LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 2/15 pp. 10-15
  • Insiru Nafu “l-Moħħ taʼ Kristu”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Insiru Nafu “l-Moħħ taʼ Kristu”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Eżistenza Tiegħu Qabel ma Sar Bniedem
  • Ħajtu fuq l-​Art u l-​Influwenzi li Kellu
  • Kif Kien Ġesù Bħala Persuna
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Nitgħallmu mill-Familja Umana taʼ Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Ġesù Tgħallem Ikun Ubbidjenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 2/15 pp. 10-15

Insiru Nafu “l-​Moħħ taʼ Kristu”

“Min hu dak li jistaʼ jifhem il-​ħsieb [“il-​moħħ,” “NW”] tal-​Mulej biex ikun jistaʼ jgħallmu? Imma aħna, aħna għandna fina l-​ħsieb [“il-​moħħ,” “NW”] taʼ Kristu.”—1 KORINTIN 2:16.

1, 2. Fil-​Kelma tiegħu, Jehovah ħass li hu xieraq li jirrivela liema ħaġa dwar Ġesù?

X’Aspett kellu Ġesù? X’lewn kien xagħru? il-​ġilda tiegħu? għajnejh? Kemm kien twil? Kemm kien jiżen? Matul is-​sekli, rappreżentazzjonijiet artistiċi taʼ Ġesù varjaw bejn dak li hu raġunevoli u dak li hu estrem. Xi wħud irrappreżentawh bħala raġel b’saħħtu u attiv, filwaqt li oħrajn pinġewh bħala fraġli u pallidu.

2 Madankollu, il-​Bibbja ma tiffokax l-​attenzjoni fuq id-​dehra fiżika taʼ Ġesù. Minflok, Jehovah ħass li kien xieraq li jirrivela xi ħaġa ferm iżjed sinjifikanti: it-​tip taʼ persuna li kien Ġesù. Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju ma jirrapportawx biss dak li Ġesù qal u għamel iżda jirrivelaw ukoll is-​sentimenti profondi tiegħu u l-​mod kif kien jaħseb meta kien jitkellem jew jaġixxi. Dawn l-​erbaʼ rakkonti mnebbħin jgħinuna niflu bir-​reqqa “l-​moħħ taʼ Kristu,” bħalma jirreferi għalih l-​appostlu Pawlu. (1 Korintin 2:​16, NW) Huwa importanti li nsiru midħla tal-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u l-​personalità taʼ Ġesù. Għala? Minn taʼ l-​inqas għal żewġ raġunijiet.

3. Li nsiru midħla tal-​moħħ taʼ Kristu jistaʼ jgħinna biex ikollna liema dehen?

3 L-ewwel, il-​moħħ taʼ Kristu jgħinna nittawlu fil-​moħħ t’Alla Jehovah. Ġesù tant kien midħla sewwa taʼ Missieru li setaʼ jgħid: “Ħadd ma jagħraf min hu l-​Iben ħlief il-​Missier, anqas min hu l-​Missier ħlief l-​Iben u dak li lilu l-​Iben irid jgħarrafhulu.” (Luqa 10:22) Huwa bħallikieku Ġesù qed jgħid, ‘Jekk trid tkun taf kif inhu Jehovah, ħares lejja.’ (Ġwann 14:9) Għalhekk, meta nistudjaw dak li l-​Evanġelji jirrivelaw dwar il-​mod kif kien jaħseb u jħoss Ġesù, fil-​fatt inkunu qed nitgħallmu kif Jehovah jaħseb u jħoss. Dan l-​għarfien jgħinna nersqu eqreb lejn Alla tagħna.—Ġakbu 4:8.

4. Jekk irridu verament naġixxu bħal Kristu, l-​ewwel x’irridu nitgħallmu, u għala?

4 It-tieni, li nkunu nafu l-​moħħ taʼ Kristu jgħinna ‘nimxu fuq il-​passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21) Li nsegwu lil Ġesù m’hix sempliċement kwistjoni taʼ li nirrepetu kliemu u nikkopjaw għemilu. Ladarba l-​kliem u l-​għemil jiġu influwenzati mill-​ħsibijiet u s-​sentimenti, li nsegwu lil Kristu jirrikjedi li aħna nikkultivaw l-​istess “attitudni mentali” li kellu hu. (Filippin 2:​5, NW) Fi kliem ieħor, jekk irridu verament naġixxu bħal Kristu, irridu l-​ewwel nitgħallmu naħsbu u nħossu bħalu; m’għandniex xi ngħidu, sakemm hu possibbli għalina bħala bnedmin imperfetti. Ejja, mela, bl-​għajnuna tal-​kittieba taʼ l-​Evanġelju, niflu bir-​reqqa l-​moħħ taʼ Kristu. Se niddiskutu l-​ewwel fatturi li influwenzaw il-​mod kif Ġesù kien jaħseb u jħoss.

L-​Eżistenza Tiegħu Qabel ma Sar Bniedem

5, 6. (a) Dawk li nagħmluha magħhom liema effett jistgħu jkollhom fuqna? (b) L-​Iben imwieled l-​ewwel t’Alla liema sħubija gawda fis-​smewwiet qabel ma ġie fuq l-​art, u din x’effett kellha fuqu?

5 Dawk li nagħmluha magħhom jistgħu jeffettwawna, billi jinfluwenzaw il-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u l-​azzjonijiet tagħna għat-​tajjeb jew għall-​ħażin.a (Proverbji 13:20) Ikkunsidra s-​sħubija li kellu Ġesù fis-​smewwiet qabel ma ġie fuq l-​art. L-​Evanġelju taʼ Ġwanni jiġbed l-​attenzjoni lejn l-​eżistenza taʼ Ġesù qabel ma sar bniedem bħala l-​“Verb,” jew il-​Kelliemi għal Alla. Ġwanni jgħid: “Fil-​bidu kien il-​Verb, u l-​Verb kien maʼ Alla, u l-​Verb kien Alla. Hu kien fil-​bidu maʼ Alla.” (Ġwann 1:​1, 2) Ladarba Jehovah ma kellux bidu, il-​fatt li l-​Verb kien m’Alla “fil-​bidu” bil-​fors li qed jirreferi għall-​bidu tax-​xogħlijiet kreattivi t’Alla. (Salm 90:2) Ġesù hu “il-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha.” Għaldaqstant, hu eżista qabel ma nħolqu ħlejjaq spirti oħra u l-​univers fiżiku.—Kolossin 1:15; Apokalissi 3:14.

6 Skond xi kalkoli xjentifiċi, l-​univers fiżiku ilu jeżisti għal minn taʼ l-​inqas 12-il elf miljun sena. Jekk dawn il-​kalkoli huma korretti, l-​Iben imwieled l-​ewwel t’Alla gawda sħubija intima maʼ Missieru għal eluf taʼ miljuni taʼ snin qabel il-​ħolqien taʼ Adam. (Qabbel Mikea 5:1 [5:​2, NW].) B’hekk żviluppat rabta tenera u profonda bejniethom it-​tnejn. Bħala l-​għerf personifikat, dan l-​Iben imwieled l-​ewwel, fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, hu rappreżentat bħala li qal: “Kont kuljum il-​għaxqa tiegħu [taʼ Jehovah], nitliegħeb kull ħin quddiemu.” (Proverbji 8:​30, KŻ) Il-​fatt li hu qattaʼ snin bla għadd fi sħubija intima mas-​Sors taʼ l-​imħabba żgur li kellu effett profond fuq l-​Iben t’Alla! (1 Ġwann 4:8) Dan l-​Iben sar jaf u sar jirrifletti l-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u t-​triqat taʼ Missieru b’tali mod li l-​ebda persuna oħra ma setgħet tagħmel.—Mattew 11:27.

Ħajtu fuq l-​Art u l-​Influwenzi li Kellu

7. X’inhi waħda mir-​raġunijiet għala kien neċessarju li l-​Iben imwieled l-​ewwel t’Alla jiġi fuq l-​art?

7 L-Iben t’Alla kellu iżjed x’jitgħallem, għax l-​iskop taʼ Jehovah kien li jforni lil Ibnu biex ikun Qassis il-​Kbir ħanin u li kapaċi “jagħder id-​dgħufija tagħna.” (Lhud 4:15) Waħda mir-​raġunijiet għala l-​Iben ġie fuq l-​art bħala bniedem kienet biex jikkwalifika għal dan l-​irwol. Hawnhekk, bħala bniedem tad-​demm u l-​laħam, Ġesù ffaċċja ċirkustanzi u influwenzi li qabel kien biss josservahom mis-​sema. Issa setaʼ jesperjenza direttament sentimenti u emozzjonijiet umani. Kien hemm mumenti li ħassu għajjien, bil-​għatx, u bil-​ġuħ. (Mattew 4:2; Ġwann 4:​6, 7) Iktar minn hekk, hu ssaporta kull xorta taʼ tbatija u sofferenza. Hu b’hekk “tgħallem . . . xi tfisser l-​ubbidjenza” u kkwalifika bis-​sħiħ għall-​irwol tiegħu bħala Qassis il-​Kbir.—Lhud 5:​8-10.

8. X’nafu dwar il-​ħajja bikrija taʼ Ġesù fuq l-​art?

8 Xi ngħidu dwar l-​esperjenzi taʼ Ġesù matul il-​ħajja bikrija tiegħu fuq l-​art? Dak li għandna miktub dwar tfulitu huwa ftit ferm. Fil-​fatt, Mattew u Luqa biss irrakkontaw il-​ġrajjiet marbutin mat-​twelid tiegħu. Il-​kittieba taʼ l-​Evanġelju kienu jafu li Ġesù kien għex fis-​sema qabel ma ġie fuq l-​art. Din l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, spjegat liema xorta taʼ bniedem sar. Minkejja dan, Ġesù kien kompletament uman. Għalkemm kien perfett, xorta waħda ried jikber minn tarbija għal tifel u minn adolexxent għal adult, u fl-​intervall dejjem jitgħallem. (Luqa 2:​51, 52) Il-​Bibbja tirrivela ċerti affarijiet dwar il-​ħajja bikrija taʼ Ġesù li bla dubju effettwawh.

9. (a) X’indikazzjoni hemm li Ġesù twieled ġo familja fqira? (b) F’liema ċirkustanzi x’aktarx li kiber Ġesù?

9 Huwa evidenti li Ġesù twieled ġo familja fqira. Dan hu indikat mill-​offerta li Ġużeppi u Marija ġabu fit-​tempju madwar 40 jum wara t-​twelid tiegħu. Minflok ma ġabu ħaruf bħala offerta tal-​ħruq u beċċun jew gamiema bħala offerta tad-​dnub, huma ġabu jew “par gamiem jew żewġ bċieċen.” (Luqa 2:24) Skond il-​Liġi taʼ Mosè, din l-​offerta kienet provvediment għall-​fqar. (Levitiku 12:​6-8) Maż-​żmien, din il-​familja umli kibret. Ġużeppi u Marija kellhom minn taʼ l-​inqas sitt itfal oħra b’mod naturali wara t-​twelid mirakoluż taʼ Ġesù. (Mattew 13:​55, 56) Għalhekk, Ġesù kiber ġo familja kbira u x’aktarx f’ċirkustanzi sempliċi.

10. X’juri li Ġużeppi u Marija kienu nies li kellhom il-​biżaʼ t’Alla?

10 Ġesù trabba fl-​għożża minn ġenituri li kellhom il-​biżaʼ t’Alla. Marija, ommu, kienet mara straordinarja. Ftakar li meta sellmilha, l-​anġlu Gabrijel qal: “Sliem għalik, mimlija bil-​grazzja, il-​Mulej miegħek.” (Luqa 1:28) Ġużeppi wkoll kien raġel devot. Kull sena kien jagħmel fedelment il-​vjaġġ taʼ 150 kilometru lejn Ġerusalemm għall-​Qbiż. Marija wkoll kienet tattendi, għalkemm l-​irġiel biss kienu obbligati li jattendu. (Eżodu 23:17; Luqa 2:41) Darba minnhom, meta Ġesù kellu 12-il sena, Ġużeppi u Marija, wara tfittxija bir-​reqqa, sabuh fit-​tempju f’nofs l-​għalliema. Ġesù qal lill-​ġenituri tiegħu, li kienu inkwetati ferm: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu taʼ Missieri?” (Luqa 2:49) “Missieri”—dik il-​kelma għat-​tfajjel Ġesù żgur li kellha implikazzjoni tenera u pożittiva. L-​ewwelnett, huwa evidenti li kienu qalulu li l-​veru Missieru kien Jehovah. Iktar minn hekk, Ġużeppi żgur li kien missier adottiv tajjeb għal Ġesù. Żgur li Jehovah ma kienx se jagħżel xi raġel aħrax u kattiv biex irabbi lill-​għażiż Ibnu!

11. Ġesù liema sengħa tgħallem, u fi żminijiet Bibliċi, x’kien jinvolvi li taħdem f’din is-​sengħa?

11 Matul is-​snin li qattaʼ f’Nazaret, Ġesù tgħallem is-​sengħa taʼ mastrudaxxa, x’aktarx mingħand Ġużeppi, missieru adottiv. Ġesù tant tgħallimha sewwa s-​sengħa li n-​nies kienu jsejħulu l-​“mastrudaxxa.” (Mark 6:3) Fi żminijiet Bibliċi, il-​mastrudaxxi kienu jibnu djar, jagħmlu l-​għamara (inkluż imwejjed, banketti, u bankijiet), u jagħmlu l-​għodod tar-​rabaʼ. Ġustinu Martri, kittieb tat-​tieni seklu E.K., fid-​Dialogue With Trypho, kiteb hekk dwar Ġesù: “Hu kellu d-​drawwa li jaħdem bħala mastrudaxxa meta kien fost il-​bnedmin, billi jagħmel xi moħriet jew xi madmad.” Dan ix-​xogħol ma kienx faċli, għax il-​mastrudaxxa tal-​qedem probabbli ma setax jixtri l-​injam biex jaħdem. X’aktarx li kien joħroġ u jagħżel siġra, jaqtagħha, u jġorr l-​injam id-​dar hu stess. Għalhekk Ġesù forsi kien jaf kemm hu iebes biex taqlaʼ x’tiekol, tħabbat wiċċek man-​nies, u tlaħħaq mal-​ħajja.

12. X’jindika li Ġużeppi milli jidher laħaq miet qabel Ġesù, u dan x’kien ifisser għal Ġesù?

12 Bħala l-​iben il-​kbir, Ġesù x’aktarx li għen biex jieħu ħsieb il-​familja, b’mod partikulari peress li jidher li Ġużeppi laħaq miet qabel Ġesù.b Zion’s Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Jannar, 1900, qal: “It-​tradizzjoni tiddikjara li Ġużeppi miet meta Ġesù kien għadu żgħir, u li dan b’hekk qabad is-​sengħa taʼ mastrudaxxa u beda jipprovdi hu għall-​familja. Dan għandu xi appoġġ mill-​evidenza Skritturali fejn Ġesù nnifsu jissejjaħ mastrudaxxa, u jissemmew ommu u ħutu, imma Ġużeppi ma jissemmiex. (Mark 6:3) . . . Għalhekk, huwa ferm probabbli li l-​perijodu twil taʼ tmintax-il sena fil-​ħajja tal-​Mulej tagħna, minn żmien l-​inċident [imsemmi f’Luqa 2:​41-49] saż-​żmien tal-​magħmudija tiegħu, għaddieh jagħmel id-​doveri ordinarji tal-​ħajja.” Marija u wliedha, inkluż Ġesù, x’aktarx li kienu jafu kemm hi taʼ wġigħ il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub, bħar-​raġel jew il-​missier.

13. Meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu, għala kellu għarfien, dehen, u sentimenti profondi li ebda bniedem ieħor qatt ma setaʼ jkollu?

13 Jidher ċar li Ġesù ma twelidx f’xi ħajja taʼ fsied. Minflok, hu esperjenza direttament il-​ħajja taʼ nies ordinarji. Imbagħad, fis-​sena 29 E.K., wasal iż-​żmien biex Ġesù jwettaq l-​inkarigu divin li kien qed jistennieh. Fil-​ħarifa taʼ dik is-​sena, ġie mgħammed fl-​ilma u ġie mnissel bħala Iben spiritwali t’Alla. ‘Is-​smewwiet infetħulu,’ u dan evidentement jindika li hu issa setaʼ jiftakar il-​ħajja tiegħu fis-​sema qabel ma sar bniedem, inkluż il-​ħsibijiet u s-​sentimenti li kellu f’dik il-​ħajja. (Luqa 3:​21, 22) Għalhekk, meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu, hu kellu għarfien, dehen, u sentimenti profondi li l-​ebda bniedem ieħor qatt ma setaʼ jkollu. Mhux taʼ b’xejn li l-​kittieba taʼ l-​Evanġelju ddedikaw il-​biċċa l-​kbira mill-​kitba tagħhom għall-​ġrajjiet fil-​ministeru taʼ Ġesù. Minkejja dan, ma setgħux jiktbu kull ħaġa li qal u għamel. (Ġwann 21:25) Imma dak li kienu mnebbħin jiktbu jgħinna niflu bir-​reqqa moħħ l-​aqwa bniedem li qatt għex.

Kif Kien Ġesù Bħala Persuna

14. L-​Evanġelji kif jagħtu stampa taʼ Ġesù bħala bniedem taʼ qalb kbira u b’sentimenti profondi?

14 Il-personalità taʼ Ġesù li toħroġ mill-​Evanġelji hija waħda taʼ bniedem b’qalb kbira u li kellu sentimenti profondi. Wera b’għemilu varjetà kbira taʼ reazzjonijiet emozzjonali: ħasra għal bniedem bil-​ġdiem (Mark 1:​40, 41); niket minħabba poplu li rrifjuta l-​messaġġ tiegħu (Luqa 19:​41, 42); rabja ġusta għal nies rgħiba li kienu jsarrfu l-​flus (Ġwann 2:​13-17). Bħala bniedem li kien ipoġġi lilu nnifsu fis-​sitwazzjoni taʼ ħaddieħor, Ġesù kien jitqanqal meta jara lil min jibki, u ma kienx jaħbi l-​emozzjonijiet tiegħu. Meta miet Lazzru, il-​ħabib għażiż tiegħu, u Ġesù ra lil Marija oħt Lazzru tibki, hu tant tqanqal li qabiżlu d-​dmugħ u beka quddiem kulħadd.—Ġwann 11:​32-36.

15. Is-​sentimenti teneri taʼ Ġesù kif kienu evidenti bil-​mod kif kien iqis u jittratta lil oħrajn?

15 Is-sentimenti teneri taʼ Ġesù kienu jidhru b’mod speċjali bil-​mod kif kien iqis u jittratta lil oħrajn. Kien jagħti kas tal-​fqar u l-​oppressi, billi jgħinhom ‘isibu l-​mistrieħ għal ruħhom.’ (Mattew 11:​4, 5, 28-30) Ma kienx tant okkupat li ma sabx ħin biex jittratta mal-​bżonnijiet taʼ min kien batut, sew jekk kienet mara b’nixxiegħa taʼ demm li baxx baxx messitlu ħwejġu u sew jekk kien tallâb għama li ma riedx jiskot. (Mattew 9:​20-22; Mark 10:​46-52) Ġesù kien iħares lejn it-​tajjeb taʼ oħrajn u kien ifaħħarhom; madankollu, kien lest ukoll li jagħti xi twiddiba meta tkun meħtieġa. (Mattew 16:23; Ġwann 1:47; 8:44) Fi żmien meta n-​nisa kellhom ftit drittijiet, Ġesù ttratta magħhom b’ammont bilanċjat taʼ dinjità u rispett. (Ġwann 4:​9, 27) Nistgħu nifhmu għala grupp taʼ nisa tawh is-​servizzi tagħhom minn jeddhom u minn ġidhom stess.—Luqa 8:3.

16. X’juri li Ġesù kellu ħarsa bilanċjata tal-​ħajja u taʼ l-​affarijiet materjali?

16 Ġesù kellu ħarsa bilanċjata tal-​ħajja. L-​affarijiet materjali ma kinux taʼ importanza primarja għalih. Milli jidher, materjalment ftit ferm kellu. Hu qal li ma kellux “fejn imidd rasu.” (Mattew 8:20) Fl-​istess ħin, Ġesù kien iżidilhom il-​ferħ lill-​oħrajn. Meta attenda festa taʼ tieġ—tipikament ġrajja li jkun fiha l-​mużika, il-​kant, u l-​ferħ—jidher ċar li ma marx hemm biex itellef il-​pjaċir taʼ l-​okkażjoni. Tabilħaqq, Ġesù wettaq l-​ewwel miraklu tiegħu hemmhekk. Meta spiċċalhom l-​inbid, hu biddel l-​ilma f’inbid mill-​aqwa, xarba li ‘tferraħ qalb il-​bniedem.’ (Salm 104:15; Ġwann 2:​1-11) B’hekk, il-​festa setgħet tkompli, u bla dubju, l-​għarus u l-​għarusa ma kellhomx għalfejn jistħu. Il-​bilanċ tiegħu hu rifless ukoll fil-​fatt li hemm ferm iżjed okkażjonijiet imsemmijin meta Ġesù ħadem fit-​tul u iebes fil-​ministeru tiegħu.—Ġwann 4:34.

17. Għala m’hijiex sorpriża li Ġesù kien Għalliem Prim, u x’kien jirrifletti t-​tagħlim tiegħu?

17 Ġesù kien Għalliem Prim. Ħafna mit-​tagħlim tiegħu kien jirrifletti r-​realtajiet tal-​ħajja taʼ kuljum, li hu kien ferm midħla tagħhom. (Mattew 13:33; Luqa 15:8) Il-​mod kif kien jgħallem kien bla paragun—dejjem ċar, sempliċi, u prattiku. Jerġaʼ iżjed sinjifikanti hu dak li għallem. It-​tagħlim tiegħu kien jirrifletti x-​xewqa taʼ qalbu li lis-​semmiegħa tiegħu jagħmilhom midħla tal-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u t-​triqat taʼ Jehovah.—Ġwann 17:​6-8.

18, 19. (a) Ġesù ddeskriva lil Missieru b’liema kliem li jġiblek stampa ċara f’moħħok? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

18 Billi taʼ spiss kien juża tixbihat, Ġesù rrivela lil Missieru bi kliem li jġiblek stampa ċara f’moħħok u li ma tantx tinsieh malajr. Altru li titkellem b’mod ġenerali dwar il-​ħniena t’Alla; u altru li xxebbah lil Jehovah maʼ missier li jaħfer u li meta jara lil ibnu ġej lura tant jitqanqal b’mod profond li ‘b’ġirja waħda jmur jinxteħet fuq għonqu u jbusu.’ (Luqa 15:​11-24) Waqt li rrifjuta kultura riġida fejn mexxejja reliġjużi kienu jistmerru lin-​nies komuni, Ġesù spjega li Missieru kien Alla li tistaʼ tavviċinah u li kien jippreferi l-​appell taʼ bniedem umli li kien jiġbor it-​taxxi milli t-​talba mimlija ftaħir taʼ Fariżew minfuħ bih innifsu. (Luqa 18:​9-14) Ġesù ta stampa taʼ Jehovah bħala Alla li jimpurtah u li jaf saħansitra meta għasfur tal-​bejt jaqaʼ fl-​art. “Xejn la tibżgħu,” Ġesù assigura lid-​dixxipli tiegħu, “intom aqwa minn ħafna għasafar tal-​bejt.” (Mattew 10:​29, 31) Bir-​raġun, mela, li n-​nies kienu jibqgħu “mistagħġba bit-​tagħlim tiegħu” u kienu jinġibdu lejh. (Mattew 7:​28, 29) Iva, darba minnhom “kotra kbira” baqgħet ħdejh għal tlett ijiem sħaħ, avolja ma kellhomx x’jieklu!—Mark 8:​1, 2.

19 Għandna għax inkunu grati li Jehovah rrivela fil-​Kelma tiegħu l-​moħħ taʼ Kristu! Iżda, kif nistgħu nikkultivaw u nuru b’għemilna l-​moħħ taʼ Kristu meta nittrattaw m’oħrajn? Dan se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Li ħlejjaq spirti jistgħu jiġu influwenzati minn sħubija li jkollhom hu indikat f’Apokalissi 12:​3, 4. Hemmhekk, Satana hu ffigurat bħala “dragun” li kien kapaċi juża l-​influwenza tiegħu biex iġiegħel lil “kwiekeb,” jew ulied spirti oħra, jingħaqdu miegħu f’korsa ribelluża.—Qabbel Ġob 38:7.

b L-aħħar darba li Ġużeppi jissemma direttament hi meta Ġesù kellu tnax-il sena u sabuh fit-​tempju. M’hemm ebda referenza li Ġużeppi kien preżenti fil-​festa tat-​tieġ f’Kana, fil-​bidu tal-​ministeru taʼ Ġesù. (Ġwann 2:​1-3) Fis-​sena 33 E.K., minn fuq iz-​zokk li kien imsammar miegħu, Ġesù qal lil Ġwanni, l-​appostlu l-​maħbub, biex jieħu ħsieb Marija. Dan x’aktarx li Ġesù ma kienx jagħmlu kieku Ġużeppi kien għadu ħaj.—Ġwann 19:26 27.

Tiftakar Int?

• Għala huwa importanti li nsiru midħla tal-​“moħħ taʼ Kristu”?

• Ġesù liema sħubija kellu fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem?

• Matul il-​ħajja tiegħu fuq l-​art, Ġesù liema ċirkustanzi u influwenzi esperjenza direttament?

• L-​Evanġelji x’jirrivelaw dwar il-​personalità taʼ Ġesù?

[Stampa f’paġna 10]

Ġesù kiber ġo familja kbira, x’aktarx f’ċirkustanzi sempliċi

[Stampi f’paġna 12]

L-​għalliema baqgħu skantati bil-​fehma u t-​tweġibiet taʼ Ġesù meta kellu 12-il sena

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja