Kun Kuraġġuż bħal Ġeremija
“Ittama fil-Mulej, [“kun kuraġġuż,” “NW”] u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej.”—SALM 27:14.
1. Liema barka kbira qed igawdu x-Xhieda taʼ Jehovah?
IX-XHIEDA TAʼ JEHOVAH jgħixu f’ġenna spiritwali. (Isaija 11:6-9) F’din id-dinja mimlija inkwiet, huma jgawdu ambjent spiritwali uniku maʼ sħabhom il-Kristjani, li huma f’paċi m’Alla Jehovah u maʼ xulxin. (Salm 29:11; Isaija 54:13, Karm Żammit) U l-ġenna spiritwali tagħhom qed tikber. Dawk kollha li “jagħmlu r-rieda taʼ Alla minn qalbhom” għandhom sehem fit-tkabbir tagħha. (Efesin 6:6) Kif? Billi jgħixu fi qbil mal-prinċipji Bibliċi u billi jgħallmu lil oħrajn sabiex jagħmlu l-istess, u b’hekk ikunu qed jistidnuhom jaqsmu magħhom il-barkiet kbar taʼ dik il-ġenna.—Mattew 28:19, 20; Ġwanni 15:8.
2, 3. Il-Kristjani veri xi jridu jissaportu?
2 Madankollu, il-fatt li ngħixu f’ġenna spiritwali ma jfissirx li m’aħniex se nesperjenzaw provi. Xorta waħda għadna imperfetti u nbatu mill-uġigħ tal-mard, ix-xjuħija, u eventwalment il-mewt. Iktar minn hekk, aħna qed nixhdu t-twettiq tal-profeziji li għandhom x’jaqsmu maʼ “l-aħħar tad-dinja.” (2 Timotju 3:1) Il-gwerer, il-kriminalità, il-mard, il-ġuħ, u tbatijiet ħarxa oħra jnikktu lill-bnedmin kollha, u x-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex eċċezzjoni.—Mark 13:3-10; Luqa 21:10, 11.
3 Flimkien maʼ dan kollu, aħna konxji li minkejja l-ambjent mimli sigurtà li nsibu fil-ġenna spiritwali aħna xorta niffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa minn dawk li m’humiex parti minnha. Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu: “Billi m’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja, id-dinja tobgħodkom. Ftakru fil-kelma li għedtilkom: il-qaddej m’huwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġwanni 15:18-21) Illum is-sitwazzjoni hija l-istess. Ħafna nies la jifhmu u lanqas japprezzaw il-mod taʼ qima tagħna. Xi wħud jikkritikawna, jirridikolawna, jew saħansitra—bħalma wissa Ġesù—jobogħduna. (Mattew 10:22) Ħafna drabi jsiru sforzi sabiex issirilna ħsara billi tixtered informazzjoni żbaljata u propaganda malizzjuża dwarna permezz tal-mezzi tax-xandir. (Salm 109:1-3) Iva, ilkoll kemm aħna niffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli, u xi wħud minna jistgħu jibdew jaqtgħu qalbhom. Kif nistgħu nissaportu?
4. Lejn min se nduru għall-għajnuna biex nissaportu?
4 Jehovah se jgħinna. Taħt ispirazzjoni, is-salmista kiteb: “Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.” (Salm 34:20 [34:19, NW]; 1 Korintin 10:13) Ħafna minna jistgħu jixhdu li meta npoġġu l-fiduċja kollha tagħna f’Jehovah, hu jagħtina s-saħħa sabiex inkunu nistgħu nissaportu kwalunkwe tbatija. L-imħabba tagħna għalih u l-ferħ li jitqiegħed quddiemna jgħinuna niġġieldu l-iskuraġġiment u l-biżaʼ. (Lhud 12:2) Għalhekk, meta niffaċċjaw diffikultajiet, aħna nibqgħu sodi.
Il-Kelma t’Alla Saħħet lil Ġeremija
5, 6. (a) Liema eżempji għandna t’aduraturi veri li kienu kapaċi jissaportu? (b) Ġeremija kif irreaġixxa meta ssejjaħ biex ikun profeta?
5 Matul l-istorja, qaddejja leali taʼ Jehovah sabu l-ferħ minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli li ffaċċjaw. Xi wħud għexu fi żmien taʼ ġudizzju meta Jehovah esegwixxa r-rabja tiegħu fuq dawk li ma baqgħux leali. Fost uħud bħal dawn il-qaddejja li baqgħu leali kien hemm Ġeremija u xi wħud minn dawk li kienu jgħixu fi żmienu, kif ukoll dawk il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Dawk l-eżempji fl-istorja tniżżlu fil-Bibbja biex jinkuraġġuna, u jekk nistudjawhom nistgħu nitgħallmu ħafna minnhom. (Rumani 15:4) Per eżempju, ikkunsidra lil Ġeremija.
6 Meta kien għadu żagħżugħ, Ġeremija ssejjaħ biex jibda jaqdi bħala profeta f’Ġuda. Dan ma kienx inkarigu faċli. Ħafna kienu qed iqimu allat foloz. Għalkemm Ġosija, li kien is-sultan meta Ġeremija beda l-ministeru tiegħu, kien leali, is-slaten kollha li ġew warajh ma kinux, u ħafna minn dawk li kellhom ir-responsabbiltà li jgħallmu lill-poplu—il-profeti u l-qassisin—ma kinux man-naħa tal-verità. (Ġeremija 1:1, 2; 6:13; 23:11) Għalhekk, Ġeremija kif ħassu meta Jehovah sejjaħlu biex ikun profeta? Ħassu beżgħan! (Ġeremija 1:8, 17) Ġeremija jiftakar kif kien ħassu għall-ewwel: “Jien weġibt: ‘Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir.’”—Ġeremija 1:6.
7. In-nies fit-territorju taʼ Ġeremija kif kienu rreaġixxew, u hu kif wieġeb?
7 Il-biċċa l-kbira min-nies fit-territorju taʼ Ġeremija ma kinux iwieġbu favorevolment, u hu spiss iltaqaʼ m’oppożizzjoni ħarxa. F’okkażjoni minnhom Pasħur, li kien qassis, sawtu u qaflu fil-qjud. Ġeremija wera kif ħassu dakinhar: “U jien għedt: ‘Ma nsemmihx aktar [lil Jehovah], ma nitkellimx aktar f’ismu.’” Forsi xi drabi int ukoll ħassejtek hekk—xtaqt iċċedi. Innota x’għen lil Ġeremija jippersevera. Hu qal: “Iżda f’qalbi hemm [il-kelma, jew il-messaġġ, t’Alla] bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih.” (Ġeremija 20:9) Għandu l-kliem t’Alla l-istess effett fuqek?
Il-Ħbieb taʼ Ġeremija
8, 9. (a) Liema dgħjufija wera l-profeta Urija, u x’kien ir-riżultat? (b) Bàruk għala ħassu skuraġġit, u kif kien megħjun?
8 Ġeremija ma kienx waħdu fix-xogħol bħala profeta. Hu kellu xi ħbieb, u dan żgur li inkuraġġieh. Kultant, però, il-ħbieb tiegħu m’aġixxewx bil-għaqal. Per eżempju, Urija, sieħbu li wkoll kien profeta, kien okkupat bit-twissijiet li kellu jwassal lil Ġerusalemm u lil Ġuda fi qbil mal-“kliem taʼ Ġeremija.” Madankollu, meta s-Sultan Ġeħojakim ordna li Urija jingħata l-mewt, il-profeta ħarab lejn l-Eġittu minħabba l-biżaʼ li ħakmu. Dan ma salvalux ħajtu. Bl-ordni tas-sultan, xi wħud ġrew warajh, qabduh, u ġabuh lura Ġerusalemm, u nqatel hemmhekk. Min jaf x’xokk kien dan għal Ġeremija!—Ġeremija 26:20-23.
9 Ħabib ieħor li kellu Ġeremija kien is-segretarju tiegħu, Bàruk. Bàruk kien t’appoġġ kbir għal Ġeremija, imma f’okkażjoni minnhom ma baqax jara l-affarijiet minn ħarsa spiritwali. Hu beda jgerger u jgħid: “Jaħasra għalija, li qiegħed iżidli l-Mulej l-għali man-niket li għandi. Jien għejejt nokrob, u ma nistax insib mistrieħ.” Peress li ħassu skuraġġit, Bàruk beda jitlef l-apprezzament tiegħu għall-affarijiet spiritwali. Minkejja dan, bil-ħniena kollha Jehovah ta lil Bàruk parir għaqli, u għenu jbiddel il-mod taʼ ħsieb tiegħu. Imbagħad ġie żgurat li hu kien se jsalva mill-qerda li kienet ġejja fuq Ġerusalemm. (Ġeremija 45:1-5) Nistgħu nimmaġinaw kemm Ġeremija ħassu inkuraġġit meta ra lil Bàruk jerġaʼ jsib bilanċ spiritwali!
Jehovah Appoġġa lill-Profeta Tiegħu
10. Jehovah b’liema mod wiegħed lil Ġeremija li se jappoġġah?
10 L-iktar ħaġa importanti kienet li Jehovah ma telaqx lil Ġeremija. Hu fehem kif ħassu l-profeta u tah is-saħħa u l-appoġġ li kellu bżonn. Per eżempju, fil-bidu tal-ministeru tiegħu, meta Ġeremija kellu xi dubji dwar il-kwalifiki tiegħu, Jehovah qallu: “‘La tibżax minnhom, għax jien miegħek biex neħilsek,’ oraklu tal-Mulej.” Imbagħad, wara li ta lill-profeta tiegħu xi informazzjoni dwar l-inkarigu tiegħu, Jehovah qallu: “Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn, għax jien inkun miegħek, oraklu tal-Mulej, biex neħilsek minnhom.” (Ġeremija 1:8, 19) Kemm kien taʼ faraġ dan! U Jehovah żamm kelmtu.
11. Kif nafu li Jehovah wettaq il-wegħda li għamel lil Ġeremija meta qallu li se jappoġġah?
11 Għalhekk, meta ġie maqful fil-qjud u mwaqqaʼ għaċ-ċajt mill-pubbliku, Ġeremija b’fiduċja qal: “Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni, għalhekk dawk li jagħmlu għalija jogħtru, ma jagħmlu xejn, jitħawwdu bis-sħiħ.” (Ġeremija 20:11) Iktar tard, meta saru attentati biex joqtlu lil Ġeremija, Jehovah baqaʼ miegħu, u bħal Bàruk, Ġeremija salva mill-qerda taʼ Ġerusalemm bħala raġel ħieles, filwaqt li dawk li ppersegwitawh u dawk li injoraw it-twissijiet tiegħu nqatlu jew ittieħdu bħala lsiera lejn Babilonja.
12. Minkejja r-raġunijiet li jġagħluna nħossuna skuraġġiti, x’għandna nżommu f’moħħna?
12 Bħal Ġeremija, illum ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah jissaportu xi tbatijiet. Kif issemma qabel, xi wħud minn dawn huma kaġunati minħabba l-imperfezzjonijiet tagħna stess, oħrajn minħabba d-diżordni li d-dinja qed issib ruħha fiha, u oħrajn minħabba dawk li jopponu x-xogħol tagħna. Tbatijiet bħal dawn jistgħu jiskuraġġuna. Bħal Ġeremija, nistgħu naslu f’punt fejn nibdew naħsbu jekk nistgħux nibqgħu mexjin ’il quddiem fis-servizz tagħna. Tabilħaqq, nistgħu nistennew li minn żmien għal żmien se nħossuna skuraġġiti. L-iskuraġġiment jagħti prova taʼ kemm hi profonda l-imħabba tagħna għal Jehovah. Mela ejja nkunu determinati li ma nħallux l-iskuraġġiment iwaqqafna milli naqdu lil Jehovah bħalma għamel Urija. Minflok, ejja nimitaw lil Ġeremija u nkunu żguri mill-appoġġ li jagħtina Jehovah.
Kif Nistgħu Niġġieldu l-Iskuraġġiment
13. Kif nistgħu nsegwu l-eżempji taʼ Ġeremija u David?
13 Ġeremija kien jikkomunika spiss m’Alla Jehovah, billi kien jurih dak li kien iħoss fil-fond taʼ qalbu u jitolbu għas-saħħa. Dan hu eżempju mill-aqwa li għandna nsegwu. Fi żminijiet Bibliċi, David, li dar lejn l-istess Sors taʼ saħħa, kiteb: “Mulej agħti widen għal kliemi; agħti kas tat-tnehid tiegħi. Ismaʼ l-għajat tat-talb tiegħi, Sultan tiegħi u Alla tiegħi, għax lilek jiena nitlob.” (Salm 5:2, 3 [5:1, 2, NW]) Ir-rakkont ispirat tal-ħajja taʼ David juri li għal darba wara l-oħra Jehovah wieġeb it-talb taʼ David għall-għajnuna. (Salm 18:2, 3 [18:1, 2, NW]; 21:2-6 [21:1-5, NW]) B’mod simili, meta l-pressjonijiet huma diffiċli biex nissaportuhom jew il-problemi tagħna jidhru li ma jistgħux jissolvew, huwa taʼ faraġ li nduru lejn Jehovah fit-talb u niftħu qalbna miegħu. (Filippin 4:6, 7; 1 Tessalonikin 5:16-18) Jehovah qatt ma jonqos milli jismagħna. Minflok, hu jaċċertana li ‘jieħu ħsiebna.’ (1 Pietru 5:6, 7, Saydon) Madankollu, ma jkunx xieraq li nitolbu lil Jehovah u mbagħad ma nisimgħux minn dak li jgħid, hux hekk?
14. Liema effett kellu l-kliem taʼ Jehovah fuq Ġeremija?
14 Jehovah kif ikellimna? Erġaʼ ikkunsidra lil Ġeremija. Ladarba Ġeremija kien profeta, Jehovah ikkomunika direttament miegħu. Ġeremija jiddeskrivi l-effett li l-kliem t’Alla għamel fuq qalbu: “Jien sibt kliemek, u kiltu; u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, Mulej, Alla taʼ l-eżerċti.” (Ġeremija 15:16) Iva, Ġeremija tgħaxxaq bil-fatt li isem Alla ssejjaħ fuqu, u l-kliem Tiegħu kien prezzjuż għall-profeta. Għalhekk, bħall-appostlu Pawlu, Ġeremija kien ħerqan biex ixandar il-messaġġ li ġie fdat lilu.—Rumani 1:15, 16.
15. Kif nistgħu nnaqqxu kliem Jehovah f’qalbna, u x’għandna nikkunsidraw sabiex inkunu determinati li ma nibqgħux siekta?
15 Illum il-ġurnata, Jehovah ma jikkomunika maʼ ħadd b’mod dirett. Madankollu, għandna l-kliem t’Alla fil-paġni tal-Bibbja. Għalhekk, jekk nieħdu l-istudju tal-Bibbja bis-serjetà u nimmeditaw fil-fond fuq dak li nitgħallmu, il-kliem t’Alla se jsir ‘il-ferħ u l-hena taʼ qalbna’ wkoll. U nistgħu nkunu ferħanin li nġorru l-isem taʼ Jehovah meta mmorru naqsmu dak il-kliem m’oħrajn. Jalla qatt ma ninsew li ħadd iktar fid-dinja ma jxandar l-isem taʼ Jehovah. Ix-Xhieda tiegħu biss iħabbru l-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita t’Alla u jgħallmu lil uħud ġwejdin isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 28:19, 20) Kemm aħna mberkin! Meta nqisu dak li Jehovah fdalna bi mħabba, kif nistgħu nibqgħu siekta?
Ejja Noqogħdu Attenti maʼ Min Nagħmluha
16, 17. Ġeremija kif kien iqis il-ħbiberiji, u kif nistgħu nimitawh?
16 Ġeremija juri li kien hemm xi ħaġa oħra li għenitu. Hu qal: “Jien ma mortx fost iż-żufjettużi, ma fraħtx magħhom; jien qgħadt għalija waħdi quddiem qawwietek għax inti mlejtni bil-korla.” (Ġeremija 15:17) Ġeremija kien jippreferi jkun waħdu milli jħalli sħubija ħażina tħassru. Illum, aħna għandna nqisu l-affarijiet bl-istess mod. Ma ninsewx it-twissija li tana l-appostlu Pawlu meta qal li “ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba,” saħansitra drawwiet tajba li kellna għal ħafna snin.—1 Korintin 15:33.
17 Ħbiberiji ħżiena jistgħu jħallu l-ispirtu tad-dinja jħassrilna l-mod taʼ ħsieb tagħna. (1 Korintin 2:12; Efesin 2:2; Ġakbu 4:4) Jalla, mela, inkomplu nħarrġu s-sensi tagħna sabiex inkunu nistgħu nidentifikaw ħbiberiji ħżiena u nwarrbuhom għalkollox. (Lhud 5:14) Li kieku Pawlu kien għadu jgħix fuq l-art illum, x’taħseb li kien jgħidlu lil xi Kristjan li jara films immorali jew vjolenti jew sports vjolenti? Liema parir kien jagħti lil xi ħu li kien qed ifittex ħbiberiji maʼ wħud li ma jafhomx fuq l-Internet? Kif kien iqis lil Kristjan li jqattaʼ siegħa wara l-oħra jilgħab il-logħob tal-kompjuter jew jara t-televixin imma fl-istess ħin m’għandux drawwiet tajbin taʼ studju persunali?—2 Korintin 6:14b; Efesin 5:3-5, 15, 16.
Nibqgħu fil-Ġenna Spiritwali
18. X’se jgħinna nibqgħu spiritwalment b’saħħitna?
18 Aħna ngħożżu l-ġenna spiritwali tagħna. M’hemm xejn fid-dinja llum li jistaʼ jitqabbel magħha. Saħansitra anki wħud li ma jemmnux jikkummentaw fuq l-imħabba, il-konsiderazzjoni, u l-ħniena li l-Kristjani għandhom għal xulxin. (Efesin 4:31, 32) Minkejja dan, illum iktar minn qatt qabel, irridu niġġieldu l-iskuraġġiment. Sħubija tajba, talb, u drawwiet tajbin taʼ studju jistgħu jgħinuna nibqgħu spiritwalment b’saħħitna. Se jsaħħuna sabiex niffaċċjaw kwalunkwe prova b’fiduċja sħiħa f’Jehovah.—2 Korintin 4:7, 8.
19, 20. (a) X’se jgħinna nissaportu? (b) L-artiklu li jmiss lejn min hu indirizzat, u għal min hu taʼ interess ukoll?
19 M’għandna nħallu ’l ħadd minn dawk li jobogħdu l-messaġġ tagħna tal-Bibbja jintimidana u jġagħalna nagħmlu kompromess tal-fidi tagħna. Bħall-għedewwa li ppersegwitaw lil Ġeremija, dawk li jiġġieldu kontrina qed jiġġieldu kontra Alla. M’humiex se jirbħu. Jehovah, li hu bil-wisq iktar b’saħħtu minn dawk li jopponuna, jgħidilna: “Ittama fil-Mulej, [“kun kuraġġuż,” NW] u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej.” (Salm 27:14) Jalla nħallu t-tama tagħna f’Jehovah tniżżel l-għeruq fil-fond taʼ qalbna, u b’hekk nibqgħu determinati li ma naqtgħux qalbna milli nagħmlu dak li huwa tajjeb. Jalla nkunu fiduċjużi li, bħal Ġeremija u Bàruk, se jkollna ħsad tajjeb jekk ma naqtgħux qalbna.—Galatin 6:9.
20 Għal ħafna Kristjani l-ġlieda kontra liskuraġġiment hija ġlieda kontinwa. Iż-żgħażagħ, però, jiffaċċjaw sfidi partikulari. Imma għandhom ukoll opportunitajiet mill-aqwa. L-artiklu li jmiss se jindirizza direttament liż-żgħażagħ li hawn fostna. Se jkun taʼ interess ukoll għall-ġenituri u l-adulti dedikati fil-kongregazzjoni li huma f’pożizzjoni li jistgħu jgħinu lil uħud iżgħar fil-kongregazzjoni bil-kliem, bl-eżempju, u bl-appoġġ tagħhom.
Int Kif Twieġeb?
• Għala għandna nistennew li ngħaddu minn ċirkustanzi skuraġġanti, u lejn min għandna nduru għall-għajnuna?
• Ġeremija kif għeleb l-iskuraġġiment minkejja l-inkarigu diffiċli li kellu?
• X’se jgħinna jkollna ‘l-ferħ u l-hena’ f’qalbna anki fid-diffikultajiet?
[Stampa f’paġna 9]
Ġeremija ħaseb li kien għadu żgħir wisq u bla esperjenza biex ikun profeta
[Stampa f’paġna 10]
Anki meta kien qed jiġi persegwitat, Ġeremija kien jaf li Jehovah kien miegħu “bħal raġel qalbieni”