X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
• L-astroloġi meta żaru lil Ġesù?
Edizzjoni tal-Bibbja tagħmel dan il-kumment: “Il-Maġi ma żarux lil Ġesù meta kien fil-maxtura, f’dak il-lejl stess li twieled, bħalma għamlu r-rgħajja. Huma marru xi xhur wara.” Sa dak iż-żmien, Ġesù kien sar “tifel” u kien qed jgħix ġo dar. (Mt. 2:7-11) Kieku dawn taw lil Ġesù deheb u rigali prezzjużi f’dak il-lejl li twieled, kienet Marija se toffri biss żewġ għasafar fit-tempju 40 jum wara?—1/1, paġna 31.
• Ħafna x’jistgħu jagħmlu biex isebbħu ħajjithom?
Wieħed jistaʼ jistaqsi, ‘Nistaʼ jien naġġusta ċ-ċirkustanzi tiegħi u nissimplifika ħajti?’ Amy hekk għamlet. Finanzjarjament, kienet tat-tajjeb imma ma kinitx kuntenta. Hi rrealizzat li minħabba li kienet qed taħdem għal karriera f’din id-dinja, kważi ġiet żvijata mill-fidi. Għalhekk, hi ddeċidiet li tpoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel u għal xi żmien setgħet taqdi bħala pijuniera. Amy tgħid li ‘issa għad għandha sens taʼ sodisfazzjon li qatt ma ħasset’ meta rsistiet għal miri sekulari.—1/15, paġna 19.
• Ġesù għal liema “ġenerazzjoni” rrefera fil-kliem tiegħu mniżżel f’Mattew 24:34?
Ġesù spiss uża l-kelma “ġenerazzjoni” b’mod negattiv meta kien ikellem lin-nies mill-agħar jew meta kien jitkellem dwarhom. Imma dan ma kienx il-każ meta kien ikellem lid-dixxipli tiegħu li dalwaqt kienu se jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis. Huma kienu l-iktar uħud li setgħu jaslu għall-konklużjonijiet imsemmijin f’Mattew 24:32, 33. Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li Ġesù kien qed jirreferi għas-segwaċi midlukin tiegħu, kemm fl-ewwel seklu u kemm fil-mod kif kliemu jiġi applikat illum.—2/15, paġni 23-4.
• Fi qbil maʼ Ġakbu 3:17, liema kwalitajiet għandna nuru?
Biex inkunu safjin, irridu nwarrbu affarijiet ħżiena bla telf taʼ żmien. (Ġen. 39:7-9) Għandna nkunu wkoll paċifiċi, billi nevitaw li nkunu aggressivi jew li nagħmlu azzjonijiet li jiksru l-paċi. Għalhekk, kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu: ‘Magħruf jien bħala wieħed li nġib il-paċi jew bħala wieħed li nikser il-paċi? Ikolli spiss nuqqas taʼ qbil m’oħrajn? Nieħu għalija malajr? Spiss inweġġaʼ lil oħrajn? Jew jien lest li naħfer u ma nkunx ħafif biex ninsisti li tgħaddi tiegħi?’—3/15, paġni 24-5.