LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 12/15 pp. 27-31
  • Kif Tkampa mal-Mewt tas-Sieħeb jew is-Sieħba fiż-Żwieġ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tkampa mal-Mewt tas-Sieħeb jew is-Sieħba fiż-Żwieġ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • UĠIGĦ LI DONNU MA JISPIĊĊA QATT
  • IMXI ĠURNATA B’ĠURNATA
  • IT-​TAMA TAL-​IRXOXT—SORS TAʼ FARAĠ
  • RAĠUNI GĦAL TAMA
  • Oħrajn Kif Jistgħu Jgħinu?
    Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
  • “Ibku maʼ min jibki”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Għajnuna Mingħand “l-Alla li Jipprovdi s-Sabar u l-Faraġ”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Konsolazzjoni Mingħand “Dak Alla tal-Faraġ Kollu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 12/15 pp. 27-31

Kif Tkampa mal-​Mewt tas-​Sieħeb jew is-​Sieħba fiż-​Żwieġ

Il-​BIBBJA hi ċara: Raġel miżżewweġ għandu “jħobb lil martu bħalu nnifsu.” Mara miżżewġa bl-​istess mod għandu “jkollha rispett profond lejn żewġha.” It-​tnejn li huma għandhom iwettqu l-​irwoli tagħhom bħala “ġisem wieħed.” (Efes. 5:33; Ġen. 2:23, 24) Mal-​medda taż-​żmien, ir-​rabta li koppja għandhom maʼ xulxin tissaħħaħ, bħalma tagħmel imħabbithom għal xulxin. Tistaʼ tqabbel dan mal-​għeruq taʼ żewġ siġar li jikbru ħdejn xulxin. Is-​sentimenti taʼ raġel u mara ferħanin fiż-​żwieġ isiru iktar profondi u jintrabtu flimkien.

Imma xi ngħidu jekk ir-​raġel jew il-​mara tmut? Imbagħad dik ir-​rabta, li ma nħallitx tul il-​ħajja, tinħall. Spiss, l-​armel jew l-​armla li tibqaʼ ħajja titħalla b’taħlita taʼ sentimenti bħalma huma wġigħ taʼ qalb, solitudni, u forsi anke xi ftit tar-​rabja jew ħtija. Matul iż-​żwieġ tagħha li dam 58 sena, Daniella kienet taf ħafna wħud li tilfu lill-​imseħbin tagħhom fiż-​żwieġ.a Imma wara li miet żewġha, hi qalet: “Qatt ma fhimt din l-​esperjenza qabel. Trid tgħaddi minnha biex tifhimha.”

UĠIGĦ LI DONNU MA JISPIĊĊA QATT

Xi riċerkaturi jgħidu li l-​ebda stress ma jitqabbel maʼ dak li tħoss meta jmut l-​għażiż sieħeb jew sieħba tiegħek. Ħafna wħud li ġarrbu din it-​telfa jaqblu maʼ dan. Ir-​raġel taʼ Millie miet bosta snin ilu. Hi tispjega l-​ħajja tagħha bħala armla b’dan il-​mod, “Inħoss li parti minni mietet miegħu.” Kienet qed tirreferi għall-​istat emozzjonali tagħha wara li tilfet ir-​raġel li kienet ilha miżżewġa lilu 25 sena.

Susan qabel kienet taħseb li r-​romol li jibqgħu jibku t-​telfa tar-​raġel tagħhom għal snin sħaħ kienu qed jesaġerawha. Imbagħad, wara li kienet ilha miżżewġa 38 sena, mitilha żewġha. Issa għaddew xi 20 sena, iżda hi tgħid, “Kuljum naħseb fih.” Spiss tinfexx tibki għax tant timmissjah.

Il-​Bibbja tikkonferma li meta titlef lil sieħeb jew sieħba fil-​mewt dan ikun bħala daqqa taʼ stallett u ddum tħoss l-​uġigħ. Meta Sara ġiet nieqsa, Abraham, żewġha, “daħal inewwaħ għal Sara u jibkiha.” (Ġen. 23:1, 2) Minkejja li kellu fidi fl-​irxoxt, Abraham ħass ħafna niket meta mietet l-​għażiża martu. (Ebr. 11:17-​19) Wara li mietet il-​maħbuba martu Rakele, Ġakobb ma nesihiex mil-​lum għal għada. Tkellem dwarha b’tenerezza maʼ wliedu.—Ġen. 44:27; 48:7.

X’lezzjoni għandna nitgħallmu minn dawn l-​eżempji tal-​Bibbja? Ir-​romol spiss idumu snin sħaħ iħossu t-​telfa tas-​sieħeb jew is-​sieħba. M’għandniex inħarsu lejn id-​dmugħ u n-​niket tagħhom bħala dgħufija imma bħala reazzjoni naturali għat-​telfa kbira li ġarrbu. Jistaʼ jkun li jkollhom bżonn l-​empatija u l-​appoġġ tagħna għal żmien twil.

IMXI ĠURNATA B’ĠURNATA

Meta xi ħadd jitlef il-​mara jew ir-​raġel fil-​mewt, mhix sempliċement każ taʼ li jerġaʼ jgħix ħajtu kif kien qabel ma żżewweġ. Wara snin taʼ żwieġ, raġel is-​soltu jkun jaf kif ifarraġ lil martu u jinkuraġġiha meta tħossha mdejqa jew frustrata. Jekk miet, is-​sors tagħha taʼ mħabba u taʼ faraġ ukoll f’ċertu sens miet. Bl-​istess mod, maż-​żmien, mara titgħallem kif iġġiegħel lir-​raġel tagħha jħossu kunfidenti u ferħan. Il-​ġentilezza tagħha, il-​kliem taʼ faraġ li tlissen, u l-​attenzjoni li tagħti għall-​interessi u l-​bżonnijiet tiegħu ma jitqabblu maʼ xejn. Jekk tiġi nieqsa, hu għandu mnejn iħoss ċertu vojt f’ħajtu. Għalhekk, xi wħud li tilfu fil-​mewt lill-​imseħbin fiż-​żwieġ tagħhom jinkwetaw dwar il-​futur jew saħansitra jibżgħu minnu. Liema prinċipju Bibliku jistaʼ jgħinhom isibu s-​sigurtà u l-​paċi?

Alla jistaʼ jgħinek biex tissaporti t-​telfa tiegħek ġurnata b’ġurnata

“Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-​ħażen tagħha.” (Mt. 6:34) Dan il-​kliem taʼ Ġesù japplika b’mod partikulari għall-​bżonnijiet materjali fil-​ħajja, imma għen lil ħafna biex ikampaw mal-​prova taʼ li jitilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt. Xi xhur wara li mietet martu, armel jismu Charles kiteb: “L-​intensità taʼ kemm inħoss in-​nuqqas taʼ Monique għadha kbira ferm, u kultant donnha tiżdied. Imma, naf li dan hu normali u li l-​medda taż-​żmien eventwalment se ttaffi xi ftit mill-​uġigħ.”

Charles xorta kellu jissaporti “l-​medda taż-​żmien.” Kif irnexxielu? Hu qal, “Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, imxejt ġurnata b’ġurnata.” Charles ma ħalliex id-​diqa tiegħu taħkmu. L-​uġigħ li ħass m’għabx mil-​lum għal għada, imma lanqas ma kkontrollalu ħajtu. Jekk int tlift lis-​sieħba jew is-​sieħeb fil-​mewt, stinka biex tkampa maʼ din it-​telfa ġurnata bʼġurnata. Ma tafx x’benefiċċju jew x’inkuraġġiment se ġġib magħha l-​għada.

Il-​mewt ma kinitx parti mill-​iskop oriġinali taʼ Ġeħova. Għall-​kuntrarju, hi parti mill-​“għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġw. 3:8; Rum. 6:23) Satana juża l-​mewt u l-​biżaʼ li din tqanqal biex iżomm lin-​nies imjassrin u mingħajr tama. (Ebr. 2:14, 15) Satana jitpaxxa meta xi ħadd jaqtaʼ qalbu milli qatt isib il-​ferħ u l-​kuntentizza vera, lanqas fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. B’hekk, in-​niket kbir li jħoss xi ħadd meta s-​sieħba jew is-​sieħeb imut hu minħabba d-​dnub t’Adam u t-​tnassis taʼ Satana. (Rum. 5:12) Ġeħova se jirranġa għalkollox il-​ħsara li għamel Satana u se jeqred l-​arma krudila tiegħu, il-​mewt. L-​uħud meħlusin mill-​biżaʼ li juża Satana se jinkludu lil ħafna li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt, bħalma forsi għamilt int.

Rigward dawk li jiġu rxoxtati, il-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida se ġġib magħha xi bidliet. Ir-​relazzjonijiet bejn il-​bnedmin mhux se jkunu l-​istess. Aħseb dwar ġenituri, nanniet, u antenati oħra li se jirritornaw għall-​ħajja u jilħqu l-​perfezzjoni flimkien maʼ wliedhom u wlied uliedhom. L-​effetti tax-​xjuħija se jkunu ħaġa tal-​passat. Il-​ġenerazzjonijiet iżgħar għandhom mnejn ikollhom jibdew iħarsu lejn l-​antenati tagħhom b’mod differenti ħafna mill-​mod kif iħarsu lejhom issa. Dawn il-​bidliet se jgħinu biex il-​familja umana titjieb.

Hemm mistoqsijiet bla għadd li jaf ikollna dwar dawk irxoxtati, bħal pereżempju dwar dawk li tilfu żewġ imseħbin fil-​mewt jew aktar. Is-​Sadduċej qajmu mistoqsija dwar mara li l-​ewwel raġel tagħha miet, imbagħad it-​tieni raġel miet, sakemm mietu sebgħa b’kollox. (Lq. 20:27-​33) X’relazzjoni se jkollhom uħud bħal dawn wara l-​irxoxt? Ma nafux, u għalxejn noqogħdu naqtgħu x’se jiġri jew ninkwetaw. F’dan il-​punt, irridu nafdaw f’Alla. Minn ħaġa waħda aħna ċerti—hi x’inhi li jagħmel Ġeħova fil-​futur se tkun xi ħaġa tajba, xi ħaġa li nistgħu nittamaw għaliha, u mhux xi ħaġa li għandha tbeżżagħna.

IT-​TAMA TAL-​IRXOXT—SORS TAʼ FARAĠ

Waħda mill-​iktar tagħlimiet ċari tal-​Kelma t’Alla hi li l-​maħbubin mejtin se jerġgħu jqumu għall-​ħajja. Rakkonti tal-​Bibbja dwar uħud fil-​passat li ġew irxoxtati jagħtu garanzija li “dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħen [Ġesù] u joħorġu.” (Ġw. 5:28, 29) In-​nies li jkunu ħajjin dak iż-​żmien se jtiru bil-​ferħ hekk kif jilqgħu lura lil dawk li nħelsu minn taħt difrejn il-​mewt. Min-​naħa l-​oħra, lanqas nistgħu nibdew nimmaġinaw il-​ferħ li se jħossu dawk li jiġu rxoxtati.

Hekk kif biljuni taʼ nies jirxoxtaw għall-​ħajja, l-​art se timtela b’ferħ li qatt ma kien hawn bħalu qabel. (Mk. 5:39-​42; Riv. 20:13) Dawk kollha li tilfu lil xi ħadd maħbub fil-​mewt se jitfarrġu jekk jimmeditaw fuq dan il-​miraklu tal-​futur.

Tgħid se jkun hemm xi ħadd li jkollu raġuni valida biex ikun imdejjaq meta jseħħ dan l-​irxoxt grandjuż? Il-​Bibbja tgħidilna li le. Skont Isaija 25:8, Ġeħova se “jiblaʼ l-​mewt għal dejjem.” Dan jinkludi li se jneħħi kompletament l-​effett devastanti tal-​mewt, għax il-​profezija tkompli tgħid: “Il-​Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-​dmugħ mill-​uċuħ kollha.” Jekk tħossok imdejjaq issa għax seħbitek jew sieħbek raqad fil-​mewt, l-​irxoxt żgur li se jagħtik raġuni biex tifraħ.

L-​ebda bniedem ma jifhem bis-​sħiħ dak kollu li Alla se jwettaq fid-​dinja l-​ġdida. Ġeħova jgħid: “Daqskemm is-​smewwiet huma ogħla mill-​art, hekk triqati huma ogħla minn triqatkom, u ħsibijieti minn ħsibijietkom.” (Is. 55:9) Il-​wegħda taʼ Ġesù dwar l-​irxoxt li ġej tagħtina l-​opportunità li nafdaw f’Ġeħova, kif għamel Abraham. Issa, hu importanti li l-​Kristjani kollha jagħmlu dak li Alla qed jitlob minnhom. Jekk nagħmlu hekk, se ‘nitqiesu denji li niksbu s-​sistema li ġejja’ flimkien maʼ dawk li jiġu rxoxtati.—Lq. 20:35.

RAĠUNI GĦAL TAMA

Minflok ma tinkwieta u tkun ansjuż, ikkultiva t-​tama. Minn ħarsa umana, il-​futur m’għandu xejn x’joffri. Imma Ġeħova jagħtina tama għal xi ħaġa aħjar. Ma nafux eżatt kif Ġeħova se jissodisfa l-​bżonnijiet u x-​xewqat kollha tagħna, imma nafu żgur li hekk se jagħmel. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Tama li tistaʼ taraha m’hijiex tama, għax kif jistaʼ bniedem li qed jara xi ħaġa jittama għaliha? Imma jekk nittamaw għal xi ħaġa li ma narawhiex, nibqgħu nistennewha bis-​sabar.” (Rum. 8:24, 25) Tama b’saħħitha fil-​wegħdi t’Alla se tgħinek tissaporti. Permezz tas-​sabar, se tesperjenza dak il-​futur grandjuż li fih Ġeħova se “jagħtik dak li tixtieq qalbek.” Se jissodisfa “x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.”—Salm 37:4; 145:16; Lq. 21:19.

Afda fil-​wegħda taʼ Ġeħova dwar futur mimli ferħ

Meta qorob iż-​żmien biex imut Ġesù, l-​appostli tnikktu ferm. Ġesù farraġhom b’dan il-​kliem: “Tħallux lil qlubkom jitħawdu. Eżerċitaw il-​fidi f’Alla, eżerċitaw il-​fidi fija wkoll.” Qalilhom: “Ma nħallikomx bħal iltiema. Niġi għandkom.” (Ġw. 14:1-​4, 18, 27) Kliemu kien se jagħti lis-​segwaċi midlukin tiegħu bażi għat-​tama u s-​sabar matul is-​sekli. Dawk li jixxennqu biex jaraw lill-​maħbubin tagħhom fl-​irxoxt ukoll m’għandhomx għalfejn jaqtgħu qalbhom. Ġeħova u Ibnu mhux se jabbandunawhom. Serraħ moħħok minn dan!

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

Inkuraġġixxi lil Dawk Imnikktin Wara t-​Telfa Tagħhom

Għal xi żmien wara li jmut Kristjan miżżewweġ, ħafna wħud għandhom mnejn iżuru lis-​sieħba fiż-​żwieġ biex jagħtuha xi faraġ u biex jgħinuha b’diversi modi. Pereżempju, armla x’aktarx li se tapprezza ferm l-​attenzjoni tal-​familja u l-​ħbieb. Imma l-​uġigħ li tħoss minħabba din it-​telfa jistaʼ jdum biex itaffi, u jistaʼ jkun li se jkollha bżonn il-​faraġ u l-​appoġġ għal żmien twil. Il-​Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.”—Prov. 17:17.

Kif għandek tilqaʼ lil xi ħadd li tilef lis-​sieħeb jew is-​sieħba fil-​mewt? Il-​Bibbja tagħtina dan il-​parir: “Intom ilkoll kunu fehma waħda, billi tħossu għal xulxin, turu affezzjoni lejn l-​aħwa, tagħdru b’tenerezza.” (1 Pt. 3:8) Għal xi żmien wara t-​telfa, l-​armel jew l-​armla għandha mnejn ma tantx tħossha tajba. Għalhekk, għalkemm issir b’intenzjoni tajba, tistaʼ ma tkunx idea tajba li tgħid kliem bħal “Kif int?” jew “Orrajt?” L-​imnikket jistaʼ jaħseb, ‘Lanqas idea m’għandek taʼ kif qed inħossni’ jew, ‘Kif nistaʼ nkun orrajt bħalissa?’ Għalhekk, abbli jkun aħjar jekk tagħmel xi stqarrija sinċiera u pożittiva bħal “Kemm qed nieħu pjaċir narak,” jew “Il-​fatt li narak fil-​kongregazzjoni tgħidx kemm jinkuraġġini.”

Tistaʼ tistieden lil xi ħadd armel jew armla biex tiekol ikla sempliċi miegħek jew biex tmorru mixja flimkien. Marcos, li hu armel, kiseb faraġ mingħand dawk li żaruh. Dwar xiex tkellmu? Hu jgħid: “Ma tantx tkellimna dwar il-​problemi tiegħi imma tkellimna dwar kwalunkwe ħaġa inkuraġġanti.” Armla jisimha Nina qalet: “Il-​ħbieb tal-​qalb tiegħi spiss jgħidu eżatt dak li jkolli bżonn nismaʼ fil-​ħin eżatt. Xi kultant ma jgħidu xejn—sempliċement joqogħdu miegħi.”

Jekk l-​armla jew l-​armel ikun irid jitkellem dwar it-​traġedja, agħti widen b’interess u b’paċenzja. Tistaqsix mistoqsijiet sforz il-​kurżità. Tiġġudikax. M’hemmx għalfejn toffri parir dwar kif l-​imnikket għandu jesprimi n-​niket tiegħu jew għal kemm tul taʼ żmien għandu jitnikket. Tiħux għalik jekk l-​imnikket ikun irid joqgħod waħdu. Tistaʼ terġaʼ żżuru darb’oħra. Ibqaʼ uri l-​imħabba.—Ġw. 13:34, 35.

Għandek Xi Mistoqsijiet Dwar il-​Futur?

Hu naturali li toqgħod taħseb fuq kif Ġeħova se jwettaq il-​wegħdi tiegħu. Abraham spiss qagħad jaħseb dwar il-​wegħda t’Alla li jagħtih iben. Ġeħova inkuraġġih biex ikun paċenzjuż. Dan ir-​raġel leali ma kienx diżappuntat.—Ġen. 15:2-​5; Ebr. 6:10-​15.

Wara li semaʼ li ibnu kien miet, Ġakobb tassew ħass in-​nuqqas taʼ ibnu. Snin sħaħ wara, Ġakobb kien għadu mnikket minħabba ibnu għax ħaseb li kien mejjet. Però, Ġeħova kellu barka merfugħa għal Ġakobb, xi ħaġa li lanqas biss setaʼ jimmaġinaha. Maż-​żmien, Ġakobb reġaʼ ngħaqad maʼ Ġużeppi, u setaʼ jiltaqaʼ wkoll man-​neputijiet tiegħu. Ġakobb qal: “Qatt ma kont nobsor li nara lil wiċċek imma, ara, Alla ħallieni nara saħansitra lil uliedek.”—Ġen. 37:33-​35; 48:11.

X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn dawn ir-​rakkonti? L-​ewwel nett, serraħ moħħok li xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Alla li Jistaʼ Kollox milli jwettaq ir-​rieda tiegħu. It-​tieni, jekk nitolbu u naħdmu fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova, hu se jieħu ħsiebna issa u se jissodisfa bis-​sħiħ il-​bżonnijiet u x-​xewqat futuri tagħna. Pawlu kiteb: “Lil dak li, skond il-​qawwa tiegħu li qed taħdem fina, jistaʼ jagħmel bil-​wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew naħsbu, lilu tkun il-​glorja permezz tal-​kongregazzjoni u permezz taʼ Kristu Ġesù għall-​ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem taʼ dejjem. Amen.”—Efes. 3:20, 21.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja