LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 3/15 pp. 15-19
  • “Aqdi Sewwa l-Ministeru Tiegħek”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Aqdi Sewwa l-Ministeru Tiegħek”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nirriflettu l-​Glorja t’Alla
  • Ħalli d-​Dawl Tiegħek Jiddi Meta Tistudja l-​Bibbja m’Oħrajn
  • Għin lill-​Istudenti Jifhmu t-​Tixbihat
  • Staqsi Mistoqsijiet li Jġagħlu lill-​Istudent Jaħseb
  • Teżor li Għandna Ngħożżu
  • Għin lil Oħrajn Jobdu Dak li Tgħallem il-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Kif Nagħmlu Dixxipli Bil-Ktieb Għarfien
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
  • Oqgħod Attent għall-“Arti tat-Tagħlim” Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • It-Teżor Tagħna, Ministeru taʼ Glorja taż-Żmien Modern
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 3/15 pp. 15-19

“Aqdi Sewwa l-​Ministeru Tiegħek”

“Wettaq bir-​reqqa s-​servizz tiegħek.”—2 Timotju 4:5, Byington.

1, 2. Għalkemm il-​Kristjani kollha huma evanġelizzaturi, l-​Iskrittura x’tirrikjedi mill-​anzjani?

INT proklamatur tas-​Saltna? Jekk iva, irringrazzja lil Alla Jehovah għal dan il-​privileġġ taʼ l-​għaġeb. Int anzjan fil-​kongregazzjoni? Dan huwa privileġġ miżjud mingħand Jehovah. Imma qatt m’għandna ninsew li la l-​edukazzjoni sekulari u lanqas l-​abbiltà li nitkellmu b’mod fluwenti ma tikkwalifikana għall-​ministeru jew biex naqdu bħala indokraturi fil-​kongregazzjoni. Jehovah jikkwalifikana biżżejjed għall-​ministeru, u xi rġiel fostna għandhom il-​privileġġ li jaqdu bħala indokraturi għaliex huma jilħqu l-​ħtiġijiet Skritturali speċifiċi.—2 Korintin 3:5, 6; 1 Timotju 3:1-7.

2 Il-​Kristjani dedikati kollha jagħmlu xxogħol t’evanġelizzaturi, imma speċjalment l-​indokraturi, jew l-​anzjani, għandhom jagħtu eżempju tajjeb fil-​ministeru. Anzjani li “jagħmlu x-​xogħol tax-​xandir tal-​kelma u tat-​tagħlim” jiġu notati minn Alla u Kristu, kif ukoll minn Xhieda taʼ Jehovah sħabhom. (1 Timotju 5:17; Efesin 5:23; Lhud 6:10-12) F’kull ċirkustanza, it-​tagħlim t’anzjan għandu jippromwovi s-​saħħa spiritwali, għax l-​appostlu Pawlu qal lill-​indokratur Timotju: “Għax għad jiġi żmien meta għat-​tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, u jwarrbu widnejhom mis-​sewwa biex jiġġerrew wara l-​ħrejjef. Imma int oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, stabar fit-​tiġrib, agħmel ħidma taʼ evanġelista, aqdi sewwa l-​ministeru tiegħek.”—2 Timotju 4:3-5.

3. X’hemm bżonn li jsir sabiex tagħlim falz ma jheddidx l-​ispiritwalità tal-​kongregazzjoni?

3 Biex ikun żgur li t-​tagħlim falz ma jheddidx l-​ispiritwalità tal-​kongregazzjoni, indokratur għandu jimxi fuq il-​parir taʼ Pawlu: “Kun f’sensik f’kollox, . . . wettaq bir-​reqqa s-​servizz tiegħek.” (2 Timotju 4:5, Byington) Iva, anzjan irid ‘jaqdi sewwa l-​ministeru tiegħu.’ Hu għandu jwettqu kompletament, bir-​reqqa, jew bis-​sħiħ. Anzjan li jwettaq bir-​reqqa l-​ministeru tiegħu jagħti attenzjoni xierqa għar-​responsabbiltajiet kollha tiegħu, u ma jittraskura xejn jew iħallih nofsu lest. Raġel bħal dan hu leali anki f’affarijiet żgħar.—Luqa 12:48; 16:10.

4. X’jistaʼ jgħinna nwettqu sewwa l-​ministeru tagħna?

4 Mhux dejjem jirrikjedi iktar ħin biex naqdu sewwa l-​ministeru tagħna, imma żgur li jirrikjedi li l-​ħin li jkollna nużawh bil-​għaqal. Pass konsistenti jistaʼ jgħin lill-​Kristjani kollha jwettqu affarijiet fil-​ministeru. Biex anzjan iqattaʼ iktar ħin fis-​servizz taʼ l-​għalqa, hu għandu bżonn ikun organizzat tajjeb personalment biex jibbilanċja l-​iskeda tiegħu u jkun jaf x’għandu jiddelega u kif għandu jagħmel dan. (Lhud 13:17) Naturalment, anzjan rispettat jagħti wkoll sehmu, bħalma għamel Neħemija, li involva ruħu personalment biex jerġaʼ jibni l-​ħitan tat-​tempju. (Neħemija 5:16) U l-​qaddejja kollha taʼ Jehovah għandhom jieħdu sehem regolarment fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna.—1 Korintin 9:16-18.

5. Kif għandna nħossuna dwar il-​ministeru?

5 X’inkarigu taʼ ferħ għandna bħala proklamaturi tas-​Saltna stabbilita fis-​smewwiet! Żgur li aħna ngħożżu l-​privileġġ tagħna li jkollna sehem fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba fl-​art abitata kollha qabel ma jiġi t-​tmiem. (Mattew 24:14) Għalkemm aħna imperfetti, nistgħu niġu inkuraġġiti mill-​kliem taʼ Pawlu: “Dan it-​teżor [tal-ministeru] qiegħed għandna f’ġarar tal-​fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-​kobor taʼ din il-​qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.” (2 Korintin 4:7) Iva, aħna nistgħu nagħtu servizz aċċettabbli—imma biss bil-​qawwa u l-​għerf mingħand Alla.—1 Korintin 1:26-31.

Nirriflettu l-​Glorja t’Alla

6. X’kuntrast żviluppa bejn Iżrael naturali u Iżrael spiritwali?

6 Billi rrefera għall-​Kristjani midlukin, Pawlu qal li Alla “[“ikkwalifikana biżżejjed biex,” NW] inkunu ministri tal-​patt il-​ġdid.” L-​appostlu Pawlu jagħmel kuntrast bejn il-​patt il-​ġdid li sar maʼ Iżrael spiritwali permezz taʼ Ġesù Kristu u l-​patt tal-​liġi l-​qadim li sar maʼ Iżrael naturali permezz taʼ Mosè. Pawlu jżid li meta Mosè niżel minn fuq il-​Muntanja Sinaj bit-​twavel li kien fihom l-​Għaxar Kmandamenti, wiċċu tant kien jiddi li l-​Iżraelin ma setgħux iħarsu fiss lejh. Iżda, maż-​żmien xi ħaġa ħafna iktar serja seħħet minħabba li “moħħhom iddallam” u niżel velu fuq qalbhom. Madankollu, meta xi ħadd idur lejn Jehovah b’devozzjoni sħiħa l-​velu jitneħħa. Meta mbagħad irrefera għall-​ministeru li ngħata lil dawk fil-​patt il-​ġdid, Pawlu qal: “Aħna lkoll, . . . b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-​glorja tal-​Mulej.” (2 Korintin 3:6-8, 14-18; Eżodu 34:29-35) In-​“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù llum huma wkoll privileġġati li jirriflettu l-​glorja taʼ Jehovah.—Ġwanni 10:16.

7. Il-​bnedmin kif jistgħu jirriflettu l-​glorja t’Alla?

7 Kif jistgħu bnedmin imperfetti jirriflettu l-​glorja t’Alla, meta ebda bniedem ma jistaʼ jara wiċċ Alla u jibqaʼ ħaj? (Eżodu 33:20) Irridu nirrealizzaw li minbarra l-​glorja persunali taʼ Jehovah, hemm ukoll l-​iskop glorjuż tiegħu biex jivvindika s-​sovranità tiegħu permezz taʼ Saltnatu. Veritajiet li għandhom x’jaqsmu mas-​Saltna jagħmlu parti mill-​“għeġubijiet taʼ Alla” li bdew jiġu mxandrin minn dawk li tferraʼ fuqhom l-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. (Atti 2:11) Bil-​gwida taʼ l-​ispirtu, huma setgħu jwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru fdat f’idejhom.—Atti 1:8.

8. Pawlu x’kien determinat li jagħmel rigward il-​ministeru?

8 Pawlu kien determinat li ma jħalli xejn iwaqqfu milli jwettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħu. Hu kiteb: “Ladarba għall-​ħniena taʼ Alla għandna dan il-​ministeru, ma naqtgħux qalbna; imma nwarrbu kull ħabi u għajb; u la nimxu bil-​qerq u lanqas ngħawwġu l-​kelma taʼ Alla, iżda nuru l-​verità kollha u nħallu l-​kuxjenza taʼ kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla.” (2 Korintin 4:1, 2) Permezz taʼ dak li Pawlu sejjaħlu “dan il-​ministeru,” il-​verità qed tiġi murija u d-​dawl spiritwali qed jinfirex maʼ kullimkien.

9, 10. Kif inhu possibbli li nirriflettu l-​glorja taʼ Jehovah?

9 Dwar is-​Sors tad-​dawl fiżiku u spiritwali, Pawlu kiteb: “Dan Alla li qal: ‘Ħa jiddi d-​dawl mid-​dlam,’ dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-​dawl taʼ l-​għarfien tal-​glorja taʼ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.” (2 Korintin 4:6; Ġenesi 1:2-5) Ladarba ngħatajna l-​privileġġ imprezzabbli li nkunu ministri t’Alla, ejja nżommu lilna nfusna nodfa sabiex bħall-​mirja nistgħu nirriflettu l-​glorja taʼ Jehovah.

10 Individwi fi dlam spiritwali ma jistgħux jaraw il-​glorja taʼ Jehovah jew ir-​riflessjoni tagħha minn Ġesù Kristu, Mosè Akbar. Imma bħala l-​qaddejja taʼ Jehovah, aħna niksbu d-​dawl glorjuż mill-​Iskrittura u nirriflettuh fuq oħrajn. Sabiex dawk li issa qegħdin fid-​dlam spiritwali jaħarbu l-​qerda, huma jirrikjedu d-​dawl mingħand Alla. Għalhekk, b’ferħ u b’żelu kbir aħna nobdu l-​kmand divin biex inħallu d-​dawl tagħna jiddi minn ġod-​dlam għall-​glorja taʼ Jehovah.

Ħalli d-​Dawl Tiegħek Jiddi Meta Tistudja l-​Bibbja m’Oħrajn

11. Ġesù x’qal dwar li nħallu d-​dawl tagħna jiddi, u liema hu mod wieħed kif nagħmlu dan fil-​ministeru tagħna?

11 Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Intom id-​dawl tad-​dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-​musbieħ u jqegħduh taħt il-​modd, iżda fuq l-​imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-​dar. Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 5:14-16) Il-​kondotta tajba tagħna tistaʼ ġġiegħel lil oħrajn jagħtu glorja lil Alla. (1 Pietru 2:12) U d-​diversi aspetti tax-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar li nagħmlu jagħtuna ħafna opportunitajiet biex inħallu d-​dawl tagħna jiddi. Wieħed mill-​objettivi prinċipali tagħna hu li nirriflettu dawl spiritwali mill-​Kelma t’Alla billi nikkonduċu studji tal-​Bibbja b’mod effettiv fid-​djar. Dan huwa mod importanti ħafna kif inwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna. Liema suġġerimenti jistgħu jgħinuna nikkonduċu studji tal-​Bibbja li jmissu l-​qalb taʼ dawk li qed ifittxu l-​verità?

12. It-​talb kif inhu relatat max-​xogħol taʼ li nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar?

12 Talb lil Jehovah f’dan ir-​rigward juri xxewqa ħerqana tagħna li nikkonduċu studji tal-​Bibbja. Juri wkoll li aħna naraw l-​importanza taʼ li ngħinu lil oħrajn jiksbu l-​għarfien t’Alla. (Eżekjel 33:7-9) Jehovah żgur se jwieġeb it-​talb tagħna u jbierek l-​isforzi kuxjenzjużi tagħna fil-​ministeru. (1 Ġwanni 5:14, 15) Imma aħna ma nitolbux biss biex insibu lil xi ħadd maʼ min nikkonduċu studju tal-​Bibbja. Wara li nkunu bdejna l-​istudju, it-​talb u l-​meditazzjoni dwar il-​bżonnijiet speċifiċi taʼ l-​istudent tal-​Bibbja se jgħinuna nikkonduċu kull sessjoni b’mod effettiv.—Rumani 12:12.

13. X’jistaʼ jgħinna nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar b’mod effettiv?

13 Sabiex nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar b’mod effettiv, aħna għandna nippreparaw sew għal kull sessjoni. Jekk inħossuna li ma tantx aħna kapaċi, forsi jkun t’għajnuna li naraw kif l-​Indokratur taʼ l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni jmexxi l-​lezzjoni taʼ kull ġimgħa. Kultant, forsi nistgħu mmorru maʼ pubblikaturi tas-​Saltna li jkollhom riżultati tajbin f’li jikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar. M’għandniex xi ngħidu, l-​attitudni u l-​metodi taʼ tagħlim taʼ Ġesù Kristu huma speċjalment l-​iktar li għandna nikkunsidraw.

14. Kif nistgħu nilħqu l-​qalb taʼ student tal-​Bibbja?

14 Ġesù kien l-​għaxqa tiegħu li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru fis-​sema u jitkellem m’oħrajn dwar Alla. (Salm 40:9 [40:8, NW]) Hu kien ġwejjed u rnexxielu jilħaq il-​qalb taʼ dawk li semgħuh. (Mattew 11:28-30) Għalhekk, ejja nistinkaw biex nilħqu l-​qalb taʼ dawk li nistudjaw il-​Bibbja magħhom. Sabiex nagħmlu dan, irridu nippreparaw għal kull studju billi nżommu ċ-​ċirkustanzi partikulari taʼ l-​istudent f’moħħna. Per eżempju, jekk ikun ġej minn kultura li mhix familjari mal-​Bibbja, aħna forsi rridu nikkonvinċuh li l-​Bibbja hija vera. F’dan il-​każ, ikollna ovvjament naqraw ħafna skritturi u nispjegawhom.

Għin lill-​Istudenti Jifhmu t-​Tixbihat

15, 16. (a) Kif nistgħu ngħinu lil student li ma jifhimx tixbiha użata fil-​Bibbja? (b) X’nistgħu nagħmlu jekk waħda mill-​pubblikazzjonijiet tagħna tuża tixbiha li hi diffiċli għal student tal-​Bibbja biex jifhimha?

15 Student tal-​Bibbja forsi m’huwiex familjari maʼ xi tixbiha partikulari użata fl-​Iskrittura. Per eżempju, forsi ma jifhimx x’ried ifisser Ġesù meta tkellem dwar musbieħ li jitqiegħed fuq l-​imnara. (Mark 4:21, 22) Ġesù kien qed jirreferi għal-​lampa taż-​żejt antika li kellha ftila li tinħaraq. Lampa bħal din kienet titqiegħed fuq gandlier speċjali, u b’hekk setgħet iddawwal il-​post fejn tkun fid-​dar. Forsi jkun hemm bżonn taʼ riċerka fuq is-​suġġetti “Lampa” u “Gandlier” f’pubblikazzjoni bħall-​Insight on the Scriptures biex tkun tistaʼ tfiehem it-​tixbiha taʼ Ġesù b’mod iktar ċar.a Imma kemm hu premjanti li tmur fuq studju tal-​Bibbja bi spjegazzjoni li tinftiehem u li hi apprezzata mill-​istudent!

16 Forsi xi ktieb li jintuża bħala għajnuna għall-​Istudju tal-​Bibbja juża tixbiha li tkun diffiċli għal ċertu student biex jifhimha. Ħu l-​ħin biex tispjegaha, jew uża tixbiha oħra li tagħmel l-​istess punt. Forsi ċerta pubblikazzjoni qed tenfasizza l-​fatt li l-​imseħbin ikunu kompatibbli u li sforz min-​naħa tat-​tnejn huwa importanti fiż-​żwieġ. Biex tagħti eżempju, forsi tirreferi għal akrobata li jkun qed jitbandal fl-​għoli fuq il-​bandla, jitlaq idu, u jiddependi fuq l-​akrobata l-​ieħor biex jilqgħu. Bħala alternattiva, il-​bżonn t’għażla tajba u l-​isforz min-​naħa tat-​tnejn x’aktarx li jistgħu jitqabblu mal-​mod kif il-​ħaddiema jikkooperaw billi jgħaddu l-​kaxxi minn wieħed għall-​ieħor meta jkunu qed iħottu l-​merkanzija minn fuq vapur.

17. X’nistgħu nitgħallmu minn Ġesù dwar it-​tixbihat?

17 L-​użu taʼ tixbiha oħra jistaʼ jirrikjedi li nippreparaw minn qabel. Madankollu, dan huwa mod kif nuru interess persunali fl-​istudent tal-​Bibbja. Ġesù uża tixbihat sempliċi biex jiċċara suġġetti diffiċli. Il-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja tagħti eżempji taʼ dan, u l-​Bibbja turi li t-​tagħlim tiegħu ħalla effett tajjeb fuq is-​semmiegħa tiegħu. (Mattew 5:1–7:29) Ġesù spjega bil-​paċenzja l-​affarijiet għaliex kellu interess ġenwin f’oħrajn.—Mattew 16:5-12.

18. X’inhu suġġerit rigward l-​iskritturi ċitati fil-​pubblikazzjonijiet tagħna?

18 L-​interess tagħna f’oħrajn se jimmotivana biex ‘niddiskutu [jew ‘nirraġunaw,’ NW] magħhom fuq l-​Iskrittura.’ (Atti 17:2, 3) Dan jirrikjedi studju u talb kif ukoll l-​użu bil-​għaqal tal-​pubblikazzjonijiet li għandna disponibbli mill-​“prokuratur leali.” (Luqa 12:42-44, NW) Per eżempju, il-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem jikkwota ħafna skritturi.b Minħabba li ma tantx fih spazju, xi wħud minnhom huma sempliċement ċitati. Waqt studju tal-​Bibbja, huwa importanti li naqraw u nispjegaw minn taʼ l-​inqas ftit minn dawn l-​iskritturi ċitati. Wara kollox, it-​tagħlim tagħna huwa bbażat fuq il-​Kelma t’Alla, u għandu qawwa kbira. (Lhud 4:12) F’kull studju irreferi għall-​Bibbja, waqt li tuża spiss l-​iskritturi li hemm fil-​paragrafi. Għin lill-​istudent jara dak li tgħid il-​Bibbja dwar ċertu suġġett jew dwar liema azzjoni għandu jieħu. Ipprova urih kif se jibbenefika mill-​ubbidjenza tiegħu lejn Alla.—Isaija 48:17, 18.

Staqsi Mistoqsijiet li Jġagħlu lill-​Istudent Jaħseb

19, 20. (a) Għala tuża l-​mistoqsijiet li jitolbu l-​opinjoni taʼ l-​istudent waqt li tkun qed tikkonduċi l-​istudju tal-​Bibbja miegħu fid-​dar? (b) X’nistgħu nagħmlu jekk suġġett partikulari jirrikjedi li nkomplu nikkunsidrawh?

19 Ġesù kien juża l-​mistoqsijiet bis-​sengħa sabiex jgħin lin-​nies jirraġunaw. (Mattew 17:24-27) Jekk nistaqsu mistoqsijiet li jġagħlu lill-​istudent jaħseb bla ma jġagħluh jistħi, it-​tweġibiet tiegħu jistgħu jikxfu dak li jaħseb dwar ċertu suġġett. Forsi nsibu li għad għandu ħarsa mhux skritturali. Per eżempju, forsi jemmen fit-​trinità. F’kapitlu 3, il-​ktieb Għarfien juri ċar li l-​kelma “Trinità” ma tidhirx fil-​Bibbja. Il-​ktieb ikun fih skritturi kwotati u oħrajn ċitati li juru li Jehovah hu persuna separata minn Ġesù u li l-​ispirtu qaddis huwa l-​forza attiva t’Alla, u mhux persuna. Forsi jkun biżżejjed li naqraw u niddiskutu dwar dawn l-​iskritturi. Imma xi ngħidu jekk hemm bżonn taʼ xi ħaġa oħra? Forsi wara l-​istudju li jmiss, nistgħu nqattgħu ftit ħin f’diskussjoni effettiva dwar dan is-​suġġett minn xi pubblikazzjoni oħra tax-​Xhieda taʼ Jehovah, bħall-​browxer Għandek Int Temmen fit-​Trinità? Wara, nistgħu nkomplu l-​istudju billi nużaw il-​ktieb Għarfien.

20 Ejja ngħidu li tweġiba għall-​mistoqsija li titlob l-​opinjoni taʼ l-​istudent tissorprendik jew saħansitra tiddiżappuntak. Jekk is-​suġġett huwa t-​tipjip, jew xi suġġett sensittiv ieħor, forsi nissuġġerixxu li nkomplu bl-​istudju u niddiskutu dwaru iktar ’il quddiem. Il-​fatt li nafu li l-​istudent għadu jpejjep se jgħinna nsibu informazzjoni pubblikata li tistaʼ tgħinu jagħmel progress spiritwali. Waqt li nistinkaw biex nilħqu l-​qalb taʼ l-​istudent, aħna nistgħu nitolbu lil Jehovah biex jgħinu jikber spiritwalment.

21. X’jistaʼ jiġri jekk naddattaw il-​metodi kif ngħallmu għall-​bżonnijiet speċifiċi taʼ l-​istudent tal-​Bibbja?

21 Bi preparazzjoni tajba u bl-​għajnuna taʼ Jehovah, aħna bla dubju se nkunu nistgħu naddattaw il-​metodi kif ngħallmu biex nilħqu l-​bżonnijiet speċifiċi taʼ l-​istudent tal-​Bibbja. Maż-​żmien, forsi nkunu nistgħu ngħinuh jiżviluppa mħabba profonda għal Alla. Jistaʼ wkoll jirnexxilna nibnu rispett u apprezzament għall-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. U x’ferħ inħossu meta student tal-​Bibbja jirrikonoxxi li ‘tassew hemm Alla f’nofsna’! (1 Korintin 14:24, 25) Jalla mela nikkonduċu studji tal-​Bibbja b’mod effettiv u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lil oħrajn isiru dixxipli taʼ Ġesù.

Teżor li Għandna Ngħożżu

22, 23. X’hemm bżonn jekk se nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna?

22 Biex inwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna, għandna nistrieħu fuq is-​saħħa li jagħtina Alla. Meta rrefera għall-​ministeru, Pawlu kiteb lil sħabu Kristjani midlukin: “Dan it-​teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-​fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-​kobor taʼ din il-​qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.”—2 Korintin 4:7.

23 Kemm jekk aħna mill-​midlukin u kemm jekk min-​“nagħaġ oħra,” aħna bħal ġarar tal-​fuħħar dgħajfin. (Ġwanni 10:16) Madankollu, Jehovah jistaʼ jagħtina s-​saħħa li għandna bżonn biex inwettqu l-​inkarigi tagħna minkejja l-​pressjonijiet li hemm kontrina. (Ġwanni 16:13; Filippin 4:13) Għalhekk, ejja nafdaw f’Jehovah kompletament, ngħożżu t-​teżor tagħna taʼ servizz, u nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna.

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Int Kif Twieġeb?

• X’jistgħu jagħmlu l-​anzjani biex iwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħhom?

• Kif nistgħu nkunu iktar effettivi fl-​istudji tal-​Bibbja fid-​djar?

• Int x’tagħmel jekk student tal-​Bibbja ma jifhimx tixbiha jew ikollu bżonn iktar informazzjoni dwar ċertu suġġett?

[Stampa f’paġna 16]

Anzjani Kristjani jgħallmu fil-​kongregazzjoni u jgħinu biex iħarrġu lill-​Kristjani sħabhom fil-​ministeru

[Stampa f’paġna 18]

Mod wieħed kif inħallu d-​dawl tagħna jiddi hu billi nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar b’mod effettiv

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja