Kif Tibqaʼ Sod Meta Xi Ħadd minn Uliedek Jirribella
MARA Kristjana li se nsejħulha Joy, ipprovat trabbi lil binha biex iħobb lil Alla Ġeħova. Iżda fl-aħħar snin taʼ l-adoloxxenza tiegħu, it-tifel irribella u telaq mid-dar. “Kienet l-akbar weġgħa li qatt kont ġarrabt,” tgħid Joy. “Ħassejtni traduta, qalbi maqsuma, u mdejqa. Kont maħkuma minn ħsibijiet negattivi.”
Forsi anki int ipprovajt trabbi lil uliedek biex iħobbu u jaqdu lil Alla—u mbagħad rajt lil wieħed minnhom jew iktar jagħtuh daharhom. Kif tistaʼ tkampa maʼ diżappunt kiefer bħal dan? X’se jgħinek tibqaʼ sod fis-servizz tiegħek lil Ġeħova?
Meta Wlied Ġeħova Rribellaw
L-ewwel pass huwa li tirrealizza li Ġeħova jaf eżattament kif tħossok. F’Isaija 49:15, naqraw: “Tistaʼ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!” Iva, Ġeħova jesperjenza l-istess sentimenti li jkollhom il-missirijiet u l-ommijiet. Għalhekk, immaġina kemm kien jitgħaxxaq meta l-ulied anġeliċi kollha tiegħu kienu jfaħħru u jaqdu lilu. Waqt li wieġeb lill-patrijarka Ġob “minn ġot-tempesta,” Ġeħova ftakar fi żminijiet sbieħ mal-familja spiritwali u magħquda tiegħu, billi qal: “Fejn kont int jien u nqiegħed sisien l-art? . . . Hi u tgħanni l-ġemgħa tal-kwiekeb taʼ filgħodu, u tgħajjat bil-ferħ ix-xirka taʼ wlied Alla?”—Ġob 38:1, 4, 7.
Maż-żmien, l-Alla l-veru ra wieħed mill-ulied anġeliċi perfetti jirribella kontrih u jsir Satana, li jfisser “Avversarju.” Ġeħova ra wkoll lil Adam, l-ewwel iben uman tiegħu, u lil Eva, il-mara perfetta tiegħu, jingħaqdu fir-ribelljoni. (Ġenesi 3:1-6; Rivelazzjoni 12:9) Iktar tard, xi wlied anġeliċi oħrajn “abbandunaw il-post xieraq fejn kellhom jgħammru” u rribellaw kontra Alla.—Ġuda 6.
L-Iskrittura ma tgħidilniex kif ħassu Ġeħova meta xi wħud mill-ulied perfetti tiegħu għażlu t-triq tar-ribelljoni. Madankollu, il-Bibbja tgħid ċar u tond: “Il-Mulej ra li l-ħażen tal-bnedmin kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu. U l-Mulej sogħob bih li kien għamel il-bniedem fl-art; u sewwed qalbu.” (Ġenesi 6:5, 6) Ir-ribelljoni tal-poplu magħżul taʼ Ġeħova, Iżrael, ukoll ‘nikktitu’ u ‘ħeġġet il-korla tiegħu.’—Salm 78:40, 41.
M’hemm ebda dubju li Ġeħova għandu empatija għall-ġenituri li jsofru wġigħ u tbatija minħabba l-kondotta taʼ l-ulied ribellużi. Fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, hu ta parir u inkuraġġiment siewi biex jgħin lil ġenituri bħal dawn ikampaw mas-sitwazzjoni tagħhom. Alla jħeġġiġhom biex jitfgħu l-ansjetà tagħhom fuqu, jumiljaw ruħhom, u biex jieqfu lil Satana x-Xitan. Ejja naraw kif l-applikar taʼ dan il-parir jistaʼ jgħinek tibqaʼ sod meta ibnek jew bintek tirribella.
Itfaʼ l-Ansjetà Tiegħek fuq Ġeħova
Ġeħova jaf li l-ġenituri jkunu tassew inkwetati meta jkunu jafu li wliedhom qegħdin fil-periklu li jġibu ħsara fuqhom infushom jew li ħaddieħor jagħmlilhom il-ħsara. L-appostlu Pietru jsemmi mod wieħed kif individwu jistaʼ jkampa maʼ dan it-tħassib u oħrajn. Hu kiteb: ‘Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuq [Ġeħova], għax hu jimpurtah minnkom.’ (1 Pietru 5:7) Għala din l-istedina u ċ-ċertezza jgħoddu b’mod partikulari għall-ġenituri taʼ xi wlied ribellużi?
Meta ibnek kien żgħir, int kont toqgħod b’sebaʼ għajnejn biex tipproteġih minn xi periklu, u hu x’aktarx obda d-direzzjoni tiegħek kollha mħabba. Madankollu, hekk kif kompla jikber, l-influwenza tiegħek fuqu setgħet naqset, iżda x-xewqa kbira li tipproteġih mill-periklu ma naqsitx. Fil-fatt, wisq probabbli żdiedet.
B’riżultat taʼ dan, meta ibnek jirribella u jsofri ħsara spiritwali, emozzjonali, jew fiżika, int tistaʼ tħossok ħati. Joy, li ssemmiet qabel, hekk ħassitha. Hi tgħid: “Turmentata minn sens taʼ falliment, kull ġurnata kont noqgħod naħseb dwar kif ġraw ċerti affarijiet fil-passat.” B’mod speċjali f’mumenti bħal dawn, Ġeħova jridek ‘titfaʼ l-ansjetà kollha tiegħek fuqu.’ Jekk tagħmel hekk, hu se jgħinek. “[Ixħet toqlok,” NW] f’idejn il-Mulej,” qal is-salmista, “u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.” (Salm 55:23 [55:22, NW]) Joy esperjenzat faraġ bħal dan. Hi tispjega: “Jien tkellimt maʼ Ġeħova b’mod intimu dwar dak kollu li kont qed inħoss. Esprimejt is-sentimenti tiegħi, u dan kien l-akbar serħan għalija.”
Bħala ġenitur imperfett, int għandek mnejn għamilt xi żbalji int u trabbi lil uliedek. Iżda għala għandek tiffoka fuq dawn l-iżbalji? Ġeħova żgur li ma jagħmilx hekk, għaliex is-salmista ispirat għanna: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) Anki kieku int kont ġenitur perfett, ibnek xorta kellu mnejn jirribella. Għalhekk, esprimi s-sentimenti tiegħek maʼ Ġeħova fit-talb, u hu se jgħinek tkampa. Madankollu, jekk int stess trid tibqaʼ sod fis-servizz tiegħek lil Ġeħova u trid tevita li ssir vittma taʼ Satana, għandek tagħmel iżjed minn hekk.
Umilja Ruħek
“Umiljaw ruħkom taħt l-id setgħana t’Alla,” kiteb Pietru, “sabiex jeżaltakom fiż-żmien xieraq.” (1 Pietru 5:6) Għala għandek bżonn l-umiltà meta xi ħadd minn uliedek jirribella? Flimkien maʼ sentimenti taʼ ħtija u wġigħ, iben ribelluż jistaʼ jikkaġunalek ukoll xi ftit tal-mistħija. Għandek mnejn tinkwieta li l-azzjonijiet taʼ ibnek ħassru r-reputazzjoni tal-familja tiegħek, speċjalment jekk kellu jinqataʼ mis-sħubija tal-kongregazzjoni Kristjana. Sentimenti taʼ diżapprovazzjoni lejk innifsek flimkien maʼ l-umiljazzjoni, jistgħu jiskuraġġuk milli tattendi l-laqgħat Kristjani.
Meta tittratta sitwazzjoni bħal din, għandek bżonn teżerċita l-għerf prattiku. Proverbji 18:1 iwissi: “Min irid jinfired mill-oħrajn jara x’jaqlaʼ, u għal kull xejn jiġġieled.” Billi tattendi l-laqgħat Kristjani regolarment minkejja n-niket tiegħek, int tkun tistaʼ tikseb sors vitali taʼ tagħlim u inkuraġġiment. “Għall-bidu ma ridt niffaċċja lil ħadd,” tammetti Joy. “Iżda fakkart lili nnifsi dwar l-importanza tar-rutina spiritwali tiegħi. Barra minn hekk, kieku bqajt id-dar kont noqgħod nhewden fuq il-problemi tiegħi. Il-laqgħat għenuni niffoka fuq affarijiet spiritwali li jibnu. Jien tassew grata li ma nqtajtx għalija waħdi u li ma tliftx il-benefiċċju taʼ l-appoġġ kollu mħabba taʼ ħuti rġiel u nisa.”—Ebrej 10:24, 25.
Ftakar ukoll li kull individwu fil-familja għandu “jġorr it-tagħbija tiegħu” taʼ responsabbiltà bħala Kristjan. (Galatin 6:5) Ġeħova jistenna li l-ġenituri jħobbu u jiddixxiplinaw lil uliedhom. Hu jistenna wkoll li t-tfal jobdu u jirrispettaw lill-ġenituri tagħhom. Jekk il-ġenituri jagħmlu l-almu tagħhom biex irabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova,” huma nfushom se jkollhom reputazzjoni tajba m’Alla. (Efesin 6:1-4) Jekk tifel jirribella kontra d-dixxiplina kollha mħabba tal-ġenituri, hija r-reputazzjoni tat-tifel li se tiġi effettwata ħażin. “Mqar tifel jingħaraf minn għemilu, jekk hux safi u tajjeb f’imġibtu,” jgħid Proverbji 20:11. Ir-ribelljoni taʼ Satana ċertament li ma ħassritx ir-reputazzjoni taʼ Ġeħova fost dawk li jafu l-fatti sewwa.
Ieqaf lix-Xitan
“Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa,” iwissi Pietru. “L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8) Bħal iljun, ix-Xitan spiss jimmira lejn iż-żgħar u dawk taʼ bla esperjenza. Fiż-żminijiet tal-qedem, l-iljuni kienu jiġġerrew f’Iżrael u kienu taʼ theddida għall-annimali domestiċi. Jekk xi ħaruf żgħir kien jinqataʼ mill-merħla, kien jispiċċa priża faċli. B’mod istintiv, nagħġa tistaʼ tirriskja ħajjitha stess biex tipproteġi l-ħaruf tagħha. Madankollu, lanqas nagħġa adulta ma kienet tiflaħ għal iljun. Għaldaqstant, kien hemm bżonn taʼ rgħajja kuraġġużi biex jipproteġu l-merħla.—1 Samwel 17:34, 35.
Biex jipproteġi n-nagħaġ figurattivi tiegħu mill-“iljun jgħajjat,” Ġeħova għamel arranġamenti biex rgħajja spiritwali jieħdu ħsieb il-merħla taħt “ir-ragħaj ewlieni,” Ġesù Kristu. (1 Pietru 5:4) Pietru jagħti lil dawn l-irġiel maħturin din it-twissija: “Irgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-imħabba tal-qligħ diżonest, imma bil-ħerqa.” (1 Pietru 5:1, 2) Bil-kooperazzjoni tagħkom bħala ġenituri, dawn ir-rgħajja jistgħu jgħinu lil żagħżugħ jikkoreġi t-triq tiegħu spiritwalment.
Meta rgħajja Kristjani jkollhom bżonn iwiddbu lil ibnek li jkun irribella, għandek mnejn tħossok li tkun trid tipproteġih mid-dixxiplina. Madankollu, jekk wieħed jipprova jagħmel dan, ikun qed jagħmel żball serju. Pietru jgħid: “Iqfulu [lix-Xitan]”—mhux lir-rgħajja spiritwali.—1 Pietru 5:9.
Meta d-Dixxiplina Tkun Ħarxa
Jekk ibnek ma jindimx u huwa Kristjan mgħammed, għandu mnejn jirċievi l-iktar forma ħarxa taʼ dixxiplina—il-qtugħ mis-sħubija tal-kongregazzjoni. L-ammont taʼ kuntatt li jkollok minn dakinhar ’il quddiem jiddependi mill-età tiegħu u minn ċirkustanzi oħrajn.
Jekk it-tifel ikun taħt l-età u għadu jgħix id-dar, naturalment int trid tkompli tieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tiegħu. Hu jirrikjedi wkoll taħriġ morali u dixxiplina, u int għandek ir-responsabbiltà li tipprovdi dan kollu. (Proverbji 1:8-18; 6:20-22; 29:17) Għandek mnejn tkun trid tikkonduċi studju tal-Bibbja miegħu, u tinvolvih permezz tal-parteċipazzjoni diretta tiegħu. Tistaʼ tiġbed l-attenzjoni tiegħu lejn xi skritturi u pubblikazzjonijiet provduti mill-“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:45) Tistaʼ wkoll tieħu lit-tifel għal-laqgħat Kristjani u toqgħod bil-qiegħda ħdejh. Dan kollu jistaʼ jsir bit-tama li jobdi l-pariri Skritturali.
Jekk il-wieħed maqtugħ mis-sħubija m’huwiex taħt l-età u m’għadux jgħix id-dar, is-sitwazzjoni tkun differenti. L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani taʼ Korintu tal-qedem: “Tibqgħux tagħmluha maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz jew imbroljun; lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan.” (1 Korintin 5:11) Għalkemm xi ftit kuntatt mal-wieħed maqtugħ mis-sħubija jistaʼ jkun meħtieġ biex jieħdu ħsieb xi kwistjonijiet familjari, ġenitur Kristjan għandu jistinka sabiex jevita sħubija bla bżonn.
Meta tifel li jkun żbalja jiġi dixxiplinat mir-rgħajja Kristjani, ma jkunx għaqli li tipprova tirrifjuta jew tnaqqas il-valur taʼ l-azzjoni tagħhom ibbażata fuq il-Bibbja. Jekk iżżomm man-naħa taʼ ibnek li jkun irribella ma tkun qed tipprovdi ebda protezzjoni vera mix-Xitan. Fil-fatt, tkun qed tipperikola s-saħħa spiritwali tiegħek stess. Mill-banda l-oħra, jekk tappoġġa l-isforzi tar-rgħajja, int se tibqaʼ ‘sod fil-fidi’ u se tipprovdi l-aqwa għajnuna għal ibnek.—1 Pietru 5:9.
Ġeħova Se Jgħinek
Jekk xi ħadd minn uliedek jirribella, ftakar li m’intix waħdek. Ġenituri Kristjani oħrajn ġarrbu esperjenzi simili. Huma x’inhuma l-provi li niffaċċjaw, Ġeħova jistaʼ jgħinna.—Salm 68:20 (68:19, NW).
Strieħ fuq Ġeħova permezz tat-talb. Issieħeb regolarment mal-kongregazzjoni Kristjana. Appoġġa d-dixxiplina tar-rgħajja maħturin. Jekk tagħmel dan, int se tkun tistaʼ tibqaʼ sod. U l-eżempju tajjeb tiegħek jistaʼ jgħin lil ibnek iwieġeb għall-istedina kollha mħabba minn Ġeħova biex jerġaʼ lura lejh.—Malakija 3:6, 7.
[Stampi f’paġna 18]
Issaħħaħ permezz tat-talb u l-kongregazzjoni Kristjana