X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• Liema huma xi raġunijiet għala jeżisti daqshekk ħażen illum?
Raġuni waħda għall-għemejjel ħżiena hi l-ġibda tal-bniedem lejn il-ħażen. (Ġenesi 8:21) Raġuni oħra hi li ħafna nies m’għandhomx l-għarfien eżatt dwar ir-rieda t’Alla. Iktar minn hekk, Satana, li minnu oriġina l-ħażen, qed ikompli jindaħal fl-affarijiet tal-bnedmin.—1/1, paġni 4-6.
• Liema benefiċċji jistgħu jirriżultaw minn kelma tajba f’waqtha? (Proverbji 12:25)
Din tistaʼ tgħin lil dak li jkun qed jirċiviha biex iħossu kunfidenti fih innifsu, tinkuraġġih u tqanqlu, u tgħinu jħossu parti minn grupp. Ukoll, hekk kif infittxu opportunitajiet biex infaħħru lil oħrajn, aħna niġu megħjunin naraw it-tajjeb fihom.—1/1, paġni 16-17.
• X’kien fiha l-arka tal-patt?
Kien fiha żewġ twavel tal-ġebel bil-Liġi miktuba fuqhom u ftit mill-manna. Wara rribelljoni taʼ Koraħ, il-bastun t’Aron tqiegħed fl-Arka biex iservi taʼ xiehda kontra dik il-ġenerazzjoni. (Ebrej 9:4) Jistaʼ jkun li l-bastun u l-manna tneħħew mill-Arka qabel ma ġie dedikat it-tempju taʼ Salamun.—1/15, paġna 31.
• Il-Lhud fi żmien Neħemija għala kellhom iġibu l-injam fit-tempju?
Il-Liġi Mosajka ma kinitx teħtieġ offerta taʼ l-injam. Imma fi żmien Neħemija kien hemm bżonn taʼ provvista kontinwa taʼ injam sabiex jinħarqu s-sagrifiċċji fuq l-artal.—2/1, paġna 11.
• X’inhu l-Framment Muratorjan?
Hu parti minn manuskritt Latin. It-test oriġinali nkiteb bil-Grieg għall-aħħar tat-tieni seklu E.K. Fih l-eqdem lista li teżisti taʼ kotba taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana, kif ukoll jikkummenta dwar il-kotba u l-kittieba tagħhom.—2/15, paġni 13-14.
• Is-Sultana Persjana Vasti għala baqgħet tirrifjuta li tmur għand is-sultan? (Ester 1:10-12)
Il-Bibbja ma ssemmix il-motivi tagħha. Xi studjużi jissuġġerixxu li hi rrifjutat li tobdi għaliex ma riditx tbaxxi lilha nfisha quddiem il-mistidnin xurbana tas-sultan. Jew forsi din is-sultana li kienet sabiħa minn barra tassew ma kinitx sottomessa, u għalhekk tat eżempju ħażin lin-nisa miżżewġin l-oħra fl-Imperu Persjan.—3/1, paġna 9.
• Il-fidwa kif tipprovdi l-ħelsien?
Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù jistaʼ jeħlisna mid-dnub li writna u jistaʼ jeħlisna mill-effetti fatali tad-dnub. (Rumani 6:23) Dan is-sagrifiċċju jeħles lill-Kristjani veri minn kuxjenza ħatja. U billi neżerċitaw fidi fil-fidwa, aħna nistgħu ninħelsu mill-biżaʼ dwar ir-reputazzjoni tagħna m’Alla. (1 Ġwanni 2:1)—3/15, paġna 8.
• X’nistgħu nitgħallmu mill-projbizzjoni tal-Liġi biex gidi ma jiġix mgħolli f’ħalib ommu? (Eżodu 23:19)
Setaʼ kien hemm ritwal pagan li fih il-gidi kien jiġi mgħolli f’ħalib ommu sabiex tinżel ix-xita. (Levitiku 20:23) Alla pprovda l-ħalib taʼ l-omm biex din titmaʼ ż-żgħar tagħha u tgħinhom jikbru. Meta gidi jissajjar f’dan il-ħalib tkun qed tintwera stmerrija lejn ir-relazzjoni li Alla stabbilixxa bejn il-ġenituri u ż-żgħar. Il-liġi kontra dan turina l-mogħdrija tenera t’Alla.—4/1, paġna 31.