LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 10/1 pp. 24-29
  • Imbierka B’Wirt Speċjali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imbierka B’Wirt Speċjali
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġrajjiet tal-​Bidu li Fformawli Ħajti
  • Missieri Jirċievi l-​Għajnuna
  • Il-​Ġuri tan-​Nannu u Ħajtu fil-​Ħabs
  • L-​Effett fuq Missieri
  • Ħabrieki fix-​Xogħol tas-​Saltna
  • Memorji tat-​Tfulija u ż-​Żgħożija
  • In-​Nannu u l-​Gradwazzjoni Tiegħi
  • Ferħana bil-​Wirt Tiegħi
  • Nibbenefika mil-Lealtà tal-Maħbubin Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Il-Ġenituri Tagħna Għallmuna Nħobbu lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Infittxu l-Ewwel is-Saltna—Ħajja Hienja u fis-Sigurtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • “It-Tjieba Tiegħek Aħjar mill-Ħajja”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 10/1 pp. 24-29

Bijografija

Imbierka B’Wirt Speċjali

KIF RAKKONTATA MINN CAROL ALLEN

Kont waħdi, bil-​ktieb il-​ġdid tiegħi marsus f’idejja. Ħassejtni mbeżżgħa, u qbadt nibki. Wara kollox, kont biss daqsxejn taʼ tifla taʼ sebaʼ snin mitlufa f’belt li ma kontx nafha, imdawra b’għaxriet t’eluf taʼ nies!

DAN L-​AĦĦAR, madwar 60 sena wara din l-​esperjenza taʼ tfuliti, erġajt ġeddidt il-​memorji tagħha waqt żjara li għamilt maʼ żewġi Paul fiċ-​Ċentru Edukattiv sabiħ tal-​Watchtower f’Patterson, ġewwa New York. Hu kien ġie mistieden hemmhekk biex jattendi t-​tieni klassi taʼ l-​iskola għall-​indokraturi li jivvjaġġaw tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Meta dħalna, innotajt esibizzjoni kbira bit-​titlu “KONVENZJONIJIET.” Lejn in-​nofs tagħha kien hemm ritratt antik abjad u iswed taʼ ċorma tfal qed jifirħu bil-​kopja tagħhom taʼ dak il-​ktieb li kelli meta kont żgħira! Qrajt malajr dak li kien hemm miktub ħdejn ir-​ritratt: “1941—F’St. Louis, ġewwa l-​Missouri, meta bdiet is-​sessjoni taʼ fil-​għodu, 15,000 tifel u tifla, li kellhom bejn ħames snin u tmintax-il sena, kienu miġburin fl-​arena prinċipali eżatt quddiem il-​platform. . . . Ħuna Rutherford ħabbar li kien ġie pubblikat ktieb ġdid jismu Children.”

It-tfal ngħataw kopja kull wieħed. Imbagħad, huma reġgħu marru bil-​qegħda ħdejn il-​ġenituri tagħhom—kollha minbarra jien. Kont intlift! Wieħed mill-​aħwa dħulin li kien jgħin lin-​nies isibu posthom refagħni u poġġieni bil-​wieqfa fuq kaxxa għolja li fiha kienu jintefgħu l-​kontribuzzjonijiet, u qalli biex nara nagħrafx lil xi ħadd li kont naf. B’qalbi ttaqtaq bdejt ngħarrex fost il-​folla li kienet nieżla t-​taraġ. F’daqqa waħda, ilmaħt wiċċ li kont nafu! “Ziju Bob! Ziju Bob!” Fl-​aħħar sibthom! Bob Rainer ħadni sa fejn kienu qed jistennewni ommi u missieri kollhom inkwetati.

Ġrajjiet tal-​Bidu li Fformawli Ħajti

Hekk kif qgħadt inħares lejn l-​esibizzjoni, bdew ġejjin quddiem għajnejja ħafna memorji taʼ ġrajjiet li kellhom effett kbir fuq il-​mod kif għext ħajti u li wasslu biex aħna sibna ruħna f’din il-​faċilità hekk sabiħa ġewwa Patterson. Ħsibijieti ġrew lura lejn ġrajjiet li seħħew iktar minn mitt sena ilu, affarijiet li kont smajt dwarhom speċjalment mingħand nannieti u mingħand il-​ġenituri tiegħi.

In-nannu tiegħi min-​naħa taʼ missieri kien jismu Clayton J. Woodworth. F’Diċembru taʼ l-​1894, ministru full-time taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, bħalma kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien, mar iżuru fid-​dar tiegħu ġewwa Scranton, Pennsylvania, fl-​Istati Uniti. Clayton kien għadu kif iżżewweġ. Hu kiteb ittra lill-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society, Charles Taze Russell, u din ġiet pubblikata fil-​ħarġa tal-​Watchtower tal-​15 taʼ Ġunju, 1895. Hu spjega:

“Aħna koppja żagħżugħa miżżewġa li ilna membri taʼ dik li suppost hi l-​knisja t’Alla għal madwar għaxar snin. Issa, kif qed nittamaw, ħerġin mid-​dlamijiet tagħha għal ġod-​dawl tal-​jum il-​ġdid li qed iżernaq għat-​tfal ikkonsagrati taʼ l-​Iktar Għoli. . . . Sa minn żmien twil qabel ma ltqajna, it-​tnejn li aħna kellna xewqa kbira li naqdu lill-​Mulej, jekk inhi r-​rieda tiegħu, bħala missjunarji f’xi art barranija.”

Xi żmien wara, fl-​1903, il-​bużnanniet tiegħi min-​naħa t’ommi, li kien jisimhom Sebastian u Catherine Kresge, laqgħu bil-​ferħ il-​messaġġ tal-​Bibbja li tawhom żewġ rappreżentanti tal-​Watch Tower. Huma kienu joqogħdu f’razzett kbir fir-​reġjun sabiħ tal-​Muntanji Pocono, ġewwa Pennsylvania, flimkien maʼ wliedhom Cora u Mary, u żwieġhom Washington u Edmund Howell. Ir-​rappreżentanti tal-​Watch Tower, Carl Hammerle u Ray Ratcliffe, qagħdu għandhom għal ġimgħa sħiħa, u għallmuhom ħafna affarijiet. Is-​sitt membri tal-​familja kollha semgħu, bdew studju, u malajr saru Studenti tal-​Bibbja żelużi.

F’dik l-​istess sena, l-​1903, Cora u Washington Howell kellhom tifla jisimha Catherine. L-​istorja taʼ kif maż-​żmien iżżewġet lil missieri, Clayton J. Woodworth, Jr., hija waħda interessanti, u fl-​opinjoni tiegħi, taʼ tifsir. Turi d-​dehen u l-​imħabba min-​naħa tan-​nannu tiegħi, Clayton J. Woodworth, Sr., kif ukoll it-​tħassib li kellu bħala ġenitur għal ibnu.

Missieri Jirċievi l-​Għajnuna

Missieri, Clayton Jr., twieled fi Scranton fl-​1906, madwar 80 kilometru ’l bogħod mir-​razzett tal-​familja Howell. F’dawk is-​snin tal-​bidu, in-​nannu Woodworth sar midħla tal-​familja Howell, u taʼ spiss kien jibbenefika mill-​ospitalità kbira li tant kienu magħrufin għaliha. Kien t’għajnuna kbira għall-​kongregazzjoni taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja li kien hemm f’dawk l-​inħawi. Maż-​żmien, lin-​nannu kienu talbuh jagħti t-​taħdita taż-​żwieġ tat-​tliet ulied subien tal-​familja Howell, u billi kellu f’moħħu l-​benesseri taʼ ibnu stess, ħa ħsieb li jieħdu miegħu f’kull wieħed minn dawn it-​tiġijiet.

Dak iż-​żmien, missieri ma kellux sehem attiv fil-​ministeru taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja. Veru li kien iwassal lin-​nannu bil-​karozza biex jagħmel iż-​żjajjar fil-​ministeru, imma minkejja l-​inkuraġġiment tan-​nannu, missieri ma kienx jieħu sehem. Dik il-​ħabta, l-​interessi mużikali taʼ missieri kienu l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtu, u kien qed jimmira li jibda karriera professjonali.

Catherine, it-​tifla taʼ Cora u Washington Howell, ukoll kienet saret mużiċista mill-​aqwa, u kienet iddoqq u tgħallem il-​pjanu. Imma malli ġietha l-​opportunità biex tibda karriera professjonali, hi ma riditx li din tkun l-​interess ewlieni f’ħajjitha, u bdiet taqdi fil-​ministeru full-time. In-​nannu ma setax ħaseb f’sieħba aħjar għal ibnu—għall-​inqas hekk naħseb jien! Missieri tgħammed, u żżewweġ lil ommi sitt xhur wara, f’Ġunju taʼ l-​1931.

In-nannu minn dejjem kien kburi bil-​kapaċità mużikali taʼ ibnu. Tgħidx kemm feraħ meta lil missieri talbuh iħarreġ lill-​mużiċisti prinċipali taʼ l-​orkestra kbira li kienet iddoqq fil-​konvenzjonijiet. Dan kellu jagħmlu bi preparazzjoni għall-​konvenzjoni internazzjonali li kellha ssir ġewwa Cleveland, Ohio, fl-​1946. Fis-​snin taʼ wara, missieri dderieġa l-​orkestra f’għadd taʼ konvenzjonijiet oħrajn tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Il-​Ġuri tan-​Nannu u Ħajtu fil-​Ħabs

Meta konna Patterson, jien u Paul rajna wkoll l-​esibizzjoni li fiha kien hemm ir-​ritratt muri fil-​paġna li jmiss. Ir-​ritratt mill-​ewwel għaraftu, għax in-​nannu kien bagħatli kopja tiegħu iktar minn 50 sena ilu. In-​nannu hu dak li hemm bil-​wieqfa fit-​tarf fuq in-​naħa tal-​lemin.

F’nofs il-​ferneżija patrijottika li kien hemm fl-​Ewwel Gwerra Dinjija, dawn it-​tmien Studenti tal-​Bibbja—inkluż Joseph F. Rutherford (bil-qegħda fin-​nofs), il-​president tal-​Watch Tower Society—ġew mitfugħin il-​ħabs u miżmumin mingħajr pleġġ inġustament. L-​akkużi miġjubin kontrihom kienu jinvolvu l-​iktar xi stqarrijiet meħudin mis-​sebaʼ volum taʼ Studies in the Scriptures, li jismu The Finished Mystery. Dawn l-​istqarrijiet inftehmu ħażin, għaliex intqal li kienu jiskuraġġixxu l-​parteċipazzjoni taʼ l-​Istati Uniti fl-​Ewwel Gwerra Dinjija.

Matul is-​snin, Charles Taze Russell kien kiteb l-​ewwel sitt volumi taʼ Studies in the Scriptures, imma laħaq miet qabel kiteb is-​sebaʼ wieħed. Għalhekk, in-​noti tiegħu ngħataw lin-​nannu u Student tal-​Bibbja ieħor, u huma kitbu s-​sebaʼ volum. Dan inħareġ fl-​1917, qabel spiċċat il-​gwerra. Fil-​ġuri, in-​nannu u l-​biċċa l-​kbira mill-​oħrajn ġew kundannati l-​ħabs għal erbaʼ perijodi taʼ 20 sena l-​wieħed, li kellhom jiskontawhom fl-​istess żmien.

Ħdejn ir-​ritratt fl-​esibizzjoni taʼ Patterson kien hemm nota li tispjega: “Fil-​21 taʼ Marzu, 1919, wara li kienu għaddew disaʼ xhur minn meta Rutherford u sħabu ngħataw is-​sentenza, u wara li kienet għaddiet il-​gwerra, il-​qorti taʼ l-​appell ordnat li t-​tmien akkużati jinħarġu fuq pleġġ. B’hekk, fis-​26 taʼ Marzu, ġewwa Brooklyn, dawn ngħataw il-​libertà fuq pleġġ taʼ $10,000 [Lm3,846] kull wieħed. Fil-​5 taʼ Mejju, 1920, J. F. Rutherford u l-​bqija nħelsu minn kull akkuża.”

Wara li ngħataw is-​sentenza, qabel ma ntbagħtu fil-​ħabs federali f’Atlanta, Georgia, it-​tmien aħwa qattgħu l-​ewwel ftit jiem taʼ priġunerija fil-​ħabs taʼ Raymond Street, fi Brooklyn, New York. Minn hemmhekk, in-​nannu kiteb dwar meta poġġewh f’ċella twila 1.8 metri u wiesgħa 2.4 metri, li “fiha kont tistaʼ tgħum fil-​ħmieġ u t-​taqlib li kien hemm.” Hu qal: “Fiċ-​ċelel kien ikun hemm mazz gazzetti, u jekk għall-​ewwel ma tagħtix wisq kas tagħhom, malajr tinduna li dawn il-​gazzetti, kif ukoll is-​sapun u biċċa xugaman żgħira, huma l-​unika tama għalik biex iżżomm ruħek nadif u tibqaʼ tirrispetta lilek innifsek.”

Minkejja dan kollu, in-​nannu xorta baqaʼ ferrieħi u ċajtier bħal qabel. Kien jirreferi għall-​ħabs bħala “Hôtel de Raymondie,” u jżid, “Se nitlaq minn hawn malli jagħlaqli l-​booking.” Hu ddeskriva wkoll il-​passiġġati li kien jagħmel fil-​bitħa. Darba minnhom, meta waqaf biex jippettnawlu xagħru, kien hemm xi ħadd li ħataflu l-​arloġġ li kellu fil-​but, imma kif kiteb hu, “Il-​katina nqatgħet, u b’hekk irnexxieli nsalvah.” Meta żort il-​Betel taʼ Brooklyn fl-​1958, Grant Suiter, li dak iż-​żmien kien is-​segretarju-teżorier tal-​Watch Tower Society, sejjaħli fl-​uffiċċju tiegħu u tani dak l-​arloġġ. Għadni ngħożżu sal-​lum.

L-​Effett fuq Missieri

Meta n-​nannu ntbagħat il-​ħabs inġustament fl-​1918, missieri kien għad kellu 12-il sena. In-​nanna ma baqgħetx toqgħod fid-​dar tagħhom, u ħaditu magħha għand ommha u t-​tliet ħutha biex jgħixu hemmhekk. Kunjom in-​nanna meta kienet xebba kien Arthur, u l-​familja kienet kburija ħafna li wieħed mill-​qraba tagħhom, Chester Alan Arthur, kien il-​21 president taʼ l-​Istati Uniti.

Wara li n-​nannu Woodworth ngħata sentenza twila għall-​offiżi li ngħad li kien wettaq kontra l-​Istati Uniti, il-​familja Arthur ħasset li hu kien ġab diżunur fuq l-​isem tal-​familja. Dan kien żmien diffiċli emozzjonalment għal missieri. Jistaʼ jkun li dan il-​mod kif trattawh kellu x’jaqsam mal-​fatt li għall-​ewwel kien iżomm lura milli jieħu sehem fil-​ministeru pubbliku.

Meta n-​nannu nħeles mill-​ħabs, hu ħa lill-​familja tiegħu toqgħod ġo dar kbira fi Quincy Street, ġewwa Scranton. Meta kont żgħira, dik id-​dar kont nafha minn fuq s’isfel, u anki s-​settijiet sbieħ tal-​porċellana li kellha n-​nanna kont familjari sew magħhom. Konna ngħidulhom il-​platti sagri, għax in-​nanna ma kienet tħalli lil ħadd jaħsilhom. Wara li mietet in-​nanna fl-​1943, ommi taʼ spiss kienet tistieden in-​nies id-​dar u tuża dawk il-​platti sbieħ.

Ħabrieki fix-​Xogħol tas-​Saltna

F’okkażjoni oħra meta konna għadna fil-​faċilità taʼ Patterson, sibt ritratt taʼ Ħuna Rutherford meta kien qed jitkellem fil-​konvenzjoni taʼ Cedar Point, Ohio, li saret fl-​1919. Hemmhekk, hu kien ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti biex jieħdu sehem b’mod żeluż fix-​xandir tas-​Saltna t’Alla u biex jużaw ir-​rivista ġdida li ħarġet f’dik il-​konvenzjoni, The Golden Age. In-​nannu nħatar bħala l-​editur tagħha, u baqaʼ jikteb l-​artikli biex jidhru f’din ir-​rivista sas-​snin erbgħin, ftit qabel ma miet. Fl-​1937, l-​isem taʼ din ir-​rivista nbidel għal Consolation, u fl-​1946 reġaʼ nbidel u sar jisimha Awake! (Stenbaħ!).

In-nannu kien jagħmel ix-​xogħol tal-​kitba kemm mid-​dar, fi Scranton, u kemm mill-​kwartieri ġenerali tal-​Watch Tower, li kienu jinsabu madwar 240 kilometru ’l bogħod, ġewwa Brooklyn. Kien jagħmel ħmistax id-​dar u ħmistax fi Brooklyn. Missieri jiftakar li ħafna drabi t-​typewriter tan-​nannu diġà kienet tkun bdiet ittektek fil-​ħamsa taʼ fil-​għodu. Minkejja li kien ikollu ħafna x’jagħmel, in-​nannu xorta kien jieħu bis-​serjetà r-​responsabbiltà li jieħu sehem fl-​attività tal-​ministeru pubbliku. Fil-​fatt, hu vvinta sidrija taʼ l-​irġiel li kellha l-​bwiet kbar fuq ġewwa biex fihom toqgħod il-​letteratura Biblika. Iz-​zija tiegħi, Naomi Howell, li għandha 94 sena, għad għandha waħda minnhom. Hu vvinta wkoll basket tal-​kotba għan-​nisa.

Darba minnhom, wara li kellhom diskussjoni interessanti dwar il-​Bibbja, il-​ħu li kien qed jaħdem man-​nannu fil-​ministeru qallu: “C. J., għamilt żball wieħed.”

“Xi żball hu?” staqsieh in-​nannu. Hu ta titwila lejn is-​sidrija tiegħu. Iż-​żewġt ibwiet kienu t-​tnejn vojta.

“Insejt toffrilu abbonament għal The Golden Age.” Tgħidx kemm daħqu talli n-​nannu kien nesa joffrilu r-​rivista li kien l-​editur tagħha hu stess.

Memorji tat-​Tfulija u ż-​Żgħożija

Għadni niftakar meta n-​nannu kien iqegħedni bil-​qegħda f’ħoġru u jżommli idi ċkejkna f’idejh, waqt li joqgħod jirrakkontali l-​“Istorja tas-​Swabaʼ.” Kien jibda b’“Tommy Thumb” (is-sabaʼ l-​kbir), u mbagħad jgħaddi għal “Peter Pointer” (il-werrej), u kien jgħid xi ħaġa speċjali dwar kull sabaʼ. Imbagħad kien jagħlaq is-​swabaʼ kollha flimkien u jgħid x’inhi l-​lezzjoni: “L-​aħjar jekk jaħdmu lkoll flimkien, u kollha jgħinu lil xulxin.”

Wara li tgħammdu, il-​ġenituri tiegħi marru joqogħdu Cleveland, Ohio, u saru ħbieb kbar taʼ Ed u Mary Hooper. Il-​familji tagħhom kienu ilhom Studenti tal-​Bibbja mill-​bidu tas-​seklu. Il-​ġenituri tiegħi u z-​ziju Ed u z-​zija Mary, kif kont insejħilhom jien, kienu ħobż u sikkina. Il-​koppja Hooper kienu tilfu l-​unika tarbija tagħhom, li kienet tifla, u għalhekk, meta twelidt jien fl-​1934, sirt il-​“bint” speċjali tagħhom. Minħabba li trabbejt f’ambjent daqshekk għani spiritwalment, jien għamilt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla u tgħammidt qabel m’għalaqt it-​tmien snin.

Il-qari tal-​Bibbja kien parti minn ħajti sa minn meta kont żgħira. Waħda mis-​siltiet Bibliċi favoriti tiegħi kienet id-​deskrizzjoni tal-​ħajja fid-​dinja ġdida t’Alla li hemm f’Isaija 11:6-9. L-​ewwel darba li pprovajt naqra l-​Bibbja sħiħa kien fl-​1944, wara li kont irċivejt il-​kopja persunali tiegħi taʼ l-​American Standard Version, li ħarġet f’edizzjoni speċjali fil-​konvenzjoni taʼ Buffalo, New York. Kemm ħadt gost naqraha dik it-​traduzzjoni, li fiha l-​isem t’Alla, Jehovah, reġaʼ ddaħħal fejn kien oriġinalment kważi 7,000 darba fit-​“Testment il-​Qadim”!

Fi tmiem il-​ġimgħa tgħidx kemm konna nieħdu gost. Il-​ġenituri tiegħi u l-​koppja Hooper kienu jiħduni magħhom biex nagħtu xiehda f’territorji rurali. Konna nieħdu magħna xi ħaġa taʼ l-​ikel u mbagħad noqogħdu nikluha ħdejn xi xmara żgħira. Wara, konna mmorru f’xi razzett taʼ xi ħadd għal taħdita minn fuq il-​Bibbja li għaliha nkunu stidinna l-​ġirien kollha. Il-​ħajja kienet sempliċi. Il-​ferħ tagħna kien jiġi milli nassoċjaw flimkien bħala familja. Għadd minn dawn il-​ħbieb tal-​familja iktar tard saru indokraturi li jivvjaġġaw, inkluż Ed Hooper, Bob Rainer, u ż-​żewġ uliedu subien. Richard Rainer għadu jagħmel dan ix-​xogħol sal-​lum, flimkien maʼ martu Linda.

Is-sajf kien ikun żmien sabiħ b’mod speċjali. Kont immur noqgħod fir-​razzett tal-​familja Howell mal-​kuġini tiegħi. Fl-​1949, kuġinti Grace iżżewġet lil Malcolm Allen. Mur għidli li snin wara kelli niżżewweġ lil ħuh! Il-​kuġina tiegħi Marion, li kienet iżgħar minn Grace, kienet taqdi bħala missjunarja fl-​Urugwaj. Hi żżewġet lil Howard Hilborn fl-​1966. Dawn iż-​żewġ kuġini t-​tnejn qdew flimkien maʼ żwieġhom għal diversi snin fil-​kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn.

In-​Nannu u l-​Gradwazzjoni Tiegħi

Meta kont immur l-​iskola sekondarja, in-​nannu kien iħobb jiktibli. Fl-​ittri tiegħu kien jibgħatli ħafna ritratti antiki tal-​familja li fuq wara kien ikollhom xi noti fid-​dettall dwar l-​istorja tal-​familja. Kien b’dan il-​mod li rċivejt kopja tar-​ritratt tiegħu u taʼ l-​aħwa l-​oħrajn li ntbagħtu l-​ħabs bla ħtija.

Lejn l-​aħħar tas-​sena 1951, in-​nannu tilef il-​vuċi minħabba li marad bil-​kanċer. Moħħu kien għadu tajjeb daqs qabel, imma kien ikollu jikteb dak li ried jgħid fuq notebook żgħir li kien iġorr miegħu. Il-​klassi li kont fiha jien kellha tiggradwa f’nofs it-​term, f’Jannar taʼ l-​1952. Fil-​bidu taʼ Diċembru, lin-​nannu bgħattlu kopja tad-​diskors tal-​ftuħ li kelli nagħmel dak in-​nhar. Hu għamel xi rimarki biex jgħidli l-​opinjoni tiegħu, u fl-​aħħar paġna kitibli nota li laqtitli qalbi: “In-​nannu kuntent ferm bik.” Hu temm il-​ħajja tiegħu fuq l-​art meta kellu 81 sena, fit-​18 taʼ Diċembru, 1951.a Minkejja li l-​linka tagħha ntfiet, għadni ngħożżha sal-​lum il-​kopja tad-​diskors tal-​ftuħ b’dawk il-​kelmiet fuq l-​aħħar paġna.

Eżatt wara li ggradwajt, jien bdejt naqdi fis-​servizz taʼ pijunier, kif jissejjaħ ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Fl-​1958, attendejt il-​konvenzjoni enormi li saret fil-​belt taʼ New York, fil-​Yankee Stadium u l-​Polo Grounds. Għal din il-​konvenzjoni kien hemm preżenti folla taʼ 253,922 ruħ minn 123 pajjiż. Ġurnata minnhom, iltqajt maʼ delegat mill-​Afrika li kellu badge b’ismu fuqha, “Woodworth Mills.” Xi 30 sena qabel, kienu semmewh għan-​nannu tiegħi!

Ferħana bil-​Wirt Tiegħi

Meta kelli 14-il sena, ommi reġgħet bdiet taqdi bħala pijuniera. Hi mietet 40 sena wara, fl-​1988, u kienet għadha pijuniera! Missieri kien jagħmel ix-​xogħol taʼ pijunier kulmeta kien ikun jistaʼ. Hu miet disaʼ xhur qabel ommi. Dawk li studjajna magħhom saru ħbieb tal-​qalb, u bejnietna żviluppat rabta dejjiema. Xi wħud minn uliedhom marru jaqdu fil-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn, u oħrajn saru pijunieri.

Għalija, is-​sena 1959 kienet sena speċjali ħafna. Dan kien meta ltqajt maʼ Paul Allen. Hu kien inħatar bħala indokratur li jivvjaġġa fl-​1946 meta ggradwa mis-​sebaʼ klassi taʼ Gilgħad, skola li tħarreġ lill-​missjunarji tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta ltqajna, ħadd minna ma kien jaf li l-​inkarigu li jmiss taʼ Paul kien se jkun Cleveland, Ohio, fejn kont qed naqdi bħala pijuniera. Missieri u ommi kienu jħobbuh ħafna. Iżżewwiġna f’Lulju taʼ l-​1963 fir-​razzett tal-​familja Howell, imdawrin bil-​familji tagħna, u Ed Hooper ta t-​taħdita taż-​żwieġ. Kienet ħolma li saret realtà.

Paul qatt qabel ma kellu karozza. Meta tlaqna minn Cleveland biex immorru fl-​inkarigu li jmiss, l-​affarijiet kollha li kellna qagħdu fil-​karozza tiegħi, Volkswagen Bug taʼ l-​1961. Il-​ħbieb tagħna taʼ spiss kienu jiġu sa ħdejna nhar taʼ Tnejn, il-​ġurnata li fiha konna mmorru fil-​kongregazzjoni li jmiss, biex jarawna ngħabbu. Kienet tkun qisha xi wirja taċ-​ċirklu meta kienu jaraw il-​bagalji, il-​briefcases, il-​kaxxa bil-​files, it-​typewriter, u l-​bqija jisparixxu ġo dik il-​karozza żgħira.

Flimkien jien u Paul ivvjaġġajna eluf taʼ kilometri. Matul is-​snin, gawdejna ż-​żminijiet sbieħ u pperseverajna waqt iż-​żminijiet diffiċli li toffri din il-​ħajja—kollox bis-​saħħa li Jehovah biss jistaʼ jagħtina. Meta nħarsu lura, nistgħu ngħidu li ħajjitna kienet waħda ferħana, mimlija b’imħabba għal Jehovah, għal xulxin, u għall-​ħbieb, kemm antiki u kemm ġodda. Ix-​xahrejn li qattajna f’Patterson waqt li Paul irċieva t-​taħriġ kienu l-​isbaħ esperjenza li kellna s’issa. Il-​fatt li stajt nosserva daqshekk mill-​qrib l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-​art saħħaħli l-​konvinzjoni li ġiet mgħoddija lili bħala parti mill-​wirt spiritwali prezzjuż tiegħi: Din hi tassew l-​organizzazzjoni t’Alla. Kemm iġib ferħ li nkunu mqar parti żgħira minnha!

[Nota taʼ taħt]

a Ara The Watchtower tal-​15 taʼ Frar, 1952, paġna 128.

[Stampa f’paġna 25]

Maʼ Ed Hooper ftit qabel il-​konvenzjoni li saret f’St. Louis fl-​1941, li fiha ksibt il-​kopja tiegħi tal-​ktieb Children

[Stampa f’paġna 26]

In-​nannu fl-​1948

[Stampa f’paġna 26]

Fir-​razzett tal-​familja Howell, fejn iżżewġu l-​ġenituri tiegħi (fiċ-ċirku)

[Stampa f’paġna 27]

It-​tmien studenti tal-​Bibbja li ġew mitfugħin il-​ħabs inġustament fl-​1918 (in-nannu jinsab fit-​tarf fuq il-​lemin)

[Stampa f’paġna 29]

L-​affarijiet materjali kollha li kellna kienu joqogħdu fil-​Volkswagen tagħna

[Stampa f’paġna 29]

Maʼ żewġi, Paul

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja