettat ir-rivista Stenbaħ! fuq “X’Tama Għandhom iż-Żgħażagħ lllum?” u saħansitra qablet li għandha tużaha meta tkun qed tgħallem fil-klassi. Minn dakinhar ʼl hawn, hi aċċettat 40 rivista li jkopru diversi ħarġiet.
Bħala żagħżugħ, Vaughn dejjem sabha diffiċli biex jippriedka. “Kont neċċita ruħi, il-pali taʼ idejja kienu jimtlew bl-għaraq, u kont nitkellem ngħaġġel—ma kontx inkun nistaʼ nnaqqas il-pass.” B’danakollu, hu sar ministru full-time, imma xorta waħda ma kienx dejjem faċli għalih li jiftaħ fommu. Darba minnhom, wara jum skuraġġanti jfittex ix-xogħol, ried jagħti xiehda lil xi ħadd li kien fuq il-ferrovija, “sabiex għallinqas joħroġ xi ġid minn jum ikrah.” Imma ħassu intimidat minħabba n-negozjanti li kienu fuq il-ferrovija taħt l-art u li kienu jidhru kollhom arja. Finalment, hu għamel il-qalb biex ikellem lil raġel anzjan li kien bilqegħda ħdejh. Irriżultat konversazzjoni fit-tul. “Għandek mistoqsijiet tajbin ferm għal żagħżugħ bħalek,” qal innegozjant. Imbagħad, staqsieh: “Int xi teologu?” Wieġeb Vaughn, “Le, jien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah.” “Ah,” tbissem ir-raġel. “Issa qed nifhem.”
Dawn ix-Xhieda kollha—u oħrajn bla għadd—huma henjin li għamlu l-qalb biex jippridkaw. Int se tagħmel l-istess?