Jistgħu l-Mejtin Jgħinu lill-Ħajjin?
TAMBA, żagħżugħ mill-Punent tal-Afrika kien wasal biex jagħmel eżami tal-iskola.a Ommu kienet tħambaq li sabiex jgħaddi kellu bżonn l-għajnuna taʼ qrabatu mejtin. F’Palermo, fi Sqallija, it-turisti jżuru l-katakombi fejn hemm għall-wiri mijiet taʼ katavri preservati b’attenzjoni. Xi wħud jemmnu li dawn il-mumji jagħtu protezzjoni divina lill-ħajjin. Kull sena, in-nies iżuru Lily Dale, belt fil-Punent tal-Istat taʼ New York, fl-Istati Uniti tal-Amerika, minħabba li hi magħrufa li fiha jgħixu għadd kbir ġmielu taʼ wħud li jikkomunikaw mal-ispirti. In-nies li jżuru din il-belt imorru bit-tama li jagħmlu kuntatt mal-qraba jew mal-ħbieb mejtin tagħhom u jirċievu l-għajnuna mingħandhom.
Madwar id-dinja, it-twemmin li l-mejtin jistgħu jgħinu lill-ħajjin għadu popolari. Int x’taħseb? Forsi ġejt mgħallem twemmin simili, jew xi wħud li huma qrib tiegħek iħaddnu din l-idea. Huwa naturali li nixxennqu biex inkunu mal-għeżież tagħna li tlifna fil-mewt. Uħud li jikkomunikaw mal-ispirti jwiegħdu li jissodisfaw din ix-xewqa. Fir-rivista Time, waħda mara li tikkomunika mal-ispirti ġiet kwotata li qalet li l-qasam tal-ispirti “hu dejjem disponibbli jekk ikollok bżonn l-għajnuna.” Huwa minnu dan? Veru li l-mejtin jistgħu jgħinu lill-ħajjin? It-tweġiba ċara tal-Bibbja għandha mnejn tissorprendik.
Il-Mejtin Jinsabu Ħajjin Xi Mkien?
Il-Bibbja tispjega l-kundizzjoni tal-mejtin fi kliem sempliċi u faċli biex tifhmu. Innota dak li jgħid Ekkleżjasti 9:5: “Il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn.” Huwa possibbli li l-mejtin għandhom sentimenti? Vers 6 jwieġeb: “L-imħabba u l-mibegħda u l-għira tagħhom diġà għabu, u għal żmien indefinit mhux se jkollhom iktar sehem f’kulma għandu jsir taħt ix-xemx.” Innota wkoll li vers 10 tal-istess kapitlu jistqarr li “la hemm xogħol, la ppjanar, la għarfien, u lanqas għerf fil-Qabar, il-post fejn int sejjer.” Il-kelma li hawn ġiet tradotta “Qabar,” bl-Ebrajk hi “Xeol.” Taʼ min jinnota li l-kelma ekwivalenti bil-Grieg “Ħades” ġiet użata fil-Bibbja biex tindika l-post li fih mar Ġesù Kristu għal xi żmien wara li miet.—Atti 2:31.
Ġesù għen lil ħafna nies meta kien għadu ħaj, imma kien jaf li kellu jmut. Kien hu qed jistenna li xorta setaʼ jgħin lin-nies waqt li jkun fil-qabar? Le. Hu qabbel il-mewt tiegħu, li kienet qed toqrob, mal-ħin taʼ bil-lejl meta jkun impossibbli li wieħed jagħmel ix-xogħol. (Ġwanni 9:4) Ġesù kien jaf tajjeb li meta n-nies imutu, ikunu “bla qawwa fil-mewt.”—Isaija 26:14.
Ukoll, Ġesù għamel xebh li bih silet punt simili dwar il-mewt. Meta miet il-ħabib tiegħu Lazzru, Ġesù xebbah il-mewt mal-irqad. (Ġwanni 11:11-13) Aħna ma nistennewx li persuna rieqda se tgħinna, mhux hekk? Xi ħadd rieqed ma jkun konxju taʼ xejn, u b’hekk ma jkunx jistaʼ jaġixxi għan-nom taʼ xi ħadd.
Ir-Ruħ Tibqaʼ Ħajja Wara l-Mewt?
Ħafna ġew mgħallmin li r-ruħ hi parti inviżibbli fi bniedem li tibqaʼ ħajja wara l-mewt. Il-Bibbja tgħallem xi ħaġa differenti. L-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, jurina b’mod ċar x’inhi r-ruħ. Ġenesi 2:7 jgħid li meta nħalaq l-ewwel bniedem, dan “sar ruħ ħajja.” Il-bniedem kollu kemm hu huwa ruħ; l-annimali huma erwieħ ukoll. (Ġenesi 1:20-25) Għalhekk, jagħmel sens li meta jmut bniedem jew annimal, ir-ruħ tmut ukoll. Il-Bibbja tikkonferma dan.—Eżekjel 18:4.
Madankollu, xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Xi ngħidu dwar il-ħafna stejjer taʼ nies li jikkuntattjaw lill-mejtin, jisimgħu leħinhom, jew saħansitra jarawhom?ʼ Rakkonti bħal dawn huma komuni f’ħafna partijiet tad-dinja. Dawn l-istejjer jagħtu tama lil dawk li jkun mitilhom xi ħadd mill-qraba jew xi ħabib tal-qalb, u jġiegħlu lil ħafna nies ifittxu l-għajnuna taʼ xi ħadd li jikkomunika mal-ispirti u li jsostni li jistaʼ jitkellem mal-mejtin.
Huma stejjer bħal dawn veri? Jekk iva, dan jikkontradixxi l-istqarrijiet tal-Bibbja li għadna kemm semmejna. Ġesù Kristu ddeskriva l-Kelma t’Alla bħala li hi l-verità. (Ġwanni 17:17) Il-verità ma tikkontradixxix lilha nfisha. Fil-fatt, fil-Bibbja nsibu direzzjoni ċara dwar kif għandna nqisu l-istqarrijiet li l-mejtin jistgħu jgħinu lill-ħajjin. Il-Bibbja tgħidilna dwar xi ħadd li fittex l-għajnuna tal-mejtin. Meta jinqara bir-reqqa, dan ir-rakkont jikxef il-verità.
Sultan Jitlob l-Għajnuna tal-Mejtin
Ix-xena kienet kamp tal-battalja fit-Tramuntana taʼ Israel. Is-Sultan Sawl u l-armati tiegħu kienu qed iħabbtu wiċċhom mal-armata tal-Filistin li kienet waħda tal-biżaʼ. Meta Sawl ra l-kamp tal-Filistin, “qalbu bdiet tirtogħod ħafna.” F’dan iż-żmien tar-renju tiegħu, Sawl kien abbanduna l-qima vera. Minħabba f’hekk, Ġeħova ma wiġibx it-talba tiegħu għall-għajnuna. Fejn kien se jfittex l-għajnuna? Samwel, il-profeta t’Alla, kien mejjet.—1 Samwel 28:3, 5, 6.
Sawl fittex id-direzzjoni mingħand medjum tal-ispirti f’Għajn-dor. Hu talab bil-ħrara lill-medjum biex ‘ittellagħlu lil Samwel’ mill-mewt. Il-medjum tellgħatlu dehra. Dan Samwel li deher lil Sawl qal li l-Filistin kienu se jirbħu, u li Sawl u wliedu kienu se jmutu fil-battalja. (1 Samwel 28:7-19) Kien dan verament Samwel li reġaʼ ġie lura mill-mewt?
Aħseb ftit. Il-Bibbja tgħid li meta bniedem imut “jerġaʼ lura lejn l-art” u li “ħsibijietu jgħibu.” (Salm 146:4) Kemm Sawl kif ukoll Samwel kienu jafu li Alla kien jikkundanna l-kuntatt mal-medji tal-ispirti. Kien proprju għalhekk li iktar kmieni Sawl kien minn taʼ quddiem biex ineħħi l-prattiki spiritistiċi mill-pajjiż!—Levitiku 19:31.
Irraġuna ftit dwar dan. Li kieku Samwel, li kien leali, kien għadu ħaj bħala spirtu, kien hu se jikser il-liġi t’Alla u jikkoopera mal-medjum tal-ispirti sabiex jiltaqaʼ maʼ Sawl? Ġeħova kien irrifjuta li jitkellem maʼ Sawl. Setaʼ medjum iġiegħel lil Alla li Jistaʼ Kollox jikkomunika maʼ Sawl permezz taʼ Samwel li kien mejjet? Le. Dan Samwel li deher żgur ma kien bl-ebda mod xi profeta leali t’Alla. Kien spirtu—demonju mill-agħar li lagħabha taʼ Samwel.
Id-demonji huma anġli li rribellaw kontra l-awtorità t’Alla sa mill-bidu tal-istorja tal-umanità. (Ġenesi 6:1-4; Ġuda 6) Dawn id-demonji jistgħu josservaw lin-nies waqt li jkunu għadhom ħajjin; huma jafu kif kull wieħed minnhom kien jitkellem, kien jidher, u kien jaġixxi. Dawn dejjem pronti biex jippromwovu l-idea li dak li tgħid il-Bibbja mhuwiex veru. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja twissina biex ma nagħmlux kuntatt maʼ forzi tal-ispirti bħal dawn! (Dewteronomju 18:10-12) Dawn l-ispirti mill-agħar għadhom attivi sal-ġurnata tal-lum.
Issa nistgħu nifhmu għala ħafna nies jgħidu li “jisimgħu” jew “jaraw” lill-maħbubin mejtin tagħhom. Għalkemm dehriet bħal dawn xi drabi jistgħu jidhru t’għajnuna, il-forzi tal-ispirti mill-agħar huma determinati li jqarrqu bil-bnedmin.b (Efesin 6:12) Ukoll, aħseb ftit dwar dan: Ġeħova hu Alla li jħobbna u jimpurtah minna. Li kieku l-mejtin jinsabu ħajjin xi mkien u jistgħu jgħinu lill-familji jew lill-ħbieb tagħhom, kien il-Ħallieq kollu mħabba tagħna se jipprojbixxi dan it-tip taʼ kuntatt u jirreferi għalih bħala xi ħaġa “mistkerrha”? Dażgur li le! (1 Pietru 5:7) Għalhekk, hemm xi sors t’għajnuna li tistaʼ tafda?
Għajnuna Vera għall-Ħajjin u għall-Mejtin
Minn dak li diġà ssemma, għandna nifhmu li l-mejtin m’għandhomx il-qawwa li jgħinu lill-ħajjin. Barra minn hekk, it-tentattivi li nagħmlu biex infittxu l-għajnuna tal-mejtin mhumiex effettivi, iżda agħar minn hekk, huma ferm perikolużi għax jiksru l-liġi t’Alla u jpoġġuna f’riskju li niġu influwenzati mid-demonji.
Il-Bibbja tidderiġina lejn l-aqwa Sors t’għajnuna—il-Ħallieq tagħna, Ġeħova. Hu jistaʼ jeħlisna saħansitra mill-mewt. (Salm 33:19, 20) Illum, hu jinsab lest biex jgħinna. Kuntrarju għat-tamiet foloz li joffru dawk li jikkomunikaw mal-ispirti, Hu jipprovdi tama vera.
Tamba, li ssemma fil-bidu, tgħallem mill-esperjenza tiegħu stess x’inhi d-differenza bejn it-tamiet foloz li joffru dawk li jikkomunikaw mal-ispirti u l-verità li jagħtina Ġeħova. Il-medji sostnew li jekk ma kienx se joffri sagrifiċċju lill-antenati mejtin tiegħu, hu ma kienx se jgħaddi mill-eżami tal-iskola. Tamba kien beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu kien tgħallem dwar il-kundizzjoni vera tal-mejtin u dwar is-sors mill-agħar taʼ dawk li jagħmlu tabirruħhom li huma l-antenati mejtin. Minkejja l-pressjoni kbira li għamlitlu ommu biex ifittex l-għajnuna taʼ xi ħadd li jikkomunika mal-ispirti, Tamba rrifjuta u qalilha, “Jekk ma ngħaddix, nagħmel iktar sforz is-sena d-dieħla.”
X’kien ir-riżultat? Hu ġie l-ewwel fl-eżami! Ommu baqgħet skantata, tilfet il-fidi f’dawk li jikkomunikaw mal-ispirti, u qatt iktar ma reġgħet semmiet dawn it-tip taʼ sagrifiċċji. Tamba tgħallem li Ġeħova jwissina biex nevitaw li nikkuntattjaw “persuni mejtin [biex] jiġu mistoqsijin għan-nom taʼ persuni ħajjin.” (Isaija 8:19) L-istudju tal-Bibbja għen lil Tamba jkun fiduċjuż li jekk isib għaxqa fil-liġi t’Alla, jirnexxi.—Salm 1:1-3.
Imma xi ngħidu għall-maħbubin tagħna li mietu? M’hemmx tama għalihom? Minbarra li jgħin lilna li għadna ħajjin, Ġeħova wegħedna li se jgħin lil dawk li qegħdin fil-qabar. Wara li ddeskriva kemm m’għandhomx qawwa l-mejtin, innota dak li qal il-profeta Isaija f’kapitlu 26, vers 19: “Il-mejtin tiegħek se jgħixu. . . . Stenbħu u għajtu bil-ferħ, O residenti tat-trab!” Il-profezija tgħid ukoll li “dawk bla qawwa fil-mewt” se jerġgħu jgħixu.
Immaġina ftit! Il-biljuni taʼ mejtin li jinsabu reqdin fil-qabar se jerġgħu jgħixu! Fil-fatt, il-Bibbja turi li Ġeħova ‘jixxennaq’ biex jagħti l-ħajja lill-mejtin. (Ġob 14:14, 15) Wegħdiet bħal dawn jidhru impossibbli. Ġesù Kristu tant kien ċert minn din it-tama li hu ddeskriva l-mejtin bħala li huma diġà ħajjin f’għajnejn Ġeħova.—Luqa 20:37, 38.
Tixtieq li jkollok din it-tama?c Ibqaʼ ħu għarfien eżatt mill-Bibbja. Hekk kif tistudja, se tkun konvint li Ġeħova jistaʼ jgħin lill-ħajjin u lill-mejtin, u li l-wegħdi tiegħu huma ‘żguri u veri.’—Rivelazzjoni 21:4, 5.
[Noti taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
b Għal iktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara l-browxer bl-Ingliż Spirits of the Dead—Can They Help You or Harm You? Do They Really Exist? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
c Għal iktar informazzjoni dwar il-wegħda tal-irxoxt li nsibu fil-Bibbja, ara kapitlu 7 tal ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 19]
Huwa naturali li nixxennqu biex inkunu mal-għeżież tagħna li tlifna fil-mewt
[Kumment f’paġna 20]
Ġie l-profeta Samwel imsejjaħ mill-mewt biex jikkomunika mas-Sultan Sawl?