LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 10/1 pp. 2-4
  • Ħafna Mistoqsijiet—Ftit Tweġibiet Sodisfaċenti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħafna Mistoqsijiet—Ftit Tweġibiet Sodisfaċenti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xkiel għall-​Fidi?
  • Kemm Ħajjiet Innoċenti Meqrudin!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Kif Nistaʼ Nkampa Meta Niffaċċja Xi Traġedja?
    Stenbaħ!—2003
  • Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • It-Tfittxija għat-Tidwil
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 10/1 pp. 2-4

Ħafna Mistoqsijiet—Ftit Tweġibiet Sodisfaċenti

FL-​GĦODWA taʼ Jum il-​Qaddisin Kollha, taʼ l-​1 taʼ Novembru taʼ l-​1755, terremot qawwi laqat il-​belt taʼ Lisbona waqt li l-​maġġuranza taċ-​ċittadini kienu l-​knisja. Waqaʼ ħafna bini, u għaxriet t’eluf taʼ nies inqatlu.

Ftit wara din it-​traġedja, il-​kittieb Franċiż Voltaire ppubblika l-​poeżija tiegħu, Poème sur le désastre de Lisbonne (Poeżija dwar id-​Diżastru taʼ Lisbona), li fiha m’aċċettax l-​istqarrija li d-​diżastru kien kastig t’Alla minħabba d-​dnubiet tan-​nies. Biex isostni li l-​bnedmin ma jistgħux jifhmu jew jispjegaw ġrajjiet diżastrużi bħal dawn, Voltaire kiteb:

In-​natura muta, huwa għalxejn li nistaqsuha;

Neħtieġu Alla li jkellem lir-​razza umana.

M’għandniex xi ngħidu, Voltaire ma kienx l-​ewwel wieħed li qajjem mistoqsijiet dwar Alla. Matul l-​istorja tal-​bniedem, it-​traġedji u d-​diżastri qajmu ħafna dubji fi mħuħ in-​nies. Eluf taʼ snin ilu, il-​patrijarka Ġob, li kien għadu kif tilef lit-​tfal kollha tiegħu u kien maħkum minn marda kiefra, staqsa: ‘[Alla] għaliex jagħti d-​dawl lill-​imsejken, u l-​ħajja lil min qalbu kollha mrar?’ (Ġob 3:​20) Illum, ħafna jistaqsu kif Alla twajjeb u taʼ mħabba jibqaʼ ma jiħux azzjoni meta jara daqstant sofferenza u inġustizzja.

Meta jaraw il-​ġuħ, il-​gwerer, il-​mard, u lmewt li jeżistu madwarna, ħafna jiċħdu kompletament l-​idea li jeżisti Ħallieq li veru jimpurtah mill-​umanità. Wieħed filosfu ateu għamel din l-​osservazzjoni: “M’hemm ebda skuża li Alla m’għandux ħtija talli jħalli lit-​tfal isofru, . . . ħlief, ovvjament, jekk hu mhux veru jeżisti.” Traġedji kbar, bħall-​Olokawst matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, iwasslu għal konklużjonijiet simili. Innota dan il-​kumment f’ittra li kittieb Lhudi kiteb f’gazzetta: “Bla dubju l-​iktar spjegazzjoni sempliċi għas-​sofferenza li kien hemm f’Auschwitz hija li m’hemm ebda Alla biex jintervieni fil-​ġrajjiet tal-​bniedem.” Skond stħarriġ li sar fi Franza fl-​1997, pajjiż fejn il-​maġġuranza huma Kattoliċi, madwar 40 fil-​mija min-​nies jiddubitaw dwar l-​eżistenza t’Alla minħabba l-​ġenoċidji, bħal dak li seħħ fl-​Irwanda fl-​1994.

Xkiel għall-​Fidi?

Alla għala ma jinterviniex biex ma jħallix dawn it-​traġedji jiġru? Wieħed kronista Kattoliku jemmen li din il-​mistoqsija hija “xkiel serju għall-​fidi” taʼ ħafna nies. Hu jistaqsi: “Tabilħaqq, kif tistaʼ temmen f’Alla li josserva mingħajr ma jistaʼ jgħin waqt li miljuni taʼ nies innoċenti jmutu u popolazzjonijiet sħaħ fid-​dinja jiġu massakrati u hu jibqaʼ ma jagħmel xejn biex iwaqqafhom?”

Editorjal fil-​gazzetta Kattolika La Croix bl-​istess mod jikkummenta: “Sew jekk ikunu traġedji mill-​imgħoddi, ġrajjiet li jirriżultaw minn avanzi teknoloġiċi, diżastri naturali, kriminalità organizzata, jew il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub, f’kull każ, in-​nies iħarsu mkexkxin lejn is-​sema. Alla fejn hu? Huma jinsistu għal tweġiba. M’huwiex hu l-​Akbar Esseri Indifferenti, l-​Akbar Esseri Assenti?”

Papa Ġwanni Pawlu II tkellem fuq din il-​kwistjoni fl-​ittra appostolika tiegħu Salvifici Doloris fl-​1984. Hu kiteb: “Għalkemm l-​eżistenza tad-​dinja tiftaħ b’mod figurattiv għajnejn il-​bnedmin biex jindunaw bl-​eżistenza t’Alla, bl-​għerf, bil-​qawwa, u bil-​kobor tiegħu, il-​ħażen u s-​sofferenza jidhru li qed iċajpru dawn il-​kwalitajiet, kultant b’mod drastiku, speċjalment meta kuljum ikun hemm tant każi taʼ sofferenza mhux ġustifikata u tant atti ħżiena li ma jiġux kastigati kif jixraq.”

Jistaʼ jkun li jeżisti Alla kollu mħabba u li jistaʼ kollox, bħalma turina l-​Bibbja, u fl-​istess ħin teżisti din is-​sofferenza kollha? Jintervieni hu biex iwaqqaf traġedji individwali jew kollettivi? Qiegħed Hu jagħmel xi ħaġa għalina llum? Hemm, biex nikkwotaw lil Voltaire, “Alla li jkellem lir-​razza umana” sabiex iwieġeb dawn il-​mistoqsijiet? Jekk jogħġbok aqra l-​artiklu li jmiss għat-​tweġiba.

[Stampi f’paġna 3]

Il-​qerda taʼ Lisbona fl-​1755 qanqlet lil Voltaire biex isostni li l-​bnedmin ma jistgħux jifhmu ġrajjiet bħal dawn

[Sorsi]

Voltaire: Mill-​ktieb Great Men and Famous Women; Lisbon: J.P. Le Bas, Praça da Patriarcal depois do terramoto de 1755. Foto: Museu da Cidade/Lisboa

[Stampa f’paġna 4]

Ħafna jiddubitaw l-​eżistenza t’Alla minħabba r-​riżultati traġiċi taʼ ġenoċidji, bħal dak fl-​Irwanda

[Sors]

AFP PHOTO

[Sors tal-​Istampa f’paġna 2]

QOXRA, tfal: USHMM, courtesy of Main Commission for the Prosecution of the Crimes against the Polish Nation

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja